SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)
14 ta’ Lulju 2016 ( *1 )
“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-manek marittimi — Ftehimiet ta’ iffissar tal-prezzijiet, tqassim tas-suq u skambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Prinċipju ta’ kontinwità ekonomika — Prinċipju ta’ responsabbiltà personali — Multi — Ċirkustanzi aggravanti — Rwol ta’ tmexxija — Limitu massimu ta’ 10 % Ġurisdizzjoni sħiħa”
Fil-Kawża T‑146/09 RENV,
Parker Hannifin Manufacturing Srl, li qabel kienet Parker ITR Srl, stabbilita f’Corsico (l-Italja),
Parker-Hannifin Corp., stabbilita f’Mayfield Heights, Ohio (l-Istati Uniti),
irrappreżentati minn B. Amory, F. Marchini Camia u É. Barbier de La Serre, avukati,
rikorrenti
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka, S. Noë u R. Sauer, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 428 finali, tat-28 ta’ Jannar 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39406 – Manek Marittimi), sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża li tannulla jew tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom bid-deċiżjoni msemmija,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),
komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, J. Schwarcz u A. M. Collins, Imħallfin,
Reġistratur: M. Junius, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-24 ta’ Frar 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
1 |
Din il-kawża taqa’ taħt il-proċedura dwar il-kartell tal-manek marittimi, issanzjonat mill-Kummissjoni Ewropea fid-Deċiżjoni C(2009) 428 finali, tat-28 ta’ Jannar 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39406 – Manek Marittimi) (iktar 'il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”). |
|
2 |
Ħdax-il kumpannija kienu d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, fosthom Bridgestone Corporation u Bridgestone Industrial Limited (iktar 'il quddiem, flimkien, “Bridgestone”), The Yokohama Rubber Company Limited (iktar 'il quddiem “Yokohama”), Dunlop Oil & Marine Limited (iktar 'il quddiem “DOM”), l-ewwel rikorrenti, Parker ITR Srl (li saret Parker Hannifin Manufacturing Srl, iktar 'il quddiem “Parker ITR”), it-tieni rikorrenti, Parker-Hannifin Corp (iktar 'il quddiem “Parker-Hannifin”) u Manuli Rubber Industries SpA (iktar 'il quddiem “Manuli”). |
|
3 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, mill-1986 sal-2007, grupp ta’ impriżi attivi fis-settur tal-manek marittimi kien ipparteċipa f’akkordju fuq skala dinjija u imponiet fuqu l-multi li jammontaw għall-EUR 131000000. |
|
4 |
Il-kumpannija ITR Rubber (li saret Parker ITR sussegwentement), maħluqa fis-27 ta’ Ġunju 2001 mill-kumpannija parent, ITR SpA, fi ħdan il-grupp Saiag, kienet attiva fis-settur tal-manek marittimi mill-1 ta’ Jannar 2002, data meta ITR ittrasferitilha l-attivi f’dan is-settur, sabiex jinbiegħu lil Parker-Hannifin, fi ħdan il-grupp Parker. Il-bejgħ ta’ ITR Rubber lil Parker-Hannifin seħħ fil-31 ta’ Jannar 2002. |
|
5 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li kien hemm lok li jsir devjazzjoni mill-prinċipju ta’ responsabbiltà personali u jiġi applikat il-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika fil-każ ineżami, peress li Parker ITR kienet is-suċċessur ekonomiku tal-attività marbuta mal-manek marittimi ta’ ITR u ta’ Saiag SpA, u għalhekk kellha tkun responsabbli għall-ksur imwettaq minn ITR u Saiag, qabel l‑1 ta’ Jannar 2002, data li fiha l-attivi fis-settur tal-manek marittimi kienu ġew ittrasferiti lilha. Parker-Hannifin inżammet responsabbli in solidum għall-aġir ta’ Parker ITR mid-data tal-akkwist ta’ din tal-aħħar, fil-31 ta’ Jannar 2002. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li Parker ITR kienet responsabbli għall-ksur għall-perijodu bejn l-1 ta’ April 1986 u t-2 ta’ Mejju 2007 u imponiet fuqha l-multa għall-ammont ta’ EUR 25610000, fejn Parker‑Hannifin kienet inżammet responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 8320000. |
|
6 |
Fid-9 ta’ April 2009, Parker ITR u Parker-Hannifin ippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali fejn huma talbu, fuq bażi prinċipali, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet tikkonċernahom u, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-multa imposta. |
|
7 |
Fis-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, Parker ITR u Parker-Hannifin vs Il-Kummissjoni (T‑146/09, iktar 'il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali”, EU:T:2013:258), il-Qorti Ġenerali qieset li l-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika ma japplikax f’sitwazzjonijiet bħal dik ineżami u li kien hemm lok li jiġi applikat il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset li, il-każ ineżami, kien jirrigwarda ċessjoni mill-impriża implikata fl-akkordju, jiġifieri Saiag u s-sussidjarja tagħha ITR, ta’ parti mill-attivitajiet ta’ din tal-aħħar lil terz indipendenti, jiġifieri Parker-Hannifin, peress li l-waqfien ta’ ITR Rubber u t-trasferiment tal-attivi lilha minn ITR kien jikkonsisti, essenzjalment, fi tranżazzjoni ta’ għoti tal-qasam ta’ attività dwar il-manek tal-lasktu li jaqgħu taħt l-għan ta’ ċessjoni lil Parker-Hannifin (punt 115 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali). Issa, ma kienet teżisti l-ebda rabta bejn iċ-ċedent, Saiag jew ITR, u ċ-ċessjonarju, Parker-Hannifin (punt 116 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali). Min-naħa l-oħra, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, hija l-Kummissjoni li għandha tikkonstata li ITR u Saiag kienu responsabbli għall-ksur sal-1 ta’ Jannar 2002 u, għalhekk, hija ma setgħetx iżżomm responsabbli lil ITR Rubber (li saret Parker ITR) għall-perijodu preċedenti din id-data (punti 118 u 119 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija kienet tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Parker ITR fil-ksur għall-perijodu preċedenti l-1 ta’ Jannar 2002 u l-ammont tal-multa imposta fuq Parker ITR ġiet stabbilita għal EUR 6400000, fejn Parker‑Hannifin kienet responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR6 300000. |
|
8 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni ppreżentat appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. |
|
9 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin (C‑434/13 P, iktar 'il quddiem is-“sentenza dwar l-appell”, EU:C:2014:2456), qieset, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kienet għaqdet bi żball żewġ tranżazzjonijiet distinti, sa fejn kienet ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċessjoni ta’ ITR Rubber lil Parker‑Hannifin filwaqt li qabel kien sar trasferiment intra-grupp ta’ attivi ta’ ITR lil ITR Rubber, li kien rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika (punti 46, 49 u 54 tas-sentenza dwar l-appell). Dan il-prinċipju japplika, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba fir-rabtiet strutturali bejn ITR u s-sussidjarja tagħha għal 100 % ITR Rubber fil-mument tat-trasferiment tal-attivi ta’ din tal-aħħar (punt 55 tas-sentenza dwar l-appell). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li sitwazzjoni ta’ kontinwità ekonomika tista’ tiġi eskluża fl-assenza ta’ rabtiet effettivi, taħt il-forma ta’ eżerċizzju effettiv mill-ITR ta’ influwenza determinanti fuq ITR Rubber, fatt li ma kienx is-suġġett ta’ eżami fl-ewwel istanza (punti 56 u 65 tas-sentenza dwar l-appell). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat il-punti 1 sa 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali u rrinvijat il-kawża quddiem din tal-aħħar sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors. |
|
10 |
Deskrizzjoni ddettaljata dwar il-fatti li wasslu għall-kawża, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda s-settur tal-manek marittimi, l-istorja dwar ir-rikorrenti, il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kkontestata jissemmew fil-punti 1 sa 34 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali u fil-punti 6 sa 17 tas-sentenza dwar l-appell. |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
|
11 |
Wara s-sentenza mogħtija fl-appell, u skont l-Artikolu 118(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, din il-kawża ġiet assenjata lis-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali. |
|
12 |
Minħabba impediment ta’ membru tas-Sitt Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-awla. |
|
13 |
Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta ċerti dokumenti. Il-Kummissjoni osservat din it-talba fit-terminu mogħti. |
|
14 |
It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-24 ta’ Frar 2016. |
|
15 |
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
16 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
Fuq il-portata tar-rikors wara r-rinviju tiegħu
L-argumenti tal-partijiet
|
17 |
Ir-rikorrenti jsostnu li, meta qiegħda tiddeċiedi dwar ir-rinviju, il-Qorti Ġenerali trid tiddeċiedi dwar il-motivi għall-annullament kollha li dawn qajmu, sakemm dawn jirriflettu f’wieħed mill-elementi tad-dispożittiv tas-sentenza annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi dawk, fl-ewwel istanza, li ġew miċħuda bħala ineffettivi jew li ntlaqgħu sempliċement minħabba konsegwenza li jintlaqa’ motiv li għandu jiġi eżaminat wara r-rinviju. |
|
18 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jindikaw fl-osservazzjonijiet tagħhom li huma qegħdin jirtiraw it-tieni, it-tielet, ir-raba’, is-seba’ u d-disa’ motivi tagħhom. |
|
19 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma tistax twettaq, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors wara r-rinviju, evalwazzjoni mill-ġdid fuq allegazzjonijiet li ma kinux qamu fil-kuntest tar-rikors inizjali jew li, filwaqt li kienu miċħuda fuq il-merti mill-Qorti Ġenerali, ma kinux is-suġġett ta’ appell, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul fil-kuntest tat-tmien motiv. Barra minn hekk, hija ssostni li eżami ġdid huwa eskluż fil-kuntest tar-rikors wara r-rinviju sakemm jirrigwarda punti li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet definittivament fis-sentenza dwar l-appell. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
|
20 |
Qabel kollox, hemm lok jiġi osservat, kif kien indikat fil-punt 18 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti rtiraw it-tieni, it-tielet, ir-raba’, is-seba’ u d-disa’ motivi. |
|
21 |
Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li japplika għal Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, meta l-appell huwa fondat u l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-kawża, din hija marbuta mill-punti ta’ liġi deċiżi permezz ta-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
22 |
