SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

19 ta’ April 2013 ( *1 )

“FEŻR — Programm Operattiv Reġjonali (POR) 2000 — 2006 għar-Regione Campania — Regolament (KE) Nru 1260/1999 — Artikolu 32(3)(f) — Deċiżjoni li ma jsirux il-pagamenti intermedji relatati mal-miżura tal-POR li tikkonċerna l-immaniġġar u r-rimi ta’ skart — Proċeduri ta’ ksur kontra l-Italja”

Fil-Kawżi magħquda T-99/09 u T-308/09,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn P. Gentili u, fil-Kawża T-99/09, ukoll minn G. Palmieri, avvocati dello Stato,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Recchia u A. Steiblytė, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talbiet għall-annullament tad-deċiżjonjiet li jinsabu fl-ittri tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2008, tat-2 u tas-6 ta’ Frar 2009 (Nri 012480, 000841 u 001059 – Kawża T-99/09) u tal-20 ta’ Mejju 2009 (Nru 004263 – Kawża T-308/99) li jiddikjaraw inammissibbli, skont l-Artikolu 32(3)(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31), it-talbiet għall-ħlas tal-pagamenti intermedji tal-awtoritajiet Taljani intiżi għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti, wara d-29 ta’ Ġunju 2007, taħt il-Miżura 1.7 tal-Programm Operattiv “Campania”,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, F. Dehousse u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura għall-approvazzjoni tas-sostenn tal-Programm Operattiv “Campania”

1

Permezz tad-Deċiżjoni C (2000) 2347, tat-8 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej approvat il-Programm Operattiv “Campania” (iktar ’il quddiem il-“PO Campania”) li jidħol fil-kuntest tas-sostenn għall-interventi strutturali Komunitarji fir-reġjuni kkonċernati mill-Objettiv 1 fl-Italja. L-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li d-dati tal-bidu u tal-limitu tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż huma l-5 ta’ Ottubru 1999 u l-31 ta’ Diċembru 2008, rispettivament. Sussegwentement din id-deċiżjoni ġiet emendatata diversi drabi.

2

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Marzu 2001, il-President tar-Regione Campania nnotifika lill-Kummissjoni “żieda mal-programm finali”.

3

Fit-23 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 2165 li temenda d-Deċiżjoni C (2000) 2347 u li magħha ġiet mhemuża verżjoni emendata tal-PO Campania li tiddeskrivi l-Miżura 1.7 ta’ dan tal-aħħar (iktar ’il quddiem il-“Miżura 1.7”).

4

Fit-22 ta’ April 2008, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni verżjoni emendata taż-żieda mal-programm li tinkludi deskrizzjoni emendata tal-Miżura 1.7, li l-Kummissjoni approvat permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2008.

5

Il-Kummissjoni finalment emendat id-Deċiżjoni C (2000) 2347 permezz tad-Deċiżjoni tagħha C (2009) 1112 finali, tat-18 ta’ Frar 2009, li estendiet il-perijodu ta’ eliġibbiltà tal-ispejjeż sat-30 ta’ Ġunju 2009.

6

Il-verżjoni tal-PO Campania, kif innotifikata lill-Kummissjoni fit-22 ta’ April 2008, iddeskriviet l-interventi relatati mal-Miżura 1.7, b’mod partikolari, kif ġej:

“a)

Bini ta’ impjanti ta’ kwalità fejn isir il-kompost u ta’ żoni ekoloġiċi

[…]

b)

Interventi li jikkonċernaw il-ħolqien ta’ landfills għar-rimi ta’ skart residwu wara l-ġbir isseparat, b’osservanza għall-kundizzjonijiet ta’ sigurtà skont id-dispożizjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/03, u li jikkonċernaw l-istadju finali u/jew ir-restawr ambjentali tal-landfills awtorizzati u mhux attivi, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-adattament tagħhom skont id-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/03.

Fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, huma ffinanzjati l-interventi li jikkonċernaw il-ħolqien ta’ landfills għar-rimi ta’ skart residwu wara l-ġbir isseperat, b’osservanza għall-kundizzjonijiet ta’ sigurtà skont id-dispożizjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/03, l-interventi li jikkonċernaw l-istadju finali u/jew ir-restawr ambjentali tal-landfills awtorizzati u mhux attivi, previsti mill-pjanifikazzjoni settorjali, billi jiġu pprivileġġjati, b’osservanza tal-prijoritajiet tal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart, il-landfills diġà eżistenti u l-interventi ta’ kwalifikazzjoni mill-ġdid ambjentali taż-żoni permezz tal-irdim ta’ tip speċifiku ta’ skart residwu […]. Il-landfills għandhom jitqiesu bħala li huma esklużivament għas-servizz tas-sistema integrata ta’ mmaniġġar ta’ skart.

[…]

c)

Implementazzjoni tal-aħjar żoni territorjali u ta’ pjanijiet relatati għall-immaniġġar u l-ipproċessar ta’ skart (assistenza teknika għat-tħejjija ta’ pjanijiet u ta’ programmi, xiri ta’ tgħammir tekniku u assistenza għall-monitoraġġ tas-sistemi u l-iżvilupp tal-għarfien tas-settur, seminars ta’ taħriġ mill-ġdid għall-persunal, attivitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni)

[…]

d)

Sostenn lill-komuni assoċjati fir-rigward tal-imaniġġar tas-sistema ta’ ġbir isseparat ta’ skart urban.

Din l-attività tippermetti li jiġi ffinanzjat ix-xiri, mill-komuni assoċjati u, b’impenji ġuridikament vinkolanti meħuda qabel il-31 ta’ Diċembru 2004, ukoll mill-[kummissarjat rappreżentattiv], fil-forom u skont il-metodi previsti mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000, tat-tgħammir tekniku neċessarju għall-ġbir isseparat ta’ skart urban u ta’ dak relatat, u għat-tgħammir ta’ żoni u ta’ punti ta’ ġbir relatati miegħu (miżbliet, kontenituri għall-preparazzjoni tal-kompost, kontenituri taż-żibel, vetturi għall-ġbir, etc.), bil-għan li tiġi żgurata kooperazzjoni effikaċi bejn l-awtoritajiet lokali li jinsabu f’żona unika li hija l-aħjar, fil-forom u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

[…]

e)

Skema ta’ għajnuna lill-impriżi għall-adattament tal-impjanti intiżi għall-irkurpu ta’ materjal idderivat mill-iskart (ipproċessar ta’ skart inerti, ta’ vetturi bil-mutur, ta’ beni durabbli, ta’ oġġetti ingumbranti, kompostaġġ ta’ kwalità, irkupru ta’ materji plastiċi) abbażi ta’ strateġiji pubbliċi intiżi għall-implementazzjoni tal-attivitajiet ta’ rkupru u għat-titjib tal-livelli ta’ kwalità.

