18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/37


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Marzu 2009 – UCAPT vs Il-Kunsill

(Kawża T-96/09)

2009/C 90/57

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Union de Coopératives Agricoles des Producteurs de Tabac de France (UCAPT) (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: B. Peignot u D. Garreau, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż f’ammont ta’ EUR 10 000

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill Nru 73/2009 (1) dwar skemi ta’ appoġġ għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni, li l-Artikolu 135 tiegħu jipprevedi, mis-sena finanzjarja 2011, tnaqqis tal-livell ta’ għajnuna għall-produzzjoni tat-tabakk ta’ 50 % mill-livell ta’ għajnuna medja mogħtija fl-2000, 2001 u 2002. Tali tnaqqis kien diġà previst fl-Artikolu 143e tar-Regolament Nru 1782/2003 (2).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni erba’ motivi bbażati fuq:

difett proċedurali inkwantu qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat ma sarx studju dwar l-impatt tar-riforma tal-iskema ta’ għajnuna fuq is-settur tat-tabakk;

korrelattivament, abbuż ta’ poter;

ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li t-tnaqqis tal-appoġġ dirett b’50 % ma kienx xieraq sabiex jintlaħqu ż-żewġ għanijiet segwiti mir-riforma tal-iskema ta’ appoġġ lill-industrija tat-tabakk, jiġifieri l-allinjament tal-prezzijiet fuq dawk tas-suq mondjali u l-promozzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni tar-reġjuni li jipproduċu t-tabakk fil-programmi ta’ żvilupp rurali;

ksur tal-Artikolu 33 KE, inkwantu r-regolament ikkontestat ma jieħux inkunsiderazzjoni ċerti għanijiet segwiti mill-politika agrikola komuni, jiġifieri l-assigurazzjoni ta’ livell ta’ għixien xieraq għall-popolazzjoni agrikola u l-istabbilizzazzjoni tas-swieq.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16)

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU L 270, p. 1)