|
11.2.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 39/3 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Diċembru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour de cassation — Franza) — Société Rastelli Davide e C. Snc vs Jean-Charles Hidoux, bħala likwidatur ġudizzjarju tal-kumpannija Médiasucre international
(Kawża C-191/10) (1)
(Regolament (KE) Nru 1346/2000 - Proċeduri ta’ falliment - Ġurisdizzjoni internazzjonali - Estensjoni tal-proċeduri ta’ falliment miftuħa kontra kumpannija stabbilita fi Stat Membru għal kumpannija li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fi Stat Membru ieħor minħabba konfużjoni ta’ patrimonji taż-żewġ kumpanniji)
(2012/C 39/04)
Lingwa tal-kawża: il-Franiċż
Qorti tar-rinviju
Cour de cassation
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Société Rastelli Davide e C. Snc
Konvenut: Jean-Charles Hidoux, bħala likwidatur ġudizzjarju tal-kumpannija Médiasucre international
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Cour de cassation — Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191) — Ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Franċiżi sabiex jestendu proċedura ta’ falliment miftuħ fir-rigward ta’ kumpannija stabbilita fit-territorju nazzjonali għal kumpannija li l-uffiċċju reġistrat tagħha jinsab fi Stat Membru ieħor, minħabba konfużjoni ta’ patrimonji — Kunċetti ta’ “ftuħ” u ta’ “estenzjoni” ta’ proċedura ta’ falliment — Determinazzjoni taċ-ċentru tal-interessi prinċipali
Dispożittiv
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru li tkun fetħet proċeduri prinċipali ta’ falliment kontra kumpannija, billi tiddikjara li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha jkun jinsab fit-territorju ta’ dak l-Istat, tista’ biss, b’applikazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali tagħha, testendi din il-proċedura għal kumpannija oħra li għandha l-uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru ieħor, bil-kundizzjoni li jiġi pprovat li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din tal-aħħar jinsab fl-ewwel Stat Membru; |
|
(2) |
Ir-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li fejn kumpannija, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fuq it-territorju ta’ Stat Membru, tkun suġġetta għal azzjoni intiża sabiex testendi fuqha l-effetti ta’ proċedura ta’ falliment miftuħa fi Stat Membru ieħor kontra kumpannija oħra li hija stabbilita fuq it-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru, il-konstatazzjoni tal-konfużjoni tal-patrimonji ta’ dawn il-kumpanniji waħidha ma hijiex suffiċjenti sabiex tipprova li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tal-kumpannija kkonċernata minn din l-azzjoni jinsab ukoll f’dan l-aħħar Stat. Sabiex tinqaleb il-preżunzjoni li tgħid li dan iċ-ċentru jinsab fil-post tal-uffiċju rreġistrat, huwa meħtieġ li evalwazzjoni globali tat-totalità tal-elementi rilevanti tippermetti li jiġi stabbilit li, b’mod verifikabbli minn terzi, iċ-ċentru effettiv ta’ tmexxija u ta’ kontroll tal-kumpannija suġġetta għall-azzjoni għall-finijiet tal-estensjoni jinsab fl-Istat Membru fejn infetħet il-proċedura ta’ falliment inizjali. |