[…]

f)

Fuq livell reġjonali, attività ta’ koordinazzjoni, ta’ loġistika u ta’ sostenn lill-impriżi ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ skart li joriġina minn kategoriji partikolari ta’ attivitajiet produttivi.

L-azzjoni għandha tippromwovi l-attivitajiet ta’ sostenn lill-impriżi li jipproduċu kategoriji partikolari ta’ skart li, mingħajr dan is-sostenn, ma jkunux jistgħu jagħmlu ekonomija ta’ skala li tippermetti jew li tiffaċilità l-irkupru ta’ dan l-iskart minflok ma dan jiġi sempliċement mormi.

[…]

Barra minn hekk, l-azzjoni għandha tinkludi l-ħolqien ta’ katast ta’ riċerka li jinkludi funzjoni ta’ monitoraġġ tal-kwalità u tal-kwantità tal-iskart, b’koordinazzjoni mal-interventi kkofinanzjati mill-Miżura 1.1, kif previst fl-istudju ta’ probabbiltà msemmi fid-DGR (Deċiżjoni tal-Giunta Regionale) Nru 1508 tat-12 ta’ April 2002 u fl-emendi u fl-integrazzjonijet eventwali tagħha, kif ukoll miżuri ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ promozzjoni tal-ġbir isseparat, tal-irkupru u tar-riċiklaġġ. L-azzjoni għandha tinkludi t-twettiq ta’ kampannji ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-ġbir isseparat, l-irkupru u r-riċiklaġġ. Dawn il-kampannji huma intiżi wkoll sabiex jiffaċilitaw il-proċessi ta’ implementazzjoni tal-pjanijiet reġjonali.

[…]

g)

Skemi ta’ għajnuna lill-impriżi għall-bini ta’ impjanti intiżi għall-irkupru ta’ materjal li jirriżulta minn skart li joriġina minn kategoriji produttivi partikolari u għall-bini ta’ impjanti għall-irkupru tal-enerġija fir-rigward tal-iskart li kieku ma jkunx rekuperabbli.

L-għan ta’ din l-azzjoni huwa li jiġi promoss l-iżvilupp ta’ attivitajiet industrijali suċċessivament għall-ġbir isseparat għall-finijiet tal-iżvilupp ekonomiku tal-partijiet magħżula.

Din l-azzjoni għandha tipprovdi għall-finanzjament tal-bini ta’ impjanti intiżi għall-attivitajiet ta’ rkupru ta’ skart imsemmija fl-Artikoli 31 u 33 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/97. B’mod iktar speċifiku, għandhom ikunu iffinanzjati l-attivitajiet ta’ rkupru msemmija fl-Anness 1 – subanness 1, tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Frar 1998, bl-esklużjoni tal-kategoriji 14( skart rekuperabbli li joriġina minn skart urban u minn skart speċjali relatat mhux perikoluż għall-produzzjoni ta’ [fjul idderivat minn skart ta’ kwalità]), 16 (skart kompostabbli) u 17 (skart rekuperabbli permezz ta’ proċessi ta’ tmermir u ta’ gassifikazzjoni), u fl-Anness 1 –subanness 1 tad-Digriet Ministerjali Nru 161 tat-12 ta’ Ġunju 2002.

[…]”

7

L-interventi mwettqa u intiżi sabiex tiġi mtejba u sabiex tiġi promossa s-sistema ta’ ġbir u ta’ rimi ta’ skart skont il-Miżura 1.7 taw lok għal spejjeż li jammontaw għal EUR 93 268 731.59, li 50 % minnhom – jiġifieri EUR 46 634 365.80 – kienu ġew ikkofinanzjati mill-Fondi Strutturali.

Il-proċeduri ta’ ksur kontra r-Repubblika Taljana

8

Fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur miftuħa kontra r-Repubblika Taljana bir-referenza Nru 2007/2195, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritatjiet Taljani, fid-29 ta’ Ġunju 2007, ittra ta’ intimazzjoni li takkużahom bi ksur tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9), billi ma kinux adottaw, fir-rigward tar-Regione Campania, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiggarantixxu li l-iskart ikun mormi mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ħsara għall-ambjent u, b’mod partikolari, billi ma ħolqux netwerk integrat u adatt ta’ impjanti ta’ rimi ta’ skart

9

Fit-23 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Taljani ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, iddatata s-17 ta’ Ottubru 2007, intiża sabiex testendi l-ilmenti li jifformaw is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur. Din l-estenzjoni tal-ilmenti kienet tikkonċerna n-nuqqas allegat ta’ effikaċità tal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart għar-Regione Campania adottat fl-1997 sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4, 5 u 7 tad-Direttiva 2006/12.

10

Wara l-approvazzjoni, fit-28 ta’ Diċembru 2007, ta’ pjan ġdid ta’ mmaniġġar ta’ skart għar-Regione Campania, il-Kummissjoni ħarġet, fl-1 ta’ Frar 2008, opinjoni motivata dwar il-ksur allegat tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12 biss.

11

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju 2008 bir-referena Nru C-297/08, il-Kummissjoni ppreżentat rikors skont l-Artikolu 226 KE u talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottatx, għar-Regione Campania, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiggarantixxi li l-iskart jiġi rkuprat u mormi mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, u b’mod partikolari billi ma stabbilixxietx netwerk adatt u integrat ta’ impjanti ta’ rimi, ir-Repubblika Taljana kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12.

12

Permezz tas-sentenza tagħha tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-297/08, Ġabra p. I-1749), il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet dan ir-rikors u kkonstatat in-nuqqas tar-Repubblika Taljana, hekk kif kienet talbet il-Kummissjoni.