Għalhekk, wara l-annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja u r-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar tressqet quddiemha azzjoni, skont l-Artikolu 215 tar-Regoli tal-Proċedura, permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u għandha tieħu deċiżjoni għal darb’oħra dwar il-motivi kollha għall-annullament imqajma mir-rikorrenti, bl-esklużjoni tal-elementi tad-dispożittiv mhux annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-kunsiderazzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tal-imsemmija elementi, peress li dawn kienu saru res judicata (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑236/02, EU:T:2011:465, punt 83). |
|
23 |
Fil-każ ineżami, permezz tas-sentenza dwar l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat il-punti 1 sa 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, irrinvijat il-kawża quddiemha sabiex hija tiddeċiedi dwar il-mertu tar-rikors u rriżervat l-ispejjeż. Għalhekk, wara r-rinviju tar-rikors mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi, filwaqt li tkun marbuta mill-punti ta’ liġi deċiżi mis-sentenza dwar l-appell, dwar il-motivi kollha invokati mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha sa fejn jikkostitwixxu l-bażi tal-punti 1 sa 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li kienu ġew annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali li l-punti 1 sa 3 tad-dispożittiv tagħha huma bbażati fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel parti tal-ewwel motiv u l-ħames u s-sitt motivi invokati mir-rikorrenti kif ukoll fuq l-illegalitajiet ikkonstatati waqt l-eżami ta’ dawn il-motivi. |
|
25 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tmien motiv, hemm lok jiġi osservat li, fis-sentenza dwar l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet bħala inammissibbli l-argument tar-rikorrenti li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar it-tmien motiv tar-rikors tagħhom minħabba l-fatt li ma kinux ippreżentaw appell inċidentali permezz ta’ att separat, distint mir-risposta tagħha, kontra tali evalwazzjoni. |
|
26 |
Fil-fatt, fil-punti 94 sa 97 tas-sentenza dwar l-appell, kien ġie deċiż dan li ġej:
|
|
27 |
Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-punt 97 tas-sentenza dwar l-appell, sa fejn it-tmien motiv ġie miċħud fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali għall-perijodu ta’ wara l-1 ta’ Jannar 2002, dan l-element tal-imsemmija sentenza, peress li ma kienx is-suġġett ta’ appell inċidentali u peress li, għalhekk ma kienx ġie annullat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitqies li kien sar res judicata. |
|
28 |
Madankollu, fil-punt 228 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar ċaħdet bħala ineffettiv it-tmien motiv, minħabba l-fatt li ntlaqa’ l-ewwel motiv, sa fejn kien jirrigwarda l-perijodu preċedenti għall-1 ta’ Jannar 2002 u ma eżaminatx l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali u ta’ proporzjonalità u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn kienu jirrigwardaw l-imsemmi perijodu. |
|
29 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, l-evalwazzjoni tagħha dwar it-tmien motiv kienet ibbażata, għal dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ ksur preċedenti l-1 ta’ Jannar 2002, fuq il-fatt li l-ewwel motiv intlaqa’ u fuq il-fatt li din il-konferma tikkostitwixxi, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 253 u 255 tal-imsemmija sentenza, il-bażi neċessarja tal-punti 1 sa 3 tad-dispożittiv tagħha li kienu ġew annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
30 |
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax titqies li ddeċidiet dwar il-mertu tat-tmien motiv sa fejn dan kien jirrigwarda l-perijodu preċedenti l-1 ta’ Jannar 2002. |
|
31 |
Għalhekk, hemm lok li jiġi eżaminat it-tmien motiv invokat mir-rikorrenti għal dak li jirrigwarda l-perijodu preċedenti l-1 ta’ Jannar 2002. |
|
32 |
Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali hija msejħa tiddeċiedi dwar il-mertu tar-rikors wara r-rinviju billi tiddeċiedi dwar l-ewwel, il-ħames, is-sitt u, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq, it-tmien motivi. |
Fuq l-ewwel motiv, dwar l-imputazzjoni żbaljata tar-responsabbiltà lil Parker ITR fir-rigward tal-perijodu ta ’ ksur preċedenti l-1 ta ’ Jannar 2002
|
33 |
L-ewwel motiv invokat mir-rikorrenti huwa maqsum fi tliet partijiet, l-ewwel parti tirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, it-tieni parti tirrigwarda l-użu ħażin tal-poter u l-evażjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u, it-tielet parti tirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ obbligu ta’ motivazzjoni. |
|
34 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument invokat mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel motiv tagħhom. |
Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti dwar ir-raġuni li tirrigwarda r-rabtiet bejn ITR u ITR Rubber
|
35 |
Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv rigward il-ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari l-assenza ta’ motivazzjoni suffiċjenti fid-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika abbażi tar-rabtiet bejn ITR u ITR Rubber li kienu ġew invokati għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata, u dan iktar u iktar meta din l-applikazzjoni tidderoga mill-prattika tat-teħid tad-deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni, li kieku kienet tapplika l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali. |
|
36 |
Il-Kummissjoni tosserva li tali argument invokat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-rikors wara r-rinviju jikkostitwixxi motiv ġdid inkluż fil-motiv inizjalment invokat, li jbiddel il-kontenut tiegħu u li ma huwiex, għalhekk, ammissibbli. |
|
37 |
Ċertament, l-ewwel motiv kif ifformulat fir-rikors ma jinkludi l-ebda riferiment għall-assenza ta’ motivazzjoni għal dak li jirrigwarda, speċifikament, l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika minħabba fir-rabtiet eżistenti bejn ITR u ITR Rubber. |
|
38 |
Madankollu, minn naħa waħda, hemm lok jitfakkar li l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jiġi eżaminat ex officio u fejn l-eżami jista’ jseħħ fi kwalunkwe stadju tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 48 sa 50). |
|
39 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti invokaw fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għal dak li jirrigwarda l-imputazzjoni lil ITR Rubber tar-responsabbiltà għall-perijodu ta’ ksur preċedenti l-1 ta’ Jannar 2002, skont il-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika, peress li l-Kummissjoni kienet warrbet il-prattika preċedenti tagħha li kienet ibbażata fuq il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali. Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħhom wara s-sentenza dwar l-appell fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika abbażi tar-rabtiet bejn ITR u ITR Rubber jistgħu jitqiesu li huma strettament marbuta ma’ dawk mogħtija fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv ibbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u li jiżviluppaw dawn l-argumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, EU:T:2010:168, punt 199). |
|
40 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok jitqies li dawn l-argumenti huma ammissibbli sa fejn huma marbuta mat-tielet parti tal-ewwel motiv, f’liema kuntest huwa xieraq li jiġu eżaminati. |
Fuq l-imputazzjoni lil Parker ITR tar-responsabbiltà tal-ksur imwettaq mill-ITR matul il-perijodu preċedenti l-1 ta’ Jannar 2002
|
41 |
Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta imputat lil Parker ITR ir-responsabbiltà tal-ksur imwettaq minn ITR matul il-perijodu preċedenti l-1 ta’ Jannar 2002, data li fiha Parker ITR saret attiva fis-settur tal-manek marittimi, skont il-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika u bi ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali. |
– Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika
|
42 |
Hemm lok jitfakkar li, fil-punt 46 tas-sentenza fuq l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dan li ġej:
|
|
43 |
Fil-punti 50 sa 53 tas-sentenza dwar l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset dan li ġej għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika:
|
|
44 |
Fil-punti 54 sa 56 tas-sentenza dwar l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ma applikatx il-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika skont it-termini segwenti:
|
|
45 |
L-ewwel nett, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, għall-finijiet tal-eżami tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur imwettaq minn ITR matul il-perijodu preċedenti l-1 ta’ Jannar 2002, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni t-trasferiment intra-grupp tal-attivitajiet fis-settur tal-manek marittimi ta’ ITR lil ITR Rubber. |
|
46 |
It-tieni nett, jirriżulta mis-sentenza dwar l-appell li d-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi evalwat jekk hemmx lok li jiġi applikat il-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika, hija dik tat-trasferiment tal-attivitajiet inkwistjoni. |
|
47 |
It-tielet nett, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza dwar l-appell li ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan taċ-ċessjoni, minn Saiag u s-sussidjarja tagħha ITR, tal-attivitajiet relattivi għall-manek marittimi lil Parker-Hannifin, kumpannija tal-grupp Parker, permezz tal-għoti lil kumpannija sussidjarja ta’ dawn l-attivitajiet, jiġifieri l-ħolqien tal-kumpannija ITR Rubber. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan u l-motivazzjoni ekonomika ta’ tali tranżazzjoni huma irrilevanti. |
|
48 |
Ir-raba’ nett, jirriżulta li, minħabba fit-trasferiment intra-grupp tal-attivitajiet bejn ITR u s-sussidjarja tagħha, ikkontrollata 100 %, ITR Rubber, fid-dawl tar-rabtiet strutturali bejn dawn iż-żewġ kumpanniji fid-data tat-trasferiment inkwistjoni, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 2002, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika ma għandhiex tiġi eskluża f’dan il-każ. |
|
49 |
Finalment, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fin-nuqqas tar-rabtiet strutturali bejn ITR u ITR Rubber, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika tista’ tiġi eskluża fil-każ ineżami minħabba fl-assenza tal-kontroll effettiv ta’ ITR fuq ITR Rubber, taħt il-forma ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, li għandu jitqies li huwa stabbilit sakemm ma tiġix ikkonfutata, minn Parker ITR u Parker-Hannifin, il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ ITR fuq ITR Rubber, fid-data tat-trasferiment inkwistjoni fi ħdan il-grupp Saiag, fl-1 ta’ Jannar 2002. |
– Fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti
|
50 |
