19.6.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 161/42 |
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Ottubru 2009 — Campailla vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-429/09)
(2010/C 161/66)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Massimo Campailla (Boulogne-sur Mer, Franza) (rappreżentant: P. Goergen, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu subit mir-rikorrent minħabba li l-Kummissjoni rrifjutat li tieħu miżuri wara l-ilment tiegħu dwar okkorrenzi ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu mill-awtoritajiet tal-Kamerun. |
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrent jitlob kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, inklużi fl-ittra D3 *3/2004/D/4809, tat-30 ta’ Lulju 2004, u l-ittra D3 D*3/2004/D/5438, tad-9 ta’ Settembru 2004, indirizzati lir-rikorrent, li permezz tagħhom il-Kummissjoni rrifjutat li tieħu miżuri wara l-ilment tiegħu dwar allegati okkorrenzi ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu mill-awtoritajiet tal-Kamerun.
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motivi bbażati fuq l-illegalità tad-deċiżjoni minħabba ż-żnaturament tal-fatti u l-abbuż tal-poter kif ukoll ksur tad-dispożizzjonijiet u tal-prinċipji tat-Trattat KE u tat-Trattat UE kif ukoll tad-drittijiet fundamentali tiegħu ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedam u tal-Libertajiet Fundamentali u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (inter alia: il-prinċipji taċ-ċertezza legali, tal-aspettattivi leġittimi, tal-amministrazzjoni tajba, tal-obbligu tan-nondiskriminazzjoni, ta’ tmexxija tajba, tal-osservanza tal-forom proċedurali sostanzjali, tal-projbizzjoni tat-trattament inuman u degradanti).