Effetti tal-proċeduri ta’ ksur fuq l-implementazzjoni tal-PO Campania

13

Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Marzu 2008 bir-referenza Nru 002477, il-Kummissjoni informat lill-awtoritatjiet Taljani dwar il-konsegwenzi li hija kellha l-intenzjoni tislet mill-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 imsemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq għall-finanzjament tal-Miżura 1.7 fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-PO Campania. Fid-dawl tal-ftuħ ta’ dawn il-proċeduri u tal-kontenut tal-opinjoni motivata, il-Kummissjoni qieset li ma setgħetx iktar “tagħmel pagamenti intermedji li jikkonċernaw ir-rimbors tal-ispejjeż relatati mal-Miżura 1.7 tal-PO Campania […]”, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31). Fil-fatt, “il-Miżura 1.7 tal-PO Campania […] [kienet] tikkonċerna s-‘Sistema reġjonali ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart’, li għaliha jirreferu l-proċeduri ta’ ksur, li [jidentifikaw] in-nuqqas ta’ effikaċità fl-implementazzjoni ta’ netwerk adatt u integrat ta’ impjanti ta’ rimi ta’ skart […]”. Skont il-Kummissjoni, ġie stabbilit li “l-immaniġġar ta’ skart fit-totalità tiegħu ma [kienx] sodisfaċenti fid-dawl tan-neċessità li jiġi ggarantit ġbir u rimi korrett ta’ skart u, għaldaqstant, ukoll fid-dawl tal-azzjonijiet previsti mill-Miżura 1.7, bħall-azzjonijiet marbuta mal-impjanti ta’ ħażna, ta’ pproċessar, u ta’ rimi ta’ skart, mal-impjanti ta’ rkupru tal-partijiet niexfa u umdi, l-istadju finali ta’ landfills, minbarra l-ġbir isseparat […], kif ukoll il-pjanijiet u l-programmi settorjali”. Hija kkonkludiet, essenzjalment, li kull talba għal ħlas li tkopri spejjeż relatati mal-Miżura 1.7 imressqa wara l-mument li fih ir-Regione di Campania naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2006/12 li daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2006, tkun inammissibbli. Il-Kummissjoni għaldaqstant talbet lill-awtoritajiet Taljani jnaqqsu, mit-talba għal ħlas sussegwenti, l-ispejjeż kollha sostnuti li jikkonċernaw il-Miżura 1.7 wara s-17 ta’ Mejju 2006, sakemm ir-Repubblika Taljana ma tadottax id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tirrimedja “s-sitwazzjoni”.

14

Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ġunju 2008 bir-referenza Nru 0012819, l-awtoritajiet Taljani kkontestatw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni mogħtija fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Marzu 2008. Skonthom, id-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talbiet għal ħlas fir-rigward tal-Miżura 1.7 hija infondata. Il-kriterji tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 ma humiex sodisfatti f’dan il-każ. Il-Kummissjoni ma “indikat ebda operazzjoni speċifika kuntrarja għad-dritt Komunitarju, iżda limitat ruħha titlob il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ ksur fil-kuntest tal-immaniġġar ta’ skart b’mod assolutament ġeneriku, mingħajr ma dan ma jippermetti li jinftiehem kif l-implementazzjoni tal-Miżura 1.7 taħt il-PO Campania tista’ tirrappreżenta tali ksur tad-dritt Komunitarju”. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni għaldaqstant tammonta sabiex tissanzjona lir-Repubblika Taljana b’mod “antiċipat u awtomatiku” qabel mal-proċeduri ta’ ksur ma jkunu ntemmu b’osservanza totali tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ kontradittorju. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija illoġika inkwantu l-interventi ffinanzjati taħt il-Miżura 1.7 kienu preċiżament intiżi sabiex isolvu l-problemi marbuta mal-ġbir u mar-rimi ta’ skart fil-Campania u inkwantu sospensjoni tal-finanzjament tagħhom jista’ biss iddewwem is-soluzzjoni tal-kriżi attwali. L-awtoritajiet Taljani għaldaqstant talbu lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha kif espressa fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Marzu 2008.

15

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ottubru 2008 dwar l-“istudju tal-impatt strateġiku tal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart tar-Regione Campania”, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Taljani dwar il-ħsibijiet tagħha relatati mal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart għar-Regione Campania kif adottat fit-28 ta’ Diċembru 2007. Essenzjalment, il-Kummissjoni talbet lill-imsemmija awtoritajiet jaġġornaw dan il-pjan fid-dawl tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi reċentement adotatti kif ukoll iwettqu studju ta’ impatt strateġiku. Fir-rigward tal-aġġornar tal-pjan ikkonċernat, il-Kummissjoni talbet l-inklużjoni ta’ miżuri li jippermettu l-implementazzjoni ta’ mmaniġġar normali u sostnut ta’ skart, li jista’ jissostitwixxi l-immaniġġar urġenti attwali. Fl-aħħar, il-Kummissjon fakkret li, minħabba l-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 li kienu għaddejjin, it-talbiet għall-ħlas tal-pagamenti intermedji relatati mal-Miżura 1.7 ma kinux iktar ammissibbli.

