19.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 312/42 |
Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Novembru 2009 — Azienda Agricola Bracesco vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-440/09)
2009/C 312/69
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Azienda Agricola Bracesco Srl (Orgiano, l-Italja) (rappreżentanti: F. Tosello, avukat, S. Rizzioli, avukat, C. Pauly, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej sabiex, skont l-Artikoli 235 u 288(2) tat-Trattat KE, tħallas bħala danni favur il-kumpannija Azienda Agricola Bracesco s.r.l, li attwalment tinsab fi stralċ, l-ammont ta’ EUR 335 000, jew kwalunkwe ammont ieħor stabbilit matul il-proċedura u li, fi kwalunkwe każ, ikun stabbilit mill-qorti, minbarra l-imgħax legali minn meta l-ammont isir dovut sad-data effettiva tal-ħlas; |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors għal kumpens għad-danni li jirriżultaw mir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità Ewropea jinsab fil-kuntest ta’ miżuri Komunitarji tal-ġlieda kontra l-influwenza avjarja.
F’dan ir-rigward, qed jiġi sostnut illi, minħabba t-tfixkil fis-suq Ewropew tat-tjur kkawżat minħabba t-tnaqqis tal-prezzijiet wara t-tnaqqis tad-domanda mill-konsumaturi, marbuta, minn naħa tagħha, mat-tixrid tal-influwenza avjarja, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iddeċidiet li tintervjeni permezz tar-Regolament Nru 1010/2006 (1), li jipprovdi miżuri ta’ sostenn favur il-bdiewa.
Madankollu, minkejja li l-leġiżlazzjoni Komunitarja rigward is-saħħa tal-annimali; tinkludi s-summien fil-kunċett ta’ tjur, il-produtturi tal-għasafar involuti fit-trobbija u fil-qatla ta’ din l-ispeċi ġew esklużi mingħajr ebda raġuni mill-benefiċċju tal-għajnuna.
Ir-rikorrenti, Azienda Agricola Bracesco s.r.l fi stralċ, tallega li sofriet danni mhux iġġustifikati minħabba mġiba tal-Kummissjoni Ewropea, li tikkostitwixxi vjolazzjoni gravi u manifest ta’ wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku Komunitarju, jiġifieri il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1010/2006, tat-3 ta’ Lulju 2006, li jikkonċerna ċerti miżuri eċċezzjonali ta’ sostenn tas-suq fis-setturi tal-bajd u tat-tjur f’ċerti Stati Membri (ĠU L 180, p. 3).