Fil-premessa 370 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, fid-data tat-trasferiment tal-attivitajiet illegali ta’ ITR lil ITR Rubber, dawn iż-żewġ kumpannija kienu magħquda fuq il-pjan ekonomiku permezz ta’ rabta ta’ kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha kkontrollata 100 % u jagħmlu parti mill-istess impriża. Ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-eżistenza ta’ dawn ir-rabtiet strutturali. |
|
51 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fil-punt 62 tas-sentenza dwar l-appell, li kellhom ikunu r-rikorrenti li jikkonfutaw il-preżunzjoni konfutabbli tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-ITR fuq ITR Rubber permezz tal-produzzjoni ta’ provi suffiċjenti sabiex jintwera li s-sussidjarja kienet qiegħda taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. |
|
52 |
Fil-fatt, il-Qorti osservat, fil-punti 65 u 66 tas-sentenza dwar l-appell, li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ma eżaminatx, sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod korrett il-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika fil-każ ineżami, il-provi li kienu ġew ippreżentati lilha mir-rikorrenti dwar l-eżistenza jew l-assenza ta’ rabtiet effettivi taħt il-forma ta’ influwenza determinanti ta’ ITR fuq ITR Rubber. |
|
53 |
Għalhekk, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors wara li ġie rrinvijat quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi eżaminat jekk il-provi li r-rikorrenti kienu ppreżentaw humiex suffiċjenti sabiex juru li s-sussidjarja ITR Rubber taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. |
|
54 |
Il-Qorti Ġenerali għandha twettaq dan l-eżami għall-finijiet tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mill-kumpannija parent, jiġifieri, ITR, lis-sussidjarja tagħha, ITR Rubber, fid-dawl tal-ġurisprudenza invokata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 58 tas-sentenza dwar l-appell. Issa, skont din il-ġurisprudenza, fil-każ partikolari fejn kumpannija parent ikollha l-kapital jew kważi l-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li din il-kumpannija parent effettivament teżerċità influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha. F’tali sitwazzjoni, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tagħti prova li l-kapital kollu jew kważi l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jitqies li l-imsemmija preżunzjoni hija ssodisfatta. Madankollu hija konfutabbli u l-entitajiet li jixtiequ jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni jistgħu jippreżentaw kwalunkwe element relatat mar-rabtiet ekonomiċi, ta’ organizzazzjoni u legali li jgħaqqad lis-sussidjarja mal-kumpannija parent u li huma jqisu tali li juri li s-sussidjarja u l-kumpannija parent ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika, iżda li s-sussidjarja taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il-Kummissjoni, C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punti 105 sa 111). |
– Fuq il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti
|
55 |
Ir-rikorrenti jsostnu l-assenza ta’ influwenza determinanti ta’ ITR fuq ITR Rubber, fid-dawl tal-elementi li ġejjin. |
|
56 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, minn meta nħloqot bħala kumpannija, fis-27 ta’ Ġunju 2001, sal-1 ta’ Jannar 2002, ITR Rubber ma eżerċitat l-ebda attività ekonomika hekk li, matul dan il-perijodu, ITR ma setgħet teżerċita l-ebda influwenza determinanti jew tagħti l-inqas ordni kummerċjali lis-sussidjarja tagħha. |
|
57 |
F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 56 u segwenti tas-sentenza dwar l-appell u kif ir-rikorrenti stess irrikonoxxew matul is-seduta, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kontinwità ekonomika hija dik tat-trasferiment tal-attivitajiet ta’ ITR lil ITR Rubber. Għalhekk, l-argumenti dwar il-perijodu preċedenti għal dan it-trasferiment invokati mir-rikorrenti huma inammissibbli. |
|
58 |
Ir-rikorrenti jammettu li, mit-trasferiment tal-attivitajiet tal-ITR lil ITR Rubber, li seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002, din tal-aħħar kompliet il-kors normali tan-negozju inkwistjoni, u għalhekk wettqet l-attivitajiet li kienu ġew ittrasferiti lilha. |
|
59 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, skont l-Artikolu 7.21 tal-kuntratt ta’ ċessjoni lil Parker‑Hannifin, bejn l-1 ta’ Jannar 2002 u l-31 ta’ Jannar 2002, Saiag, ITR, u ITR Rubber ma setgħu jieħdu lanqas l-iċken miżura fil-kuntest tal-attivitajiet fi ħdan is-settur tal-lastiku li jista’ jkollha effett fuq l-interessi ta’ Parker-Hannifin, bħala x-xerrej futur, mingħajr il-kunsens minn qabel tagħha. Dan il-fatt kien mhux biss ifixkel lil Saiag u ITR milli jeżerċitaw kwalunkwe tip ta’ influwenza, u wisq inqas influwenza determinanti, fuq ITR Rubber, iżda kien ukoll jagħti lil Parker-Hannifin id-dritt li tikkontrolla lil ITR Rubber flimkien ma’ ITR. |
|
60 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 7.21 tal-kuntratt ta’ ċessjoni, il-bejjiegħ, ITR, impenja lilu nnifsu b’mod partikolari sabiex ITR Rubber topera u tiġi amministrata fil-kors normali tan-negozju, filwaqt li l-qbil minn qabel tax-xerrej jinkiseb għal kull deċiżjoni li teċċedi l-imsemmi kors normali tan-negozju. Speċifikament, il-qbil minn qabel tax-xerrej kien meħtieġ, b’mod partikolari, għal emendi dwar is-sistemi ta’ pagament tal-ħaddiema, għad-distribuzzjoni tad-dividendi, għall-ispejjeż tal-kapital li jaqbeż EUR 100000 jew għall-bejgħ tal-attivi ħlief jekk tali bejgħ sar fil-kors normali tan-negozju. |
|
61 |
Qabel kollox, huwa stabbilit li d-data ta’ ċessjoni tal-kumpannija ITR Rubber lil Parker-Hannifin hija l-31 ta’ Jannar 2002. Għalhekk, il-fatt li ġie stipulat fil-kuntratt ta’ ċessjoni tal-5 ta’ Diċembru 2001 il-mod li bih ITR Rubber kellha tiġi amministrata bejn din l-aħħar data u d-data tal-għeluq effettiva tat-tranżazzjoni ta’ ċessjoni ma jistax jitqies li huwa trasferiment ta’ kontroll ta’ din il-kumpannija tal-bejjiegħ lix-xerrej. Fil-fatt, kif jirrikonoxxu r-rikorrenti stess, dawn l-istipulazzjonijiet huma intiżi sabiex jippreżervaw l-interessi tax-xerrej sabiex il-kumpannija jew l-attivi inkwistjoni, u b’mod partikolari l-valur tagħhom, jiġu ppreżervati sad-data tal-għeluq f’kundizzjoni li tirrifletti dik li kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni mix-xerrej filwaqt tal-firma tal-kuntratt ta’ ċessjoni. |
|
62 |
Sussegwentement, minkejja li dawn l-obbligi tal-bejjiegħ lejn ix-xerrej għall-perijodu magħruf bħala interim li jiġi qabel l-għeluq taċ-ċessjoni jirrappreżentaw, għax-xerrej, drittijiet, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni minn qabel għall-azzjonijiet li jmorru lil hinn mill-kors normali tan-negozju, dawn kienu, min-natura tagħhom stess, temporanji u kienu jibqgħu dipendenti fuq l-għeluq effettiv tat-tranżazzjoni. |
|
63 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 7.21 tal-kuntratt ta’ ċessjoni, ITR impenjat lilha nnifisha sabiex ITR Rubber topera u tiġi amministrata fil-kors normali tan-negozju matul il-perijodu magħruf bħala interim mid-data tal-firma tal-kuntratt sad-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni. Issa, tali impenn kien jimplika li ITR setgħet effettivament tieħu deċiżjonijiet dwar l-amministrazzjoni ta’ ITR Rubber. Ċertament, ITR kellha bżonn tal-qbil minn qabel ta’ Parker‑Hannifin għal deċiżjonijiet li jmorru lil hinn mill-kors normali tan-negozju. Madankollu, ITR kellha s-setgħa u l-obbligu, minħabba fil-kuntratt ta’ ċessjoni, li tiżgura l-kors normali tan-negozju ta’ ITR Rubber. Għal kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, dan l-obbligu, li ITR impenjat lilha nnifisha li twettaq fil-kuntratt ta’ ċessjoni, jikkostitwixxi pjuttost indizju minħabba l-fatt li l-kumpannija sussidjarja ITR Rubber ma toperax b’mod awtonomu fis-suq. |
|
64 |
Fil-fatt, għalkemm, f’dan il-perijodu magħruf bħala “interim”, ITR Rubber ma tistax titqies li kienet ikkontrollata minn Parker‑Hannifin, hija lanqas ma tista’ titqies li hija entità awtonoma, li setgħet tiddeċiedi dwar l-attivitajiet tagħha b’mod kompletament indipendenti, sa fejn ITR kienet tiżgura li ITR Rubber ma tmurx lil hinn, b’mod partikolari fil-politika kummerċjali tagħha, mill-kors normali tan-negozju. Konsegwentement, minħabba fl-impenn tal-kumpannija parent tagħha, ITR Rubber ma setgħetx tiddeċiedi unilateralment, pereżempju, li temenda l-politika kummerċjali tagħha jew li tieqaf topera, fatt li kien ikun possibbli li kieku ITR Rubber kienet entità kompletament awtonoma. |
|
65 |
Barra minn hekk, kienet ukoll ITR li, fl-1 ta’ Jannar 2002, ittrasferiet lil ITR Rubber l-uniċi attivi li hija kellha, filwaqt li qabel, kif jaffermaw ir-rikorrenti, ITR Rubber kienet kumpannija nieqsa minn attivi u attività. |
|
66 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, sal-għeluq tat-tranżazzjoni, iċ-ċessjoni ta’ ITR Rubber lil Parker‑Hannifin ma kinitx definittiva. Konsegwentement, kif ġustament osservat il-Kummissjoni, waqt il-perijodu magħruf bħala interim, ITR, bħala proprjetarja 100 % ta’ ITR Rubber, kellha s-setgħa, ċertament billi tesponi lilha nnifisha li jkollha tikkumpensa lix-xerrej futur b’mod partikolari permezz tal-mekkaniżmi ta’ kumpens previsti fil-kuntratt stess, li tirrinunzja għaċ-ċessjoni. |
|
67 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti josservaw li l-perijodu ta’ xahar li matulu ITR żammet 100 % lil ITR Rubber wara t-trasferiment tal-attivitajiet dwar manek marittimi u qabel maċ-ċessjoni lil Parker‑Hannifin saret effettiva, jikkostitwixxi perijodu qasir wisq sabiex ITR jew Saiag setgħu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq ITR Rubber, anki li kieku kellhom tali setgħa. |
|
68 |
Hemm lok jiġi osservat li t-tul tal-perijodu li matulu ITR żammet 100 % lil ITR Rubber wara t-trasferiment tal-attivitajiet dwar manek marittimi ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu element li jista’ jistabbilixxi li, matul dan il-perijodu, ITR Rubber kienet taġixxi fis-suq b’mod awtonomu. |
|
69 |
Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data li fiha l-attivitajiet inkwistjoni kienu ġew effettivament ittrasferiti lil ITR Rubber, fl-1 ta’ Jannar 2002, ITR kienet iżżomm 100 % lis-sussidjarja tagħha u li, kif kien ġie indikat fil-punt 63 iktar ’il fuq, skont il-kuntratt ta’ ċessjoni lil Parker‑Hannifin iffirmat fil-5 ta’ Diċembru 2001, ITR kellha tiżgura, anki jekk għal perijodu qasir ta’ żmien, li ITR Rubber topera u tiġi amministrata skont il-kors normali tan-negozju. |
|
70 |