16

Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008 bir-referenza Nru 012480 (suġġett: “POR Campania 2000-2006” (CCI Nru 1999 IT 16 1 PO 007) Konsegwenzi tal-proċeduri ta’ ksur [Nru] 207/2195 dwar l-immaniġġar ta’ skart fil-Campanja” il-Kummissjoni wieġbet għall-ittri tal-awtoritajiet Taljani tad-9 ta’ Ġunju 2008 u rrepetiet il-pożizzjoni tagħha indikata fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Marzu 2008. Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 huwa l-bażi ġuridika rilevanti f’dan il-każ, peress li l-ammissibbiltà tal-pagamenti intermedji hija suġġetta għal diversi kundizzjonijiet, fosthom li “ebda deċiżjoni ma ttieħdet mill-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura dwar il-vjolazzjoni fis-sens ta’ Artikolu 226 [KE]”. Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li l-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 jikkontestaw is-sistema kollha ta’ mmaniġġar ta’ skart fil-Campania fid-dawl tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12. Hija fakkret ukoll il-ħsibijiet tagħha u r-riżervi tagħha espressi fl-ittra tal-20 ta’ Ottubru 2008. Il-Kummissjoni minn dan ikkonkludiet li ma kienx hemm “garanziji biżżejjed fir-rigward tat-twettiq korrett tal-operazzjonijiet ikkofinanzjati mill-FEŻR fil-kuntest tal-Miżura 1.7, li, fid-dawl tal-kliem tal-miżura stess, [kienu] jikkonċernaw is-sistema reġjonali kollha ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart, li l-effikaċità u l-adattezza tagħha [kienu] s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur” inkwistjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ppreċiżat li d-data li minnha hija kkunsidrat li l-ispejjeż relatati mal-Miżuri 1.7 ma kinux eliġibbli kienet id-29 ta’ Ġunju 2007 u mhux is-17 ta’ Mejju 2006.

17

Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 2009 bir-referenza Nru 000841 u li għandha bħala suġġett il-“ħlas mill-Kummissjoni ta’ ammonti għajr tal-ammont mitlub”, il-Kummissjoni, billi rreferiet għall-ittri tagħha tal-31 ta’ Marzu u tat-22 ta’ Diċembru 2008, iddikjarat inammissibbli talba għal ħlas tal-awtoritajiet Taljani tat-18 ta’ Novembru 2008, inkwantu din kienet tinkludi spejjeż ta’ ammont ta’ EUR 12 700 931.62 sostnuti fil-kuntest tal-Miżura 1.7 wara s-17 ta’ Mejju 2006, minħabba li l-azzjonijiet ikkonċernati kienu marbuta mal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195. Il-Kummissjoni madankollu ppreċiżat li hija kienet innotifikat lir-Repubblika Taljana dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ dawn il-proċeduri ta’ ksur fid-29 ta’ Ġunju 2007. Għaldaqstant, hekk kif indikat fl-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008, id-data li minnha l-Kummissjoni qieset l-ispejjeż fil-kuntest tal-Miżura 1.7 bħala li kienu inammissibbli hija d-29 ta’ Ġunju 2007 u mhux is-17 ta’ Mejju 2006. Fl-aħħar nett, fil-każ li kien jirriżulta “bilanċ pożittiv relatat mal-ammont ta’ EUR 12 700 931.62”, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Taljani jieħdu dan inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-talba għal ħlas sussegwenti tagħhom.

18

Fl-14 ta’ Jannar 2009, l-awtoritajiet Taljani ressqu talba ġdida għal ħlas, inter alia, għal ammont ta’ EUR 18 544 968.76 fir-rigward ta’ spejjeż sostnuti fil-kuntest tal-Miżura 1.7.

19

Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Frar 2009 bir-referenza Nru 001059 u li għandha bħala suġġett l-“interruzzjoni tat-talba għal ħlas u t-talbiet għal informazzjoni relatati mall-korrezzjonijiet finanzjarji skont l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999”, il-Kummissjoni rrepetiet, kif ġie indikat fil-punti 16 u 17 iktar ’il fuq, li d-data li minnha d-data li minnha l-Kummissjoni qieset l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-Miżura 1.7 bħala li kienu inammissibbli hija d-29 ta’ Ġunju 2007 u mhux is-17 ta’ Mejju 2006. F’każ li jkun hemm “emenda fir-rigward tal-ammont ta’ EUR 18 544 968.76”, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Taljani jikkoreġu t-talba għal ħlas ikkonċernata.

20

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Mejju 2009 bir-referenza Nru 004263 u li għandha bħala suġġett il-“ħlas mill-Kummissjoni ta’ ammonti għajr tal-ammont mitlub”, indirizzata lill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni affermat mill-ġdid, filwaqt li rreferiet għall-ittri tagħha tal-31 ta’ Marzu u tat-22 ta’ Diċembru 2008, li l-ammont ta’ EUR 18 544 968.76 relatat mal-ispejjeż sostnuti wara s-17 ta’ Mejju 2006 fil-kuntest tal-Miżura 1.7 u li jikkonċernaw is-sistema reġjonali ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart kien inammissibbli. Fl-istennija tal-eżitu tal-Kawża T-99/09 pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni naqset dan l-ammont minn din it-talba għal ħlas. Madankollu, hekk kif diġà ġie indikat fl-ittra tas-6 ta’ Frar 2009, id-data li minnha l-Kummissjoni qieset l-ispejjeż fil-kuntest tal-Miżura 1.7 bħala li kienu inammissibbli hija d-29 ta’ Ġunju 2007 u mhux is-17 ta’ Mejju 2006. F’każ li jkun hemm “emenda fir-rigward tal-ammont ta’ EUR 18 544 968.76”, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Taljani jindikawha fit-talba għall-ħlas tal-pagament intermedju sussegwenti.

21

L-ittri tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2008, tat-2 u tas-6 ta’ Frar 2009 kif ukoll tal-20 ta’ Mejju 2009 (ara l-punti 16 sa 20 iktar ’il fuq) ser jissejħu flimkien iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Marzu 2009, ir-Repubblika Taljana ppreżentat ir-rikors irreġistrat bir-referenza T-99/09 kontra d-deċiżjonijiet li jinsabu fl-ittri tat-22 ta’ Diċembru 2008, tat-2 u tas-6 ta’ Frar 2009.

23

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ġunju 2009, ir-Repubblika Taljana ppreżentat ir-rikors irreġistrat bir-referenza T-308/09 kontra d-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-20 ta’ Mejju 2009.

24

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni talbet is-sospensjoni tal-proċeduri fil-Kawża T-308/09, skont l-Artikolu 77(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ttemmm il-proċeduri fil-Kawża T-99/09, li fiha l-maġġoranza tal-motivi mqajma kienu identiċi għal dawk imressqa fil-Kawża T-308/09. Sussidjarjament, il-Kummissjoni talbet li l-Kawżi T-99/09 u T-308/09 jiġu magħquda flimkien għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

25

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Settembru 2009, ir-Repubblika Taljana opponiet għat-talba għal sospensjoni, iżda qablet li ż-żewġ kawżi jingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.

26

Abbażi tal-kapijiet tat-talbiet tagħha fil-Kawżi T-99/09 u T-308/09, ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha

tannulla l-atti kkontestati.

27

Abbażi tat-kapijiet tat-talbiet tagħha fil-Kawżi T-99/09 u T-308/09, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikorsi;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

28

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

29

Minħabba impediment ta’ membru tal-Awla milli jipparteċipa fil-proċeduri, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, Imħallef ieħor sabiex jerġa’ jintlaħaq in-numru previst ta’ Mħallfin.

30

Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet jipproduċu ċerti dokumenti u jwieġbu bil-miktub għal xi domandi. Il-partijiet osservaw dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini mogħtija.

31

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2012. Waqt is-seduta, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regoli tal-Proċedura, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President ordna li l-Kawżi T-99/09 u T-308-09 jiġu magħquda għall-finijiet tas-sentenza li ttemm il-proċeduri, fatt li ttieħdet nota tiegħu fil-proċess verbali tas-seduta.

Id-dritt

Sunt tal-motivi mqajma fil-Kawżi T-99/09 u T-308/09

32

Permezz tal-ewwel motiv tagħha mqajjem fil-Kawżi T-99/09 u T-308/09, ir-Repubblika Taljana tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999. Permezz tat-tieni motiv tagħha mqajjem fil-Kawżi T-99/09 u T-308/09, ir-Repubblika Taljana tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u t-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 u wettqet żnaturament tal-fatti. Permezz tat-tielet motiv tagħha mqajjem fil-Kawżi T-99/09 u T-308/09, ir-Repubblika Taljana tinvoka ksur tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/199 u użu ħażin ta’ poter. Permezz tar-raba’ motiv tagħha, imqajjem fil-Kawżi T-99/09 u T-308/09, ir-Repubblika Taljana tinvoka ksur tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) u tal-Artikolu 39(2) u (3) tar-Regolament Nru 1260/1999 u ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju kif ukoll użu ħażin ta’ poter. Permezz tal-ħames motiv tagħha mqajjem fil-Kawżi T-99/09 u T-308/09, ir-Repubblika Taljana tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE. Permezz tas-sitt motiv tagħha mqajjem fil-Kawża T-308/09, ir-Repubblika Taljan tilmenta li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999. Permezz tas-seba’ motiv tagħha mqajjem fil-Kawża T-308/09, ir-Repubblika Taljana tinvoka ksur tal-Artikolu 230 KE.

33

Peress illi l-ewwel erba’ motivi jikkoinċidu ħafna inkwantu dawn huma bbażati fuq l-ilment li l-Kummissjoni kisret il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, dan l-ilment għandu jiġi evalwat l-ewwel.

Fuq l-allegat ksur tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999.

Osservazzjonijiet preliminari

34

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-Repubblika Taljana tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, li fuqu hija bbażat l-approċċ tagħha fl-atti kkontestati. Skont din id-dispożizzjoni, talba għal ħlas tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli biss f’żewġ każijiet, fosthom dik fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta’ ksur “dwar il-miżura(i) li hija jew huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni [talba] in kwistjoni” (iktar ’il quddiem it-“tieni kundizzjoni”). Għaldaqstant, is-suġġett speċifiku tal-proċeduri ta’ ksur għandu jikkoinċidi preċiżament mas-suġġett tat-talba għal ħlas. Fil-fatt, skont ir-Repubblika Taljana, fid-dawl tad-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “miżura” u ta’ “operazzjoni” kif jirriżultaw mill-Artikolu 9(j) u (k) tar-Regolament Nru 1260/1999, proċeduri ta’ ksur “[j]ikkonċerna[w]”“miżura” meta l-ksur tad-dritt tal-Unjoni lmentat mill-Kummissjoni jikkonsisti preċiżamenti fil-fatt li ġiet adottata, b’mod li huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, miżura partikolari, jew fil-fatt li tali miżura ġiet implementata permezz ta’ operazzjonijiet mhux konformi magħha jew mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, applikazzjoni korretta tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, li l-għan tiegħu huwa li jiġi evitat li l-Fondi Strutturali jikkontribwixxu sabiex jiġu ffinanzjati azzjonijiet mwettqa bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, tippreżumi li l-ewwel nett jiġu identifikati l-miżuri u l-operazzjonijiet li huma s-suġġett tat-talba għal ħlas u li sussegwentement jiġi vverifikat jekk l-implementazzjoni tagħhom hijiex is-suġġett ta’ proċeduri ta’ ksur miftuħa mill-Kummissjoni. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni qalbet il-loġika ta’ dan l-approċċ.

35

Fl-atti kkontestati, kuntrarjament għar-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rabta speċifika, jew l-identiċità bejn is-suġġett tat-talba għal ħlas u dak tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu lmentat. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata, bir-riferiment ġenerali, fl-imsemmija atti, għas-suġġett tal-opinjoni motivata, f’dan il-każ is-“sistema kollha ta’ mmaniġġar ta’ skart”, u għal dak tat-talbiet għal ħlas, f’dan il-każ “operazzjonijiet ikkofinanzjati mill-FEŻR [...] li [...] ikkonċernaw is-sistema reġjonali kollha ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart”. Issa, l-pagamenti intermedji mitluba kienu preċiżament intiżi sabiex itejbu l-ġbir isseparat u l-irkupru ta’ skart, li huma fażijiet oġġettivament u funzjonalment distinti ħafna mir-rimi ġenerali f’landfills ta’ skart mhux isseparat li l-proċeduri ta’ ksur jikkonċernaw.

36

Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-Repubblika Taljana tafferma li l-proċeduri rreġistrati bir-referenza C-297/08 kienu, essenzjalment, jikkonċernaw nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu relatat man-netwek ta’ rimi ta’ skart. Fil-fatt, fil-punti 86, 87 u 90 tar-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni kkritikat is-sitwazzjoni relatata mar-rimi finali ta’ skart li ma jistax jiġi rkuprat jew irriċiklat b’mod ieħor, minħabba li kien hemm nuqqas tal-impjanti neċessarji (inċineraturi, landfills) għall-implementazzjoni ta’ din il-fażi tal-“proċedura” tal-iskart skont id-Direttiva 2006/2012. Għall-kuntrarju, fażijiet oħra ta’ din il-“proċedura” u metodi oħra ta’ mmaniġġar ta’ skart, distinti mir-rimi finali, bħad-diversi metodi ta’ rkupru ta’ skart wara li dan ikun isseparat fil-kuntest ta’ ġbir isseparat, u l-organizzazzjoni ta’ dan il-ġbir, bla dubju ta’ xejn ma kinux relatati mas-suġġett speċifiku tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hekk kif jirriżulta mill-punti 48 u 49 ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, fid-dawl tal-adozzjoni, fit-28 ta’ Diċembru 2007, ta’ pjan ġdid ta’ mmaniġġar ta’ skart għar-Regione Campania, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li kien neċessarju li żżomm l-ilmenti mressqa f’dan ir-rigward. Madankollu, il-Miżura 1.7, kif ukoll l-operazzjonijiet, fil-forma ta’ proġetti, li din tinkludi kienu speċifikament relatati mal-fażi ta’ rkupru ta’ skart u ta’ ġbir isseparat preċedenti għal dan. B’mod partikolari, huwa mod żbaljat li l-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008 rreferiet għall-opinjoni motivata tal-1 ta’ Frar 2008 u akkużat lir-Repubblika Taljana li kisret id-Direttiva 2006/12 “billi ma stabbilixxietx netwerk adatt u integrat ta’ impjanti ta’ rimi u billi ma stabbilixxietx pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart adatt u effikaċi intiż sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikoli 4 u 5 [ta’ din id-]direttiva”, peress li l-Kummissjoni stess kienet irtirat l-ilment relatat mal-assenza ta’ pjan ġenerali ta’ mmaniġġar ta’ skart u llimitat ruħha tikkritika n-nuqqas ta’ adattezza tal-impjanti ta’ rimi finali.

37

Fir-replika, ir-Repubblika Taljana tikkontesta li s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur u dak tat-talbiet għal ħlas oġġettivament jikkoinċidu, peress li din l-allegata koinċidenza l-iktar l-iktar tikkonċerna l-irkupru biss, iżda mhux il-ġbir isseparat ta’ skart li huwa s-suġġett prinċipali tal-Miżura 1.7. Minn dan jirriżulta li l-atti kkontestati huma minn tal-inqas “eċċessivi” billi jiddikjaraw bħala totalment inammissibbli t-talbiet għal ħlas ibbażati fuq din il-miżura. F’dan ir-rigward ir-Repubblika Taljana tqajjem, sussidjarjament, motiv ġdid, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, ikun manifestament sproporzjonat li jiġu ddikjarati bħala kompletament inammissibbli l-pagamenti relatati ma’ miżura li tikkonċerna l-ġbir isseparat, il-kompostaġġ u l-irkupru ta’ skart, minħabba l-ftuħ ta’ proċeduri ta’ ksur li jikkonċernaw, l-iktar l-iktar u b’mod ġenerali biss, l-irkupru biss. Skont ir-Repubblika Taljana, fuq kollox, il-proċeduri ta’ ksur ma kinux jikkonċernaw, fir-realtà, lanqas l-irkupru ta’ skart, peress li dan issemma biss fil-“konklużjonijiet” tal-opinjoni motivata u fir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE. Għall-kuntrarju, fil-motivi ta’ din l-opinjoni motivata u ta’ dan ir-rikors, dan l-irkupru ma jissemmiex u huwa ċar li s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur kien jikkonċerna biss ir-rimi fil-landfills ġenerali ta’ skart mhux isseparat. Fil-fatt, wara li ssemma inizjalment fis-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur, l-irkupru kien ġie definittivament eskluż minn dawn il-proċeduri fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess.

38

Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika Taljana essenzjalment issostni li, fl-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni pprovat tikkompleta l-ilmenti tagħha u ssaħħaħ l-argument tagħha bbażat fuq allegata rabta bejn is-suġġett tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u dak tat-talbiet għal ħlas billi rreferiet għat-“tħassib” imsemmi fl-ittra tal-20 ta’ Ottubru 2008 dwar il-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart tar-Regione Campania tat-28 ta’ Diċembru 2007 u billi ppreċiżat, b’mod partikolari, li, fl-assenza ta’ pjan reġjonali adatt ta’ mmaniġġar ta’ skart, ma kienx hemm garanziji biżżejjed fir-rigward tat-twettiq korrett tal-operazzjonijiet ikkofinanzjati mill-FEŻR fil-kuntest tal-Miżura 1.7. Madankollu, ebda waħda minn dawn il-kritiki tal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart tar-Regione Campania tat-28 ta’ Diċembru 2007 ma kienet is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur li kienu bbażati fuq is-sitwazzjoni eżistenti fl-1 ta’ Marzu 2008, peress li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni kienu ġew adottati fit-23 ta’ Mejju 2008. Għall-kuntrarju, l-adozzjoni ta’ dan il-pjan kien wassal lill-Kummissjoni tabbanduna, fir-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kull ilment relatat mal-ippjanar tal-immaniġġar ta’ skart, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġbir isseparat, tar-riċiklaġġ u tal-irkupru. Ir-Repubblika Taljana minn dan ikkonkludiet li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt tiddikjara bħala inammissibbli talbiet għal ħlas għall-motivi mqajma u abbażi tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, peress li dawn ma wasslux għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ ksur.

39

Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-Repubblika Taljana essenzjalment issostni li d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talbiet għal ħlas minħabba li “ma kienx hemm garanziji biżżejjed fir-rigward tat-twettiq korrett tal-operazzjonijiet ikkofinanzjati mill-FEŻR fil-kuntest tal-Miżura 1.7” hija kuntrarja għat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, u li din setgħet, l-iktar l-iktar, tiġi bbażata fuq l-ewwel kundizzjoni msemmija fid-dispożizzjoni inkwistjoni, jiġifieri s-sospensjoni tal-pagamenti skont l-Artikolu 39(2) tal-istess regolament. F’dan il-każ, il-Kummissjoni evitat il-proċedura kontradittorja prevista fl-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1260/1999 sabiex tasal għal riżultat li jikkorrispondi għal sospensjoni fis-sens tal-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) ta’ dan ir-regolament. Billi għamlet dan, hija mhux biss kisret dawn id-dispożizzjonijiet u l-prinċipju ta’ kontradittorju għad-detriment tar-Repubblika Taljana, li ma kellhiex l-okkażjoni tippreżenta s-sottomissjonijiet tagħha fuq ir-raġunijiet għas-sospensjoni u li tasal għal ftehim li jippermetti, totalment jew parzjalment, li tegħlibhom, iżda wkoll evitat il-proċedura prevista fl-Artikolu 39(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 li kienet tobbligaha tieħu deċiżjoni motivata definittiva fi żmien tliet xhur, li fin-nuqqas tagħha l-pagamenti intermedji jieqfu awtomatikament milli jiġu sospiżi.

40

Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-Repubblika Taljana mressqa insostenn ta’ dawn il-motivi kollha.

41

Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dawn il-motivi huma bbażati, prinċipalment, fuq il-premessa li l-Kummissjoni ma osservatx, f’dan il-każ, il-kriterji ta’ applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi vverifikat, minn naħa, jekk l-atti kkontestati humiex ibbażati jew le fuq interpretazzjoni korretta ta’ dawn il-kriterji u, min-naħa l-oħra, jekk il-Kummissjoni applikatx dawn il-kriterji korrettament jew le f’dan il-każ.

Fuq il-portata tal-kriterji ta’ applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999

42

Sabiex tiġi eżaminta l-fondatezza tal-ilmenti mressqa mir-Repubblika Taljana fil-kuntest tal-ewwel sar-raba’ motivi, għandha ssir interpretazzjoni litterali, kuntestwali, teleoloġika u storika tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, peress li dan il-metodu ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, T-251/00, Ġabra p. II-4825, punti 72sa 83, u tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-22/02 u T-23/02, Ġabra p. II-4065, punti 41 sa 60). Id-dispożizzjoni inkwistjoni tipprevedi b’mod partikolari:

“Il-ħlasijiet provisorji [intermedji] għandhom isiru mill-Kummissjoni sabiex tirrifondi n-nefqa attwalment imħallsa taħt il-Fondi kif ċerifikat mill-awtorità li tħallas. Dawn il-ħlasijiet għandhom isiru fuq il-livell ta’ kull għajnuna u għandhom jiġu kalkulati fuq il-livell ta’ miżuri li jkunu fil-pjan ta’ finanzjament tal-kwota ta’ programmar. Huma għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(f)

ebda sospensjoni tal-ħlasijiet taħt is-sottoparagrafu ta’ Artikolu 39(2) ma tkun ġiet deċiża, u ebda deċiżjoni ma ttieħdet mill-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura dwar il-vjolazjzoni fis-sens ta’ Artikolu 226 [KE] dwar il-miżura(i) li hija jew huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni [talba] in kwistjoni.

L-Istat Membru u l-awtorità li tħallas għandhom ikunu informati immedjatament mill-Kummissjoni jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx seħħet u għalhekk l-applikazzjoni għall-ħlas ma tkunx aċċettabbli u dawn għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni.”

43

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 għaldaqstant jawtorizza lill-Kummissjoni tagħmel pagamenti intermedji sabiex tirrimborsa l-ispejjeż sostnuti taħt il-Fondi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet pożittivi u negattivi għall-eliġibbiltà li huma ppreċiżati fih. Skont it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, dawn il-pagamenti “għandhom isiru fuq il-livell ta’ kull għajnuna u għandhom jiġu kalkulati fuq il-livell ta’ miżuri li jkunu fil-pjan ta’ finanzjament tal-kwota ta’ programmar”. Barra minn hekk, it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) ta’ dan ir-regolament tipprevedi, bħala kundizzjoni negattiva għall-eliġibbiltà, li “ebda deċiżjoni ma ttieħdet mill-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura dwar il-vjolazjzoni fis-sens ta’ Artikolu 226 [KE] dwar il-miżura(i) li hija jew huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni [talba] [għal rimbors/ħlas] in kwistjoni”.

44

Fir-rigward tal-kuntest leġiżlattiv li taħtu jaqgħu dawn id-dispożizzjonijiet, hemm lok li jiġi rrilevat li l-portata tal-kunċett ta’ “miżura” hija ċċarata iktar permezz tad-definizzjoni legali li tinsab fl-Artikolu 9(j) tar-Regolament Nru 1260/1999, fejn tali miżura hija l-“mezzi li bihom tiġi implimentata priorità matul bosta snin li tippermetti li l-operazzjonijiet jiġu finanzjati”. Il-kunċett ta’ “operazzjoni” huwa, min-naħa tiegħu, iddefinit fl-Artikolu 9(k) bħala “kull proġett jew azzjoni li titwettaq mill-benefiċjarji finali ta’ l-għajnuna [interventi]”. Fl-aħħar il-kunċett ta’ “għajnuna [intervent]”, iddefinit fl-Artikolu 9(e), jikkonċerna “il-forma [differenti] ta’ għajnuna provduta mill-Fondi”.

45

Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “miżura” huwa ta’ applikazzjoni ġenerali, marbuta ma’ prijorità ta’ strateġija ddefinita minn “priorità”, li jikkostitwixxi l-mezz ta’ implementazzjoni matul bosta snin li jippermetti li “operazzjonijiet” jiġu ffinanzjati. Peress li numru ta’ “operazzjonijiet” jistgħu jkunu koperti minn tali “miżura”, dan l-aħħar kunċett għaldaqstant għandu portata usa’ minn dak ta’ “operazzjoni”, li, min-naħa tiegħu, jirrifletti proġetti jew azzjonijiet li jistgħu jibbenefikaw minn intervent mill-Fondi. Din l-interpretazzjoni tal-portata tal-kunċett ta’ “miżura” tikkorrispondi min-naħa tagħha għal dik li għandha tingħata lill-kontenut tal-Miżura 1.7, li, hija wkoll, tkopri diversi operazzjonijiet u interventi intiżi sabiex jintlaħqu ċerti għanijiet jew sottogħanijiet fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ sistema ta’ mmaniġġar ta’ skart fil-Campania (ara, b’mod partikolari l-punt 6 iktar ’il fuq).

46

Għaldaqstant, sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li talba għal ħlas hija inammissibbli, it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 teħtieġ li s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur miftuħa mill-Kummissjoni jiġi pparagunat ma’ dak tal-“miżura(i)” – u mhux tal-“operazzjonijiet” – “li hija jew huma s-suġġett ta’ [din] l-applikazzjoni [talba]”. Għaldaqastant, l-argument tar-Repubblika Taljana li hemm lok li s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur, prinċipalment id-diversi lmenti mressqa fil-kuntest tagħhom, jiġi pparagunat mal-“operazzjonijiet” li huma s-suġġett tat-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli, ma jistax jiġi milqugħ. Bl-istess mod, l-argument tagħha li, fid-dawl tad-definizzjoni legali tal-kunċett ta’ “miżura”, il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest ta’ tali paragun, neċessarjament tkun konxja ta’ u tinkludi fl-evalwazzjoni tagħha l-“operazzjonijiet” konkreti koperti mill-“miżura” inkwistjoni, huwa irrilevanti. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li talba għal ħlas tista’ tirreferi għal numru ta’ operazzjonijiet konkreti, implementati fil-kuntest ta’ miżura (matul bosta snin), f’dan il-każ il-Miżura 1.7, ma jippermettix interpretazzjoni contra legem tal-kliem ċar u preċiż tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, fis-sens li jkun neċessarju li jsir tali paragun fir-rigward tas-suġġett ta’ kull waħda mid-diversi operazzjonijiet bħala tali, minflok fir-rigward tal-“miżura/i” inkwistjoni. Fl-aħħar, kuntrarjament għal dan li ssostni r-Repubblika Taljana, l-espressjoni “dwar il-miżura[...] li hija [...] s-suġġett ta’ l-applikazzjoni [talba] [għal ħlas]” li magħha jikkorrispondu l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni, lanqas ma tesprimi rekwiżit ta’ rabta speċifika jew ta’ koinċidenza perfetta, iżda sempliċement teħtieġ li jkun hemm rabta mal-imsemmija miżura jew miżuri jew riferiment ġenerali għaliha jew għalihom.

47

Barra minn hekk, mil-lat kuntestwali, l-evalwazzjoni li saret iktar ’il fuq hija kkonfermata kemm mit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 32(3) kif ukoll mill-Artikolu 18(2)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1260/1999. Skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tal-istess regolament, il-pagamenti intermedji – li għandhom isiru b’risposta għal talba għal rimbors konkreta – għandhom jiġu “kalkulati fuq il-livell ta’ miżuri li jkunu fil-pjan ta’ finanzjament tal-kwota ta’ programm” u mhux fil-livell tal-“operazzjonijiet” koperti minn dawn il-miżuri. Din l-interpretazzjoni tikkonkorda mal-prinċipju li l-pjan ta’ finanzjament indikattiv, imsemmi fl-Artikolu 18(2)(ċ) tal-istess regolament, li jirreferi għall-“prioritajiet”, jista’ jkun ibbażat biss fuq id-deskrizzjoni tal-miżuri inkwisjtoni, filwaqt li l-“operazzjonijiet” ma humiex suġġetti għal tali rekwiżit. Fil-fatt, skont l-Artikolu 18(2)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999, “[k]ull programm operattiv għandu jinkludi [...] deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri ppjanati biex jiġu implimentati l-prioritajiet”. Minn dan jirriżulta li, jekk il-leġiżlatur ma rrikjediex definizzjoni iktar preċiża tal-portata ta’ dawn il-“miżuri”, li huma l-uniċi li għandhom jiġu pparagunati mas-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur, skont it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, tali rekwiżit ta’ preċiżjoni wkoll ma jeżistix, a fortiori, fir-rigward tad-diversi “operazzjonijiet” koperti minn tali “miżura”. Fl-aħħar, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1260/1999 ma huwiex ta’ natura li jinvalida din l-evalwazzjoni, peress li l-impenn baġitarju Komunitarju ma huwiex marbut mal-kunċett ta’ “operazzjoni”, iżda iktar ma’ dak ta’ “għajnuna [intervent]”, hekk kif jirriżulta wkoll mill-ewwel subparagafu tal-Artikolu 31(2) tal-istess regolament.

48

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 86(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, p. 25), huwa irrilevanti. Din id-dispożizzjoni l-ġdida, li tissostitwixxi t-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, ma għandhiex effett retroattiv u, għaldaqstant, la hija applikabbli għal dan il-każ u lanqas rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima. Għaldaqstant, il-kundizzjoni negattiva ta’ eleġibbiltà tal-ispejjeż stabbilita fiha, li skontha “[k]ull ħlas interim [intermedju] magħmul mill-Kummissjoni għandu jkun suġġett għall-[kundizzjoni li] ma tkunx ingħatat opinjoni motivata mill-Kummissjoni dwar ksur taħt l-Artikolu 226 [KE] fir-rigward ta’ l-operazzjoni jew operazzjonijiet li għalihom tkun dikjarata n-nefqa fl-applikazzjoni [talba] għall-ħlas in kwistjoni”, ma tistax tinfluwenza l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni preċedenti. Barra minn hekk, għall-kompletezza, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li din id-dispożizzjoni l-ġdida żżid preċiżjoni mhux prevista fid-dispożizzjoni preċedenti, mingħajr mal-Kummissjoni ma tat motivazzjoni f’dan ir-rigward fil-proposta inizjali tagħha tal-14 ta’ Lulju 2004 [COM(2004)492 finali] li kienet ġiet inkorporata, essenzjalment fir-regolament definittivament ippromulgat u, min-naħa l-oħra, li r-Regolament Nru 1083/2006 kompletament abbanduna l-kunċett ta’ “miżura”, peress li l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jillimita ruħu jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “assi prijoritarju” (“waħda mill-prijoritajiet ta’ l-istrateġija fi programm operattiv li tinkludi grupp ta’ operazzjonijiet li jkunu relatati u li jkollhom għanijiet speċifiċi li jistgħu jitkejlu”) u ta’ “operazzjoni” (“proