10.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 269/10


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Lulju 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Fővárosi Bíróság — ir-Repubblika tal-Ungarija) — Károly Nagy vs Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal

(Kawża C-21/10) (1)

(Politika Agrikola Komuni - Finanzjament mill-FAEGG - Regolamenti (KE) Nri 1257/1999 u 817/2004 - Sostenn Komunitarju għall-iżvilupp rurali - Sostenn għall- metodi ta’ produzzjoni agroambjentali - Għajnuna agroambjentali barra l-għajnuna ‘annimali’, li l-għoti tagħhom huwa suġġett għal ċerti densità ta’ bhejjem - Applikazzjoni tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll - Sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat - Obbligu ta’ informazzjoni tal-awtoritajiet dwar il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà)

2011/C 269/16

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Károly Nagy

Konvenuta: Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Fővárosi Bíróság — Interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG), u li jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25 p. 391), kif ukoll tal-Artikolu 68 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 817/2004, tad-29 ta’ April 2004, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u l-Garanzija (FAEGG) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 46 p. 87) — Esklużjoni ta’ bidwi mill-benefiċċju ta’ għajnuna agroambjentali minħabba li naqas milli jirreġistra l-annimali fis-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll dwar ċerti skemi ta’ għajnuna Komunitarji — Nuqqas ikkonstatat esklużivament wara verifiki trasversali stabbiliti mis-sistema ċċitata iktar ’il fuq — Applikazzjoni ta’ sistema integrata għal għajnuna agroambjentali li ma hijiex għajnuna “annimali” iżda li l-għoti tagħha huwa suġġett għar-rekwiżit ta’ densità ta’ bhejjem.

Dispożittiv

(1)

Għal dak li jirrigwarda l-għajnuna bbażata fuq l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1783/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, u suġġetti għal kundizzjoni ta’ densità tal-bhejjem, din id-dispożizzjoni kif ukoll l-Artikolu 68 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 817/2004, tad-29 ta’ April 2004, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti sabiex iwettqu verifiki trasversali mad-data tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll u, b’mod partikolari, li jibbażaw rwieħhom fuq dik id-data li tinsab fir-reġistru ta’ sistema nazzjonali ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali tal-annimali tal-ifrat, bħas-sistema Ungeriża ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali tal-annimali tal-ifrat (Egységes Nyilvántartási és Azonosítási Rendszer).

(2)

L-Artikoli 22 tar-Regolament Nru 1257/1999, kif emendat, u 68 tar-Regolament Nru 817/2004 jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti, meta jagħmlu l-verifika ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ għajnuna agroambjentali pprovduta fl-imsemmi Artikolu 22, sabiex jivverifikaw biss id-data ta’ sistema nazzjonali ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali ta’ annimali tal-ifrat, bħas-sistema Ungeriża ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali tal-annimali tal-ifrat, sabiex tiġi rrifjutata tali għajnuna, mingħajr ma neċessarjament ikollhom jagħmlu iktar verifiki.

(3)

L-Artikoli 22 tar-Regolament Nru 1257/1999, kif emendat u 68 tar-Regolament Nru 817/2004, interpretati fid-dawl tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 796/2004, li jippreskrivu regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament Nru 1782/2003, jissuġġettaw lill-awtoritajiet nazzjonali, sa fejn dawn jivverifikaw biss id-data ta’ sistema nazzjonali ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali ta’ annimali bovini, bħas-sistema Ungeriża ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali tal-ispeċi ta’ annimali tal-ifrat, għall-finijiet ta’ verifika tal-eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ għajnuna agroambjentali pprovduta fl-imsemmi Artikolu 22 u suġġetta għal kundizzjoni ta’ densità tal-bhejjem, għal obbligu ta’ informazzjoni dwar l-eliġibbiltà ta’ informazzjoni relatata ma dawn il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, li jikkonsisti f’li l-bidwi kkonċernat minn din l-għajnuna jiġi informat li kull annimal mhux identifikat jew mhux irreġistrat b’mod korrett f’din is-sistema nazzjonali se jkun inkluż fit-total ta’ annimali misjuba b’irregolaritajiet li jista’ jwassal għal konsegwenzi ġuridiċi, bħal tnaqqis ta’ jew esklużjoni mill-għajnuna kkonċernata.


(1)  ĠU C 113, 01.05.2010.