Barra minn hekk, kif kien ġie indikat fil-punt 66 iktar ’il fuq, sal-mument meta ċ-ċessjoni lil Parker‑Hannifin kienet effettiva, ITR kellha setgħa ta’ deċiżjoni fuq iċ-ċessjoni ta’ ITR Rubber, li setgħet tiġi eżerċitata f’kull mument qabel l-għeluq tat-tranżazzjoni. Barra minn hekk, id-data tal-għeluq tat-tranżazzjoni ma kinitx ġiet stabbilita minn qabel mill-kuntratt ta’ ċessjoni, sa fejn hija kienet suġġetta, b’mod partikolari, għal ċerti kundizzjonijiet preċedenti. Għalhekk, għalkemm ix-xiri ta’ ITR Rubber minn Parker‑Hannifin kien sar effettiv fil-31 ta’ Jannar 2002, dan seta’ jseħħ f’data oħra, b’mod partikolari, iktar tard. |
|
71 |
Għalhekk, il-fatt li finalment il-perijodu bejn it-trasferiment tal-attivitajiet dwar il-manek marittimi lil ITR Rubber u ċ-ċessjoni tagħha lil Parker‑Hannifin kien biss ta’ xahar ma jistax jitqies li huwa element li jista’ jistabbilixxi li ITR Rubber, għalkemm kienet sussidjarja 100 % ta’ ITR, kienet taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. |
|
72 |
Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-elementi mqajma mir-rikorrenti ma jistgħux jitqiesu li huma suffiċjenti sabiex jipproduċu l-prova, matul il-perijodu bejn l-1 u l-31 ta’ Jannar 2002, li ITR Rubber kienet taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. Għalhekk, ir-rikorrenti ma kkonfutawx il-preżunjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ ITR fuq is-sussidjarja tagħha ITR Rubber li żżomm 100 %. |
|
73 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok jiġi osservat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li, skont il-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika, Parker ITR setgħet tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ ITR, il-predeċessur tagħha, minħabba l-fatt tat-trasferiment tal-attivi illegali lil ITR Rubber, fid-dawl tar-rabtiet eżistenti waqt l-imsemmi trasferiment bejn ITR u ITR Rubber, b’mod partikolari ż-żamma 100 % tal-kapital tagħha, fatt li jippermetti li jiġi preżunt l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha. |
|
74 |
Għalhekk, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda. |
Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003
|
75 |
Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament 1/2003, is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni dwar l-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ perijodu ta’ pagamenti tal-pieni hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, liema perijodu, f’każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut, jibda jiddekorri mill-ġurnata ta’ meta l-ksur intemm. Dan it-terminu jiġi interrott bi kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew mill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru intiża għal investigazzjoni jew għall-proċedimenti kontra l-ksur. |
|
76 |
Ir-rikorrenti jsostnu li f’dan il-każ jeżistu indizji oġġettivi, rilevanti u konsistenti li jsostnu li l-uniku għan li Parker ITR tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq mill-predeċessuri tagħha kien dak li jiġi evitat it-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003. |
|
77 |
Il-Kummissjoni ssostni li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, hija għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-istabbiliment tad-destinatarji ta’ deċiżjoni f’każ ta’ suċċessjoni ekonomika, li hija eżerċitat korrettement. |
|
78 |
Fil-każ ineżami, ġie kkonstatat li l-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika kien applikabbli minħabba fir-rabtiet bejn ITR u ITR Rubber fil-waqt tat-trasferiment tal-attivitajiet dwar il-manek marittimi, peress li l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ ITR fuq ITR Rubber ma ġietx ikkonfutata. Għalhekk, l-imputazzjoni lil ITR tar-responsabbiltà għall-ksur uniku u kontinwu tal-1 ta’ April 1986 sat-2 ta’ Mejju 2007 tirriżulta, għal dak li jirrigwarda l-perijodu preċedenti l-1 ta’ Jannar 2002 matul liema ITR, il-predeċessur tagħha, ipparteċipat fil-ksur, minn applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika li kienet ikkonstatata, fil-punt 73 iktar ’il fuq, bħala li saret kif suppost. Għalhekk, din l-imputazzjoni ma tistax tirriżulta minn użu ħażin ta’ poter u minn evażjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003, għal kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti. |
|
79 |
Minn dan isegwi li l-preskrizzjoni dwar dan il-ksur uniku u kontinwu imputat lil Parker ITR bdiet tiddekorri biss mit-2 ta’ Mejju 2007, data li fiha l-Kummissjoni, peress li kienet bdiet il-proċeduri ta’ investigazzjoni, wettqet serje ta’ ispezzjonijiet b’mod partikolari għand Parker ITR. Għalhekk, is-setgħa tal-Kummissjoni li tissanzjona lil Parker ITR għal dan il-ksur ma kinitx preskritta fil-każ ineżami. |
|
80 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi miċħuda t-tieni parti tal-ewwel motiv invokat mir-rikorrenti, dwar użu ħażin ta’ poter u evażjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003. |
Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament
|
81 |
Fir-rigward tal-allegazzjoni dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, hemm lok li jiġi analizzat jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx motivata suffiċjentement għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika sabiex tinżamm responsabbli Parker ITR għall-perijodu preċedenti l-1 ta’ Jannar 2002, inkluż għal dak li jirrigwarda r-rabtiet eżistenti bejn ITR u ITR Rubber. |
|
82 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni, awtur tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu ġ-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatti u ta’ liġi kollha rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63; tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑301/96, EU:C:2003:509, punt 87, u tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑42/01, EU:C:2004:379, punt 66). |
|
83 |
Fil-premessi 327 sa 329 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunament li kien wassalha sabiex twarrab l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali u sabiex tapplika l-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika f’dan il-każ. Għalhekk, wara li ġew esposti s-sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni kienet tqis li l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali kien japplika, hija indikat li, minn naħa l-oħra, meta l-persuna responsabbli għall-ksur tieqaf teżisti, peress li tiġi assorbita minn entità legali oħra, din tal-aħħar kellha tinżamm responsabbli. Barra minn hekk fil-premessa 328, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-prinċipju skont liema, meta impriża kienet iċċedi parti mill-attivitajiet tagħha lil impriża oħra, fil-każ fejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju kellhom rabta ekonomika bejniethom, ir-responsabbiltà tal-aġir preċedenti taċ-ċedent setgħet tiġi ttrasferita liċ-ċessjonarju, anki jekk iċ-ċedent baqa’ jeżisti. |
|
84 |
Speċifikament, fil-premessa 370 tad-deċiżjoni kkontestata, billi rreferiet għar-raġunament espost fil-premessa 328, il-Kummissjoni indikat liema elementi kienu wassluha, skont il-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika, sabiex tattribwixxi lil ITR Rubber, li saret Parker ITR, ir-responsabbiltà għall-ksur għall-perijodu preċedenti l-31 ta’ Jannar 2002, jiġifieri l-eżistenza tar-rabtiet ekonomiċi bejn kumpannija parent u sussidjarja fejn hija żammet 100 % tal-kapital. |
|
85 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 369 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-argumenti li jikkontestaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika li kienu tqajmu mir-rikorrenti bħala risposta għad-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet, li jsostnu b’mod partikolari l-ineżistenza tar-rabtiet bejn, minn naħa, Parker ITR, li qabel kienet ITR Rubber, u ITR u l-grupp Saiag, min-naħa l-oħra. |
|
86 |
Issa, fil-premessi 370 sa 373 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrispondiet għal dawn l-argumenti, b’mod partikolari billi indikat li, anki jekk it-trasferiment tal-attivi ta’ ITR lil ITR Rubber kien sar bil-għan tal-bejgħ sussegwenti tagħhom lil Parker-Hannifin, dan it-trasferiment kien seħħ f’mument meta ż-żewġ impriżi kienu jappartjenu lill-istess grupp, fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C‑280/06, EU:C:2007:775), jimplika li r-responsabbiltà ta’ ITR kienet ġiet imputata lil ITR Rubber, skont il-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika. Il-Kummissjoni speċifikat ukoll li l-ksur ulterjuri tar-rabtiet bejn ITR u ITR Rubber ma jistax jemenda tali konklużjoni. |
|
87 |
Għalhekk, hemm lok jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar u inekwivoku l-elementi li fuqhom ibbażat lilha nnifisha l-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi li tapplika l-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika f’dan il-każ, inkluż għal dak li jirrigwarda r-rabtiet eżistenti bejn ITR u ITR Rubber, billi rrispondiet għall-argumenti mqajma mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva. |
|
88 |
Fir-rigward tal-ksur allegat tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika fir-rigward ta’ ITR Rubber u mhux fir-rigward ta’ DOM, filwaqt li din tal-aħħar kienet tinsab, skont ir-rikorrenti, f’sitwazzjoni simili ħafna, huwa importanti jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jirrikjedi li s-sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li s-sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
89 |
Fil-każ ineżami, jirriżulta mill-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata li DOM, li kienet ġiet ikkostitwita permezz tal-grupp Unipoly, xtrat l-attivi fis-settur tal-manek marittimi mill-grupp BTR. Għalhekk, fil-każ ta’ DOM, it-trasferiment tal-attivi inkwistjoni kien sar bejn il-kumpanniji li ma kinux konnessi minn rabtiet strutturali, jiġifieri BTR, minn naħa, u DOM, fi ħdan il-grupp Unipoly, min-naħa l-oħra. |
|
90 |
Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ ITR Rubber, kif ġie kkonstatat fil-punt 45 iktar ’il fuq, skont is-sentenza tal-appell, huwa t-trasferiment tal-attivitajiet fis-settur tal-manek marittimi ta’ ITR lil ITR Rubber, kumpanniji parent u s-sussidjarja rispettivament, fi ħdan il-grupp Saiag, li kien hemm lok jittieħed inkunsiderazzjoni, peress li l-għan u l-motivazzjoni ekonomika ta’ tali trasferiment huma, kif jirriżulta mill-punt 53 ta’ din is-sentenza, irrilevanti. |
|
91 |
Issa, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza dwar l-appell, imsemmija fil-punti 42 u 43 iktar ’il fuq, li l-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika japplika f’ċirkustanzi fejn jeżistu rabtiet strutturali u effettivi bejn il-kumpannija li pparteċipat fil-ksur u s-sussidjarja li lilha jiġu ttrasferiti l-attivi illegali sabiex jinbiegħu sussegwentement lil grupp terz. Min-naħa l-oħra, skont din il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika ma jistax jiġi applikat fil-każ meta l-attivi illegali huma ttrasferiti lil sussidjarja li ġiet maħluqa fi ħdan grupp li jixtri u li ma għandux rabtiet strutturali mal-bejjiegħ. |
|
92 |
Għalhekk, meta applikat il-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika fir-rigward ta’ ITR Rubber u meta warrbet dan il-prinċipju għal dak li jirrigwarda DOM, il‑Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li ż-żewġ sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli. |
|
93 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tielet parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda kif ukoll dan il-motiv fl-intier tiegħu. |
Fuq il-ħames motiv, dwar iż-żieda illegali fl-ammont tal-multa imposta fuq Parker ITR minħabba fl-allegat rwol bħala kap tal-ksur
|
94 |
Ir-rikorrenti jikkontestaw, l-ewwel nett, il-fatt li ITR kellha r-rwol ta’ kap tal-akkordju bejn il-11 ta’ Ġunju 1999 sat-30 ta’ Settembru 2001, peress li dan ma kienx ġie pprovat suffiċjentement mill-Kummissjoni, it-tieni nett, l-imputazzjoni ta’ dan l-allegat rwol ta’ kap ta’ ITR lil ITR Rubber u, it-tielet net, iż-żieda fl-ammont tal-multa imposta fuq Parker ITR minħabba r-rwol ta’ kap mogħti lil ITR. |
|
95 |
Il-Kummissjoni ssostni li, fit-totalità tagħhom, il-provi li fuqhom hija bbażat lilha nnifisha juru li ITR ikkontribwiet sabiex tagħmel lill-akkordju operattiv mill-ġdid u kompletament u b’mod partikolari żgurat ir-rwol importanti li ġġib lura lil Yokohama sabiex tipparteċipa fl-akkordju. Il-Kummissjoni tiddikjara li dan jiġġustifika ż-żieda fl-ammont tal-multa imposta fuq Parker ITR b’perċentwali ta’ 30 %. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li l-fatt li hija ssemmi lil Parker ITR huwa ġġustifikat minħabba li din l-impriża kienet is-suċċessur ekonomiku ta’ ITR. |
Fuq l-imputazzjoni lil ITR Rubber tar-rwol ta’ kap mogħti lil ITR
|
96 |
Preliminarjament, fir-rigward tar-riferiment fid-deċiżjoni kkontestata għal Parker ITR u mhux għal ITR bħala kap tal-akkordju waqt il-perijodu li matulu Parker ITR, inizjalment bl-isem ITR Rubber, ma kinitx għadha teżisti, hemm lok jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 73 iktar ’il fuq, skont il-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika, Parker ITR kellha tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ ITR, inkluż qabel il-ħolqien ta’ ITR Rubber, fis-27 ta’ Ġunju 2001. Għalhekk, u mingħajr ma jiġi ppreġudikat l-mertu tal-allegazzjoni dwar ir-rwol ta’ kap mogħti lil ITR, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li għamlet riferiment għal Parker ITR, li qabel kienet ITR Rubber, għal dak li jirrigwarda r-rwol tal-kap mogħti lil ITR matul il-perijodu bejn il-11 ta’ Ġunju 1999 u t-30 ta’ Settembru 2001. |
Fuq ir-rwol ta’ kap mogħti lil ITR
|
97 |
Fil-premessa 243 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, matul il-perijodu bejn il-11 ta’ Ġunju 1999 u t-30 ta’ Settembru 2001, ITR kienet ikkoordinat l-akkordju, flimkien ma’ M. W. |
|
98 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, meta jseħħ ksur minn bosta impriżi, hemm lok li, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-ammont tal-multi, jiġu stabbiliti r-rwoli speċifiċi tagħhom fil-ksur matul it-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fih. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li r-rwol ta’ “mexxejj” (kap) ta’ impriża waħda jew ta’ diversi impriżi fil-kuntest ta’ akkordju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, sa fejn l-impriżi li kellhom rwol bħal dan għandhom, minħabba f’hekk, jerfgħu responsabbiltà partikolari meta mqabbla mal-impriżi l-oħra (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2014, Sasol et vs Il-Kummissjoni, T‑541/08, EU:T:2014:628, punt 355 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
99 |
Konformement ma’ dawn il-prinċipji, il-paragrafu 28 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar 'il quddiem il-“linji gwida”) jistabbilixxi, taħt it-titolu “Ċirkustanzi aggravanti”, lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal żieda fl-ammont tal-multa, fejn fosthom jissemma r-rwol ta’ kap tal-ksur. |
|
100 |
Sabiex tiġi kklassifikata bħala kap ta’ akkordju, impriża għandha tkun irrappreżentat saħħa ta’ influwenza sinjifikattiva għall-akkordju jew għandha tkun ikkontribwixxiet b’responsabbiltà partikolari u konkreta fil-funzjonament tiegħu. Din iċ-ċirkustanza tista’, b’mod partikolari, tiġi preżunta mill-fatt li l-impriża, permezz ta’ inizjattivi speċifiċi, tkun tat, volontarjament, spinta fundamentali lill-akkordju, jew mill-indizji kollha li jiżvelaw id-determinazzjoni tal-impriża sabiex tiżgura l-istabbiltà u s-suċċess tal-akkordju (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, EU:T:2006:74, punti 299, 300, 351, 370 sa 375 u 427, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T‑343/06, EU:T:2012:478, punt 198). |
|
101 |
Għaldaqstant dan jirriżulta meta l-impriża tkun ipparteċipat fil-laqgħat tal-akkordju f’isem impriża oħra li ma kinitx tassisti għalihom u tkun ikkomunikatilha r-riżultati tal-imsemmija laqgħat (is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, EU:T:2006:74, punt 439). L-istess jgħodd meta jirriżulta li l-imsemmija impriża kellha rwol ċentrali fil-funzjonament konkret tal-akkordju, pereżempju billi organizzat bosta laqgħat, billi ġabret u qassmet l-informazzjoni fi ħdan l-akkordju, u billi ta’ spiss ifformulat proposti relatati mal-funzjonament tal-akkordju (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il-Kummissjoni, T‑357/06, EU:T:2012:488, punt 284). |
|
102 |
Fl-aħħar nett, żewġ impriżi, jew anki numru ikbar, jistgħu fl-istess ħin jingħatalhom ir-rwol ta’ kap (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, EU:T:2006:74, punti 439 u 440, u tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, EU:T:2007:115, punt 561). |
|
103 |
Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx, abbażi tal-provi suffiċjenti, tikkonkludi ġustament li ITR kellha effettivament rwol ta’ kap bejn il-11 ta’ Ġunju 1999 u t-30 ta’ Settembru 2001. |
|
104 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi stabbilit ir-rwol ta’ kap ta’ ITR, il-Kummissjoni bbażat lilha nnifisha, minbarra fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Yokohama f’dan ir-rigward, fuq il-provi segwenti, li jsostnu dawn id-dikjarazzjonijiet. |
|
105 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni bbażat lilha nnifisha, fil-premessa 461 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fuq faksijiet li ITR bagħtet lill-membri oħra fl-akkordju. Dawn id-dokumenti, li jagħmlu parti mill-fajl, ma ġewx, barra minn hekk, ikkontestati mir-rikorrenti, li jikkontestaw, madankollu, l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tat tagħhom. Dawn id-dokumenti, bid-data ta’ Ġunju 1999 sa Ġunju 2001, juru, b’mod partikolari li l-komunikazzjoni bejn ITR u membri oħra fl-akkordju kienet seħħet b’ċertu regolarità, anki matul il-perijodu ta’ wara Jannar 2000, fatt li anki r-rikorrenti stess irrikonoxxew matul is-seduta. |
|
106 |
Minn naħa, jirriżulta minn din il-komunikazzjoni li l-impjegat ta’ ITR, M. P., huwa stess ippreżenta lilu nnifsu bħala koordinatur ta’ subgrupp ta’ parteċipanti fi ħdan il-kartell, fatt li jikkonferma d-dikjarazzjonijiet ta’ Yokohama. |
|
107 |
Min-naħa l-oħra, din il-korrispondenza turi li, matul dan il-perijodu, dan l-impjegat ta’ ITR ħa l-inizjattiva li jiġbor informazzjoni kunfidenzjali mingħand il-parteċipanti l-oħra, b’mod partikolari Yokohama u Trelleborg, u li jikkoordina l-parteċipazzjoni tagħhom għas-sejħiet għal offerti. Mid-dokumenti li fuqhom ibbażat lilha nnifisha l-Kummissjoni jirriżulta li ITR speċifikament riedet tiżgura t-teħid inkunsiderazzjoni fi ħdan l-akkordju ta’ sehem maqsum mis-suq bejnha u Yokohama u li tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ Yokohama fil-laqgħat. |
|
108 |
Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-faksijiet mibgħuta minn ITR bid-dati tal-11 u tal-21 ta’ Ġunju 1999, fejn sar riferiment għall-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok jiġi osservat li, għal kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li jirrigwardaw sejħiet għal offerti għal dati li jiġu iktar tard ma jitfagħx dubju fuq il-kunsiderazzjoni li ITR tista’ titqies li hija koordinatur tal-akkordju matul il-perijodu li fih faksijiet kienu ntbagħtu. Preċiżament, ITR hija kkritikata minħabba fil-koordinazzjoni tal-istrateġiji li għandhom jiġu adottati mill-parteċipanti fl-akkordju bil-għan ta’ sejħiet għal offerti futuri. |
|
109 |
Fit-tielet lok, id-dokumenti datati Ottubru 1999, li jsir riferiment għalihom fil-premessi 189 u 196 tad-deċiżjoni kkontestata, juru b’mod partikolari li, matul dan il-perijodu, ir-rappreżentant ta’ ITR beda jikkollabora mill-qrib ma’ Yokohama u wettaq obbligi oħra ta’ koordinazzjoni f’parti tal-membri tal-kartell li kienu kkontribwew għall-funzjonament tal-kartell, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. |
|
110 |
Fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda l-komunikazzjonijiet mibgħuta minn ITR f’Diċembru 1999 wara l-laqgħa li seħħet f’Londra (Ir-Renju Unit) f’Diċembru 1999, għandu jiġi kkonstatat li, indipendentement mill-fatt li l-proposti tar-rappreżentant ta’ ITR kinux jew ma kinux finalment aċċettati, il-fatt stess, mhux ikkontestat mir-rikorrenti, li dan ir-rappreżentant kien inkariga lilu nnifsu li jibgħat tali komunikazzjoni juri li ħa rwol prominenti fiż-żamma u s-superviżjoni tal-attivitajiet tal-akkordju wara din il-laqgħa. |
|
111 |
Fil-ħames lok, fir-rigward tal-presidenza ta’ din il-laqgħa, ċertament, huwa stabbilit li l-minuti ma jinkludux riferimenti espliċiti dwar il-persuna li ppresjediet il-laqgħa. Madankollu, minbarra fid-dikjarazzjonijiet f’dan ir-rigward ta’ Yokohama, il-Kummissjoni bbażat lilha nnifisha, mingħajr ma ġie kkonfutat dan il-punt mir-rikorrenti, fuq id-dokumenti li juru li ITR kienet bagħtet invit għal din il-laqgħa lil Yokohama u kienet għamlet komunikazzjonijiet wara l-laqgħa u fuq il-fatt li l-intervent tagħha waqt il-laqgħa ġie riprodott fl-aħħar lok fil-minuti. Għandu jiġi kkonstatat li dawn il-provi minn tal-inqas jikkostitwixxu indizji ta’ rwol prominenti fil-preparazzjoni, fiż-żamma u fis-segwitu ta’ din il-laqgħa. |
|
112 |
Fis-sitt lok, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li ITR bdiet tikkollabora mill-qrib ma’ Yokohama, fatt li jirriżulta minn bosta dokumenti fejn isir riferiment b’mod partikolari għall-premessi 219 u 241 tad-deċiżjoni kkontestata u li juru li ITR organizzat laqgħat ma’ Yokohama u żammet korrispondenza rigward din il-kollaborazzjoni mhux biss ma’ Yokohama, iżda anki ma’ membri oħra fl-akkordju, u dan matul perijodu li jestendi b’mod partikolari minn Jannar 2000 sa Ġunju 2001. |
|
113 |
Issa, minn naħa, il-fatt li ITR ħadet sehem attiv sabiex tiżgura l-parteċipazzjoni ta’ Yokohama, waħda miż-żewġ atturi Ġappuniżi, u, għalhekk, tiżgura l-parteċipazzjoni fl-akkordju ta’ żewġ impriżi li jirrappreżentaw kważi kwart tas-suq globali, jista’ jitqies fih innifsu li huwa element importanti għall-istabbiliment mill-ġdid u għat-tisħiħ tal-akkordju. |
|
114 |
Min-naħa l-oħra, il-fatt li ġiet ikkomunikata informazzjoni dwar din il-kollaborazzjoni lill-membri l-oħra tal-akkordju seta’ jikkontribwixxi sabiex iserrħilhom rashom dwar din il-parti tal-akkordju u b’dan il-mod dwar il-funzjonament tiegħu inġenerali. |
|
115 |
F’dan ir-rigward, il-minuti tal-laqgħa tal-11 u tat-12 ta’ Ġunju 2001 jikkonfermaw li, f’din id-data, fi ħdan l-akkordju, Yokohama u ITR kienu meqjusa bħala atturi li kienu qegħdin jikkollaboraw tant mill-qrib fi ħdan is-suq li ngħatatilhom kwota komuni. |
|
116 |
Għalhekk, dawn il-provi dwar il-kollaborazzjoni mill-qrib ma’ Yokohama u l-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fl-akkordju żgurata minn ITR jistgħu jitqiesu b’mod raġonevoli li jappoġġjaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rwol ta’ kap tal-akkordju li hija tat lil ITR. |
|
117 |
Fis-seba’ lok, hemm lok jiġi kkonstatat li, għal kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-provi magħżula mill-Kummissjoni, inklużi dawk marbuta mal-koordinazzjoni mill-qrib bejn Yokohama u ITR, jirreferu għal perijodu li jestendi minn tal-inqas mill-11 ta’ Ġunju 1999 sa Ġunju 2001. Barra minn hekk, jirriżulta mill-fajl li, minn Ottubru 2001, ITR ma baqgħetx responsabbli mill-koordinazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Yokohama fl-akkordju, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. Għalhekk, il-Kummissjoni użat lit-30 ta’ Settembru 2001 bħala d-data meta spiċċaw l-attivitajiet ta’ ITR bħala kap tal-akkordju. |
|
118 |
Fid-dawl tal-provi kollha li għadhom kemm ġew eżaminati, hemm lok jiġi deċiż li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikklassifika lil ITR bħala l-kap tal-akkordju għall-perijodu li jestendi minn tal-inqas mill-11 ta’ Ġunju 1999 sat-30 ta’ Settembru 2001. |
|
119 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argumenti tar-rikorrenti dwar il-provi li huma jqisu li jiċħdu t-teżi skont liema ITR kellha rwol ta’ kap fl-akkordju. |
|
120 |
Qabel kollox, il-fatt li Yokohama u ITR kienu interessati, mill-perspettiva kummerċjali, fl-għanijiet tal-akkordju ma jikkontestax il-konklużjoni li l-parteċipazzjoni ta’ Yokohama fl-akkordju kienet iffaċilitata iktar minħabba fl-għajnuna ta’ ITR, bħala koordinatur, matul il-perijodu li fuqu bbażat lilha nnifisha l-Kummissjoni. |
|
121 |
Sussegwentement, ir-rwol tal-membri l-oħra fl-akkordju, bħal Bridgestone u DOM, kif ukoll ta’ M. W. jew tal-impriżi tiegħu, li kienu żguraw il-ġestjoni u l-koordinazzjoni globali tal-akkordju matul il-perijodi twal tul l-eżistenza tiegħu, u l-fatt li dawn kienu meqjusa mill-membri l-oħra bħala koordinaturi prinċipali fl-akkordju, ma huwiex inkompatibbli mar-rwol ta’ kap bħal dak mogħti mill-Kummissjoni lil ITR. Speċifikament fir-rigward tal-perijodu bejn l-11 ta’ Ġunju 1999 u t-30 ta’ Settembru 2001, il-provi miġjuba mir-rikorrenti ma jistabbilixxux li M. W., b’mod partikolari permezz tal-impriżi tiegħu, kien l-uniku koordinatur tal-akkordju. Fil-fatt, il-funzjonijiet ta’ koordinazzjoni żgurati minn ITR matul dan il-perijodu ma humiex ta’ natura li jeskludu milli koordinatur prinċipali jiżgura d-direzzjoni globali tal-akkordju. Din il-koeżistenza tispjega b’mod partikolari l-fatt li ITR ma kinitx preżenti fil-laqgħat kollha tal-akkordju. |
|
122 |
Fl-aħħar nett, il-fatt li membri oħra kellhom dubji dwar ir-rwol ta’ ITR bħala koordinatur tal-akkordju u li dan ir-rwol ma ġiex ifformalizzat ma jinvalidax il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni skont liema ITR aġixxiet bħala koordinatur, minn tal-inqas tal-grupp ITR/Yokohama u żgurat li kien hemm ċertu koordinazzjoni mal-membri l-oħra tal-akkordju, b’mod partikolari wara l-laqgħa tal-10 ta’ Diċembru 1999. Fil-fatt, id-dubji espressi, b’mod partikolari minn Manuli f’Ġunju 1999 fir-rigward ta’ koordinatur Ewropew tal-akkordju, ma jistgħux jikkontestaw id-dokumenti differenti ppreżentati mill-Kummissjoni li jipproduċu l-prova li ITR effettivament wettqet attivitajiet ta’ koordinazzjoni fost parteċipanti oħra fl-akkordju, u dan irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk u għal kemm żmien subgruppi fissi kienu ġew formalment stabbiliti fi ħdan il-kartell. |
Fuq iż-żieda fil-multa minħabba r-rwol ta’ kap mogħti lil ITR
|
123 |
Ir-rikorrenti jikkontestaw iż-żieda ta’ 30 % applikata fl-ammont tal-multa imposta fuq Parker ITR minħabba fir-rwol ta’ kap mogħti lil ITR, li ma hijiex iġġustifikata, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-istess livell ta’ żieda ġie applikat fl-ammont tal-multa imposta fuq Bridgestone, li allegatament żgurat il-koordinazzjoni tal-akkordju matul ħdax-il sena. |
|
124 |
Il-punt 28 tal-linji gwida jipprevedi li l-ammont bażiku tal-multa jista’ jiżdied meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti, bħar-rwol ta’ tmexxija tal-ksur. |
|
125 |
F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-fatt, għall-impriża, li tkun aġixxiet bħala kap ta’ akkordju jimplika li hija għandha terfa’ responsabbiltà partikolari meta mqabbla ma’ impriżi oħra (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il-Kummissjoni, T‑110/07, EU:T:2011:68, punt 367). |
|
126 |
Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiddetermina l-ammont ta’ kull multa, li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali u ma hijiex marbuta tapplika, f’dan ir-rigward, formula matematika preċiża (sentenzi tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T‑150/89, EU:T:1995:70, punt 59; tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T‑352/94, EU:T:1998:103, punt 268, tat-13 ta’ Lulju 2011, Polimeri Europa vs Il-Kummissjoni, T‑59/07, EU:T:2011:361, punt 251). |
|
127 |
Fil-każ ineżami, kif ġie kkonstatat fil-punti 118 u 119 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li ITR kellha rwol ta’ kap tal-akkordju bejn il-11 ta’ Ġunju 1999 u t-30 ta’ Settembru 2001. |
|
128 |
Speċifikament, fil-premessi 457 sa 463 tad-deċiżjoni kkontestata dwar iċ-ċirkustanzi aggravanti, fir-rigward ta’ ITR, il-Kummissjoni rreferiet f’mod partikolari għall-konstatazzjonijiet dwar ir-rwol tar-rappreżentant ta’ ITR matul il-perijodu bejn Ġunju 1999 u Settembru 2001. Il-Kummissjoni speċifikat li ITR kienet żgurat il-koordinazzjoni ta’ parti mill-akkordju fl-istess waqt tal-funzjonijiet ta’ koordinazzjoni żgurati minn M. W. u osservat li kien preċiżament matul dan il-perijodu li l-akkordju kien ġie stabbilit wara li ġarrab perijodu ta’ instabbiltà. |
|
129 |
Fil-fatt, ma ġiex ikkontestat li l-akkordju ġarrab perijodu relattivament inattiv matul il-perijodu ta’ bejn Mejju 1997 sa Ġunju 1999. Għalhekk kif ġie osservat b’mod partikolari fil-punti 105 u 108 iktar ’il fuq, huwa preċiżament mix-xahar ta’ Ġunju 1999 li ITR wettqet attivitajiet ta’ koordinazzjoni fost parti mill-parteċipanti fl-akkordju. |
|
130 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat ukoll, fil-punt 458 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontribuzzjoni ta’ ITR kienet importanti ħafna sabiex jintrebħu d-dubji fost ċerti membri tal-kartell u għall-istabbiliment mill-ġdid tiegħu. |
|
131 |
Fil-fatt, kif jirrikonoxxu huma stess ir-rikorrenti, ITR bdiet kooperazzjoni iktar mill-qrib ma’ Yokohama, billi kkoordinat il-parteċipazzjoni taż-żewġ impriżi fi ħdan il-kartell, meta din l-impriża kienet uriet dubji dwar li terġa’ tagħmel parti mill-kartell minħabba fir-relazzjonijiet ħżiena tagħha mal-kompetitur Ġappuniż, Bridgestone. Din ir-rivalità li tippreċedi l-istabbiliment mill-ġdid tal-akkordju fl-1999, li l-ITR, permezz tal-intervent tagħha, kienet ikkontribwixxiet għall-bidu ġdid tiegħu, kienet ġiet rikonoxxuta mir-rikorrenti stess. |
|
132 |
Għalhekk, iż-żieda ta’ 30 % applikata fl-ammont tal-multa imposta fuq Parker ITR minħabba fir-rwol tagħha ta’ kap tidher li hija ġġustifikata permezz taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. |
|
133 |
Sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti, ibbażati fuq il-fatt li l-istess żieda ta’ 30 % ġiet applikata fl-ammont tal-multa imposta fuq Bridgestone, meta din tal-aħħar allegatament żgurat il-koordinazzjoni tal-akkordju matul ħdax-il sena, għandhom jinftiehmu bħala li jsostnu ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, hemm lok jiġi eżaminat, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq, jekk iż-żewġ sitwazzjonijiet humiex paragunabbli. |
|
134 |
Fir-rigward taż-żieda ta’ 30 % tal-multa imposta fuq Bridgestone, il-Kummissjoni tirreferi, fil-premessi 458 u 462 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-konstatazzjonijiet skont liema matul il-perijodu ta’ ħdax-il sena li jestendi bejn l-1986 u l-1997, Bridgestone żgurat il-koordinazzjoni tal-akkordju, b’mod partikolari għall-parteċipanti Ġappuniżi filwaqt li Dunlop/DOM kienu jikkoordinaw l-akkordju għall-parteċipanti Ewropej. |
|
135 |
Għalhekk, jirriżulta mill-provi li ħadet inkunsiderazzjoni l-Kummissjoni matul il-konstatazzjonijiet dwar iċ-ċirkustanzi aggravanti li, għalkemm Bridgestone żgurat il-koordinazzjoni tal-akkordju għal ċerti parteċipanti matul perijodu li jestendi fuq ħdax-il sena, ITR, fir-rigward tagħha, żgurat il-koordinazzjoni ta’ parti mill-parteċipanti fl-akkordju matul sentejn. |
|
136 |
Għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ sitwazzjonijiet ma humiex fattwalment simili. Madankollu, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq, l-istess trattament taż-żewġ sitwazzjonijiet kien jidher oġġettivament ġustifikat, fid-dawl tal-fatt li minkejja l-fatt li ITR wettqet dawn l-attivitajiet ta’ koordinazzjoni matul sentejn biss, dawn ikkontribwew b’mod importanti ħafna għall-istabbiliment mill-ġdid tal-akkordju b’suċċess. Fil-fatt, fir-rigward tal-gravità tal-ksur u tar-responsabbiltà għal dan il-ksur, jidher ġustifikat li ż-żieda fl-ammont tal-multa imposta fuq Parker ITR minħabba l-attivitajiet ta’ koordinazzjoni ta’ ITR f’mument kritiku tal-akkordju kienet daqstant għolja daqs dik applikata fl-ammont tal-multa imposta fuq Bridgestone, minħabba fl-attivitajiet tagħha ta’ koordinazzjoni li damu iktar fiż-żmien. |
|
137 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li applikat l-istess rata ta’ żieda fl-ammont tal-multi imposti fuq Parker ITR u fuq Bridgestone. |
|
138 |
Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni żbaljat fl-applikazzjoni ta’ żieda ta’ 30 % biss fl-ammont tal-multa lil Bridgestone, minkejja l-perijodu twil li matulu din tal-aħħar eżerċitat ir-rwol ta’ kap tal-akkordju, tali illegalità, imwettqa favur persuna oħra, ma tiġġustifikax li l-motiv għall-annullament imqajjem mir-rikorrenti jintlaqa’. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew tan-nondiskriminazzjoni għandhom jiġu kkonċiljati mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, li jipprovdi li ħadd ma jista’ jinvoka favur tiegħu illegalità mwettqa favur ħaddieħor (ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il-Kummissjoni, T‑110/07, EU:T:2011:68, punt 358 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
