8.10.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 298/6 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ Lulju 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal administratif — Il-Lussemburgu) — Brahim Samba Diouf vs Ministre du Travail, de l’Emploi et de l’Immigration
(Kawża C-69/10) (1)
(Direttiva 2005/85/KE - Standards minimi li jikkonċernaw il-proċedura ta’ għoti u ta’ irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri - Kunċett ta’ ‘deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni […] għall-ażil’ fis-sens tal-Artikolu 39 ta’ din id-direttiva - Applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz intiża sabiex jikseb l-istatus ta’ refuġjat - Nuqqas ta’ raġunijiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali - Ċaħda tal-applikazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa - Nuqqas ta’ rimedju kontra d-deċiżjoni li l-applikazzjoni tkun suġġetta għal proċedura mħaffa - Dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv)
2011/C 298/08
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Tribunal administratif
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Brahim Samba Diouf
Konvenut: Ministre du Travail, de l’Emploi et de l’Immigration
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunal administratif — (il-Lussemburgu) — Interpretazzjoni tal-Artikolu 39 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, p. 168) — Applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, f’sitwazzjoni irregolari, intiża sabiex jikseb l-istatus ta’ refuġjat — Ċaħda ta’ din l-applikazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali mħaffa, fin-nuqqqas ta’ raġunijet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali — Konformità mad-dritt Komunitarju ta’ liġi nazzjonali li teskludi r-rimedji kollha kontra d-deċiżjoni li tintalab proċedura mħaffa — Dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv
Dispożittiv
L-Artikolu 39 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat fl-Istati Membri, u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħala dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li ebda rikors awtonomu ma jista’ jiġi ppreżentat kontra d-deċiżjoni, tal-awtorità kompetenti, li tiġi eżaminta applikazzjoni għall-ażil fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, peress li r-raġunijiet li wasslu din l-awtorità li teżamina l-fondatezza tal-imsemmija applikazzjoni fil-kuntest ta’ tali proċedura jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest tar-rikors li d-deċiżjoni finali ta’ ċaħda tista’ tkun is-suġġett tiegħu, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.