4.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 82/27


Rikors ippreżentat fis-6 ta' Jannar 2009 — Dredging eInternational u Ondernemingen Jan de Nul vs EMSA

(Kawża T-8/09)

(2009/C 82/48)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Dredging International NV (Zwijndrecht, il-Belġju) u Ondernemingen Jan de Nul NV (Hofstade-Aalst, il-Belġju) (rappreżentant: R. Martens, avukat)

Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-EMSA li tiċħad l-offerta tal-Joint Venture Oil Combat (iktar 'il quddiem “JVOC”), stabbilita mir-rikorrenti, u li tagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul;

tiddikjara l-kuntratt iffirmat bejn l-EMSA u l-offerent magħżul wara l-proċedura għall-għoti ta' kuntratti EMSA/NEG/3/2008 bħala null u bla effett;

tagħti kumpens għad-danni li l-JVOC subiti minħabba d-deċiżjoni kkontestata, stmati b'mod provviżorju għal EUR 725 500, flimkien mal-interessi moratorji sa mill-preżentata ta' dan ir-rikors;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż sostnuti mill-JVOC.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-konvenuta li tiċħad l-offerta tagħhom li huma ppreżentaw għas-sejħa għal offerti EMSA/NEG/3/2008 (Lott 2: il-baħar tat-Tramuntana) dwar kuntratti għal servizzi ta' bastimenti għall-irkupru taż-żejt lesti għall-azzjoni (1), u li tagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul. Ir-rikorrenti jitolbu wkoll kumpens għad-danni allegatament ikkawżati mis-sejħa għal offerti.

Insostenn tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jressqu erba' motivi.

Fl-ewwel lok, huma jsostnu li billi ma ngħatawx l-informazzjoni mitluba minnhom rigward ir-raġunijiet għaliex l-offerta tagħhom ġiet miċħuda, u dwar il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta tal-offerent magħżul, il-konvenuta kisret l-Artikolu 135(2) tar-Regolament (2), l-Artikolu 253 KE u r-rekwiżiti proċedurali sostanzjali ta' motivazzjoni u tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-konvenuta ma ssospendietx l-iffirmar tal-kuntratt mal-offerent magħżul sakemm sar skambju tal-informazzjoni rilevanti, bejnha u r-rikorrenti, u li b'dan il-mod hija kisret l-Artikolu 105(2) tar-Regolament Finanzjarju (3) u l-Artikolu 158a(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002 (4).

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni meta evalwat l-offerta tal-offerent magħżul u li, b'dan il-mod, hija kisret il-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' non-diskriminazzjoni kif provduti fl-Artikolu 89 tar-Regolament Finanzjarju.

Fir-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta wettqet diversi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni fid-deċiżjoni tagħha li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti minħabba nuqqas ta' konformità mal-Artikolu 12.2 tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, mingħajr ma eżaminat ulterjorment l-argumenti tar-rikorrenti. Għaldaqstant, fil-fehma tar-rikorrenti, il-konvenuta kisret il-prinċipji ta' proporzjonalità, ta' trattament ugwali u ta' non-diskriminazzjoni bi ksur tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju.

Fir-raba' lok, ir-rikorrenti jsostnu li fl-interpretazzjoni mogħtija mill-konvenuta tal-Artikolu 12.2 tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, il-limitu massimu tal-baġit huwa manifestament irraġonevoli u ma jippermettix li jiġu ppreżentati offerti li jikkonformaw miegħu.


(1)   ĠU 2008/S 48-065631.

(2)  Ir-Regolament tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, adottat fid-9 ta' Diċembru 2003 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju tad-9 ta' Diċembru 2003 li japplika għall-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, adottat mill-Bord Amministrattiv fit-3 ta' Lulju 2003.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 357, p. 1).