139 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-ħames motiv invokat mir-rikorrenti jiġi miċħud. |
Fuq is-sitt motiv, rigward il-ksur tal-prinċipju ta ’ responsabbiltà personali u ta ’ nuqqas ta ’ motivazzjoni li jivvizzjaw iż-żieda applikata fl-ammont tal-multa imposta fuq Parker‑Hannifin minħabba fir-rwol ta ’ kap preżunt ta ’ Parker ITR
|
140 |
Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali meta hija ħadet inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ kap mogħti lil ITR mill-11 ta’ Ġunju 1999 sat-30 ta’ Settembru 2001 sabiex iżżid l-ammont tal-parti tal-multa fejn Parker‑Hannifin tinżamm responsabbli in solidum. Huma jinvokaw, barra minn hekk, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix il-motivi li minħabba fihom ġiet applikata żieda ta’ 30 % fl-ammont tal-multa fejn Parker‑Hannifin inżammet bħala responsabbli. |
|
141 |
Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, hemm lok jitfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, jekk l-aġir illegali ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent tagħha, jista’ jitqies li dawn il-kumpanniji jagħmlu parti, matul il-perijodu ta’ ksur, mill-istess unità ekonomika u li jifformaw għalhekk impriża waħda, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa sussegwentement leġittimu li l-Kummissjoni tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum mill-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha matul dan il-perijodu u, konsegwentement, tal-ħlas tal-ammont tal-multa impost fuq din tal-aħħar (ara s-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Areva et vs Il-Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
142 |
Barra minn hekk, kien deċiż li, fil-kuntest tal-istabbiliment tar-relazzjoni esterna ta’ solidarjetà, jiġifieri r-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-persuni differenti li jikkostitwixxu l-impriża, li jistgħu jissejħu sabiex iħallsu l-ammont tal-multa kollha kemm hi imposta fuq din l-impriża, ċerti restrizzjonijiet huma imposti fuq il-Kummissjoni, b’mod partikolari, l-osservanza tal-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u tas-sanzjonijiet li teħtieġ li, konformement mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammont tal-multa li għandha titħallas in solidum għandu jiġi stabbilit skont il-gravità tal-ksur li l-impriża kkonċernata hija kkritikata bih u t-tul tiegħu (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 52). |
|
143 |
Issa, konfigurazzjoni ta’ responsabbiltà li tippermetti lill-Kummissjoni li teħtieġ li waħda mill-kumpanniji parent tħallas il-multa li tissanzjona l-ksur li huwa kkritikat, għal parti oħra tal-perijodu ta’ ksur, lil impriża li qatt ma għamlet parti minnha tmur kontra l-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u tas-sanzjonijiet (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Areva et vs Il-Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punti 126 sa 133). |
|
144 |
Iktar speċifikament, kumpannija ma tistax tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq indipendentement mis-sussidjarji tagħha qabel id-data tax-xiri tagħhom, peress li dawn tal-aħħar għandhom huma stess jirrispondu għall-aġir illegali tagħhom qabel dan ix-xiri mingħajr mal-kumpannija li xtrathom tkun tista’ tinżamm responsabbli (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C‑279/98 P, EU:C:2000:626, punti 77 sa 79, u tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il-Kummissjoni, C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 65). |
|
145 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ liġi meta applikat żieda ta’ 30 % fl-ammont tal-multa li kellha titħallas in solidum minn Parker‑Hannifin. |
|
146 |
F’dan ir-rigward, hemm lok titfakkar il-konstatazzjoni fil-punt 118 iktar ’il fuq, skont liema l-Kummissjoni qieset, ġustament, li ITR kienet kap tal-akkordju għall-perijodu mill-11 ta’ Ġunju 1999 sat-30 ta’ Settembru 2001. L-ebda attività ta’ ITR jew tas-suċċessur tagħha ITR Rubber lil hinn minn dan il-perijodu ma ġiet stabbilita kontra tagħhom minħabba fir-rwol ta’ kap, fatt li, barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonfermat matul is-seduta. |
|
147 |
Barra minn hekk, huwa stabbilit li ITR Rubber, li, fl-1 ta’ Jannar 2002, il-kumpannija parent tagħha dak iż-żmien, ITR, ittrasferitilha l-attivi tagħha fis-settur tal-manek marittimi, inbiegħet lil Parker-Hannifin, fi ħdan il-grupp Parker, fil-31 ta’ Jannar 2002. Għalhekk, il-Kummissjoni, fil-premessa 389 tad-deċiżjoni kkontestata, qieset lill-kumpannija Parker‑Hannifin bħala responsabbli b’mod konġunt u in solidum għall-aġir ta’ Parker ITR, mid-data tax-xiri ta’ din tal-aħħar, fil-31 ta’ Jannar 2002. |
|
148 |
Barra minn hekk, hemm lok li titfakkar il-metodoloġija segwita mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa. |
|
149 |
Għalhekk, bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni wettqet kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, billi għamlet dan li ġej:
|
|
150 |
Fit-tieni lok, wara li kisbet żewġ ammonti bażiċi, jiġifieri, ammont bażiku għal Parker ITR u ammont bażiku għal Parker-Hannifin, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm lok li jiżdied bi 30 % l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Parker ITR sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravanti. |
|
151 |
Issa, fil-premessa 471 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet bi 30 % l-ammonti bażiċi għal Parker ITR, fatt li ta lok għall-ammont ta’ EUR 25610000, iżda wkoll għal Parker-Hannifin, fatt li ta lok għall-ammont ta’ EUR 8320000. |
|
152 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, filwaqt li l-Kummissjoni żammet responsabbli in solidum lil Parker-Hannifin biss mill-31 ta’ Jannar 2002, l-ammont bażiku tal-multa li kellha titħallas in solidum minn Parker-Hannifin minħabba f’din ir-responsabbiltà żdied bi 30 % minħabba ċ-ċirkustanzi aggravanti li ġejjin mir-rwol ta’ kap ta’ ITR bejn il-11 ta’ Ġunju 1999 u t-30 ta’ Settembru 2001, perijodu li matulu Parker-Hannifin ma kellha ebda rabta ma’ ITR jew mas-suċċessur tagħha ITR Rubber. |
|
153 |
Għalhekk, jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-ammont tal-multa li għandha titħallas in solidum minn Parker-Hannifin ma kienx ġie stabbilit skont il-gravità tal-ksur imwettaq individwalment mis-sussidjarja tagħha ITR Rubber wara x-xiri tagħha fil-31 ta’ Jannar 2002. |
|
154 |
Għalhekk, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta applikat żieda ta’ 30 % lill-ammont tal-multa li kellha titħallas in solidum minn Parker‑Hannifin, minħabba fiċ-ċirkustanza aggravanti li ġejja mir-rwol ta’ kap ta’ ITR bejn il-11 ta’ Ġunju 1999 u t-30 ta’ Settembru 2001. |
|
155 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jintlaqa’ s-sitt motiv invokat mir-rikorrenti, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li huma qajmu fil-kuntest tal-imsemmi motiv. |
|
156 |
B’dan il-mod, hemm lok li l-punt (e) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jiġi annullat sa fejn żieda ta’ 30 % ġiet applikata lill-ammont tal-multa li kellha titħallas in solidum minn Parker‑Hannifin, minħabba fiċ-ċirkustanza aggravanti li ġejja mir-rwol ta’ kap ta’ ITR bejn il-11 ta’ Ġunju 1999 u t-30 ta’ Settembru 2001. |
Fuq it-tmien motiv, dwar il-kalkolu tal-limitu massimu ta ’ 10 % tal-valur tal-bejgħ
|
157 |
Kif ġie kkonstatat fil-punt 31 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi eżaminat it-tmien motiv invokat mir-rikorrenti sa fejn jirrigwarda l-perijodu preċedenti l-1 ta’ Jannar 2002. |
|
158 |
Fil-kuntest tat-tmien motiv tagħhom ir-rikorrenti jqajmu tliet ilmenti, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, u t-tielet, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. |
|
159 |
Fir-rigward tal-ilment dwar il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, hemm lok jitfakkar li, skont it-termini ta’ din id-dispożizzjoni: “Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:
Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti. [...]” |
|
160 |
Barra minn hekk, hemm lok titfakkar b’mod partikolari l-ġurisprudenza msemmija fis-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il-Kummissjoni (C‑408/12 P, EU:C:2014:2153). Fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat kif ġej: “[...], [M]eta [...] impriża kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81 KE ġiet akkwistata minn impriża oħra li fiha żżomm, bħala sussidjarja, l-kwalità ta’ entità ekonomika distinta, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ għal kull waħda minn dawn l-entitajiet ekonomiċi sabiex tapplikalhom, fejn applikabbli, il-limitu ta’ 10 %.” |
|
161 |
Barra minn hekk, fil-punti 63 u 64 tas-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il-Kummissjoni (C‑408/12 P, EU:C:2014:2153), ġie deċiż dan li ġej:
|
|
162 |
Mill-punt(e) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fuq l-ammont tal-multa ta’ EUR 25610000 imposti fuq Parker ITR, Parker‑Hannifin inżammet responsabbli b’mod konġunt u in solidum sa EUR 8320000. Minn dan jirriżulta li l-parti mill-multa li għandha titqies li ġiet imposta fuq Parker ITR esklużivament togħla għal EUR 17290000. Madankollu, fid-dawl tal-iżball ikkonstatat fil-punt 154 iktar ’il fuq u tal-konklużjoni fil-punt 156 iktar ’il fuq, ma hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni ż-żieda ta’ 30 % applikata lill-ammont bażiku tal-multa ta’ EUR 6400000 li għandha titħallas in solidum minn Parker-Hannifin. Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, il-parti tal-multa li għandha titqies li ġiet realment imposta fuq Parker ITR esklużivament togħla għal EUR 19210000. |
|
163 |
Fid-dawl tat-tqassim tar-responsabbiltà bejn Parker ITR u Parker‑Hannifin sostnuta mill-Kummissjoni kif ġiet deskritta b’mod partikolari fil-premessa 389 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok jitqies li l-parti tal-multa li għaliha nżammet responsabbli Parker ITR esklużivament taqa’ taħt il-parteċipazzjoni fil-ksur tal-predeċessur ekonomiku tagħha, ITR, għall-perijodu bejn l-1 ta’ April 1986 u l-31 ta’ Diċembru 2001, kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħha stess għall-perijodu bejn l-1 u l-31 ta’ Jannar 2002. Kien biss mill-31 ta’ Jannar 2002 li r-responsabbiltà ta’ Parker‑Hannifin ġiet sostnuta bħala l-kumpannija parent ta’ Parker ITR u abbażi ta’ dan il-fatt, Parker‑Hannifin inżammet responsabbli b’mod konġunt u in solidum ma’ Parker ITR għall-parti mill-multa. |
|
164 |
Fil-premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, billi bbażat lilha nnifisha fuq il-valur tal-bejgħ li jissemma fis-sezzjoni tad-deċiżjoni dwar l-impriżi kkonċernati mill-proċedura, indikat li l-ammonti tal-multi imposti fuqhom ma kinux jaqbżu l-limitu ta’ 10 % tal-valur tal-bejgħ previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Issa, fir-rigward tar-rikorrenti, fil-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-valur tal-bejgħ ikkonsolidat fuq skala dinjija mwettaq minn Parker‑Hannifin għas-sena finanzjarja 2006 li skadiet fit-30 ta’ Ġunju kien tela’ għal EUR 7410 miljun. |
|
165 |
Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni żammet unikament il-valur tal-bejgħ globali mwettaq minn Parker‑Hannifin għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 % tal-valur tal-bejgħ previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, inkluż għal dak li jirrigwarda l-parti tal-multa li għaliha kienet inżammet responsabbli Parker ITR esklużivament, b’mod partikolari għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002. |
|
166 |
Issa, kif ġustament isostnu r-rikorrenti, sa fejn dan il-limitu massimu ma kienx ġie stabbilit abbażi biss tal-valur tal-bejgħ ta’ Parker ITR għal dak li jirrigwarda l-parti tal-multa li ġie imposta fuqha esklużivament u inkluż, neċessarjament, għal dak li jirrigwarda l-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni wettqet żball fl-applikazzjoni tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il-Kummissjoni, C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 64). |
|
167 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, it-tmien motiv, kif indikat fil-punt 31 iktar ’il fuq, għandu jintlaqa’, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet ilmenti mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tiegħu. |
|
168 |
B’dan il-mod, hemm lok ukoll li jiġi annullat l-punt (e) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li l-Kummissjoni ma kkalkolatx, abbażi biss tal-valur tal-bejgħ ta’ Parker ITR, il-limitu massimu ta’ 10 % tal-valur tal-bejgħ previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għal dak li jirrigwarda l-parti tal-multa li għaliha nżammet responsabbli Parker ITR esklużivament għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002. |
Fuq l-eżerċizzju ta ’ ġurisdizzjoni sħiħa
|
169 |
Il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija, skont l-Artikolu 229 KE, lill-Qorti Ġenerali permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tagħti l-kapaċità lil din tal-aħħar, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, sabiex tħassar, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa jew tal-piena imposta. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Unjoni għandha l-kapaċità li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, meta kwistjoni tal-ammont tal-multa tiġi suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha, u li din il-kompetenza tista’ tiġi eżerċitata kemm biex tnaqqas dan l-ammont kif ukoll biex iżżidu (sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punti 61 u 62). |
|
170 |
Għandu jiġi osservat li, min-natura tiegħu, l-iffissar tal-ammont tal-multa mill-Qorti Ġenerali ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta mal-kalkoli tal-Kummissjoni, lanqas mal-linji gwida, meta hija tiddeċiedi bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Hija għandha twettaq l-evalwazzjoni proprja tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T‑11/06, EU:T:2011:560, punt 266 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
171 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu. |
|
172 |
Barra minn hekk, kif inhu mfakkar mill-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur. |
|
173 |
Konformement mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammont tal-multa ma jistax barra minn hekk jaqbeż l-10 % tal-valur tal-bejgħ totali tal-impriża ġġenerat matul is-sena kummerċjali preċedenti. |
|
174 |
F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari dik stabbilita fis-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il-Kummissjoni (C‑408/12 P, EU:C:2014:2153), li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu massimu previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, irid jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ tas-sussidjarja inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et Il-Kummissjoni, C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 97). F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li ma huwiex il-valur tal-bejgħ ikkonsolidat mill-grupp Parker, iżda biss dak tas-sussidjarja Parker ITR, li hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi aġġustat l-ammont tal-multa mal-kapaċità ta’ ħlas tagħha, huwa xieraq li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 %, il-valur tal-bejgħ totali ta’ Parket ITR jittieħed bħala bażi, inkluż il-bejgħ intern fi ħdan il-grupp. |
|
175 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multi, kien hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u l-provi kollha li jistgħu jagħmlu parti mill-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu, bħal, b’mod partikolari, l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi u r-rwol ta’ kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
176 |
Fis-sentenza dwar l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat b’mod partikolari l-punti 2 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li permezz tagħhom l-multa imposta mill-Kummissjoni fuq ITR u fuq Parker-Hannifin kienet annullata u, wara l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-ammont tal-multa imposta fuq Parker ITR kienet stabbilita għal EUR 6400000, ammont li kienet responsabbli għalih in solidum Parker-Hannifin sal-ammont ta’ EUR 6300000. |
|
177 |
Wara r-rinviju tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti jsostnu li l-motivi li huma invokaw jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, konsegwentement, l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa li kienet imposta fuqhom. |
|
178 |
F’dan il-każ, fid-dawl tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tas-sitt u tat-tmien motivi kif ukoll tal-iżbalji kkonstatati fil-punti 154 u 166 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq, lil hinn mill-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata li ġie deċiż fil-punti 156 u 168 iktar ’il fuq, li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa li ġiet ikkonferita lilha mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 u li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti. |
|
179 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa f’loku li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi segwenti. |
|
180 |
L-ewwel nett, jirriżulta suffiċjentement mill-provi fil-fajl li l-akkordju kkostitwixxa ksur gravi, fid-dawl tal-fatt li huwa kellu bħala għan l-għoti tas-sejħa għal offerti, l-iffissar tal-prezzijiet, l-iffissar ta’ kwoti, l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ, it-tqassim ta’ swieq ġeografiċi u l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar il-prezzijiet, il-volumi tal-bejgħ u s-sejħiet għal offerti. Barra minn hekk, dan huwa kartell ta’ dimensjoni globali. |
|
181 |
It-tieni nett, fir-rigward speċifikament tat-tul tal-ksur, minn naħa, hemm lok jitfakkar li ITR Rubber (li saret Parker ITR sussegwentement) inżammet, ġustament, responsabbli għall-parteċipazzjoni fil-ksur tal-predeċessur ekonomiku tagħha ITR għall-perijodu bejn l-1 ta’ April 1986 u l-31 ta’ Diċembru 2001 kif ukoll għall-parteċipazzjoni tagħha stess għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2002 u t‑2 ta’ Mejju 2007. Min-naħa l-oħra, ir-responsabbiltà in solidum ta’ Parker‑Hannifin ġiet korrettament miżmuma, bħala kumpannija parent ta’ Parker ITR, għall-perijodu bejn l-31 ta’ Jannar 2002 u t-2 ta’ Mejju 2007. |
|
182 |
It-tielet nett, ġie stabbilit, li ITR kellha rwol ta’ kap tal-akkordju bejn il-11 ta’ Ġunju 1999 u t-30 ta’ Settembru 2001, matul perijodu kritiku għaliha, wara perijodu relattivament ta’ inattività, u kkontribwiet b’mod importanti ħafna għall-istabbiliment mill-ġdid tal-akkordju b’suċċess. Min-naħa l-oħra, l-ebda attività ta’ ITR jew tas-suċċessur tagħha, ITR Rubber, lil hinn minn dan il-perijodu ma nżammet fil-konfronti tagħhom minħabba r-rwol ta’ kap. |
|
183 |
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali qieset li l-multa li tammonta għal EUR 19210000 hekk kif imposta mill-Kummissjoni fuq Parker ITR esklużivament tippermetti li trażżan b’mod effiċjenti l-aġir illegali kkonstatat b’mod li mhux negliġibbli u li jibqa’ suffiċjentement dissważiv. Kull multa li taqbeż dan l-ammont tkun sproporzjonata fir-rigward ta’ dan il-ksur. |
|
184 |
Madankollu, minħabba l-limitu massimu legali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu, il-valur tal-bejgħ totali tal-impriża, jiġifieri Parker ITR, imwettaq matul l-eżerċizzju soċjali li jippreċedi d-deċiżjoni li timponi l-multa inkwistjoni, jiġifieri, fil-każ ta’ Parker ITR, l-eżerċizzju għas-sena finanzjarja 2008, li għalaq fit-30 ta’ Ġunju. Għalhekk, jirriżulta mill-bilanċ tat-30 ta’ Ġunju 2008 ta’ Parker ITR, anness mal-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati wara s-sentenza dwar l-appell, b’mod partikolari fil-paġna tagħha 18, li l-valur tal-bejgħ totali, inkluż il-bejgħ intern, għas-sena finanzjarja 2008 jitla’ għal EUR 135457283. |
|
185 |
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tqis li l-ammont tal-multa li għaliha Parker ITR għandha titqies li hija responsabbli esklużivament f’dan il-każ ma għandux jaqbeż 10 % tal-valur tal-bejgħ indikat fil-punt 184 iktar ’il fuq, jiġifieri EUR 13545728. |
|
186 |
Finalment, il-Qorti Ġenerali qieset li hemm lok li jitnaqqas l-ammont tal-multa li għaliha Parker‑Hannifin għandha tinżamm responsabbli in solidum fid-dawl, b’mod partikolari, tal-gravità tal-ksur u tal-fatt li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, bħala kumpannija parent ta’ Parker ITR, bdiet biss mix-xiri ta’ din tal-aħħar, fil-31 ta’ Jannar 2002 meta hija ma kinitx għadha teżerċita rwol ta’ kap tal-akkordju, u tiffissaha għal EUR 6400000 . |
|
187 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset li l-ammont totali tal-multa imposta fuq Parker ITR għandu jiġi stabbilit għal EUR 19945728, ammont li kienet responsabbli għalih in solidum Parker-Hannifin sal-ammont ta’ EUR 6400000. |
|
188 |
Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
|
189 |
Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
|
190 |
Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Frimodt Nielsen Schwarcz Collins Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Lulju 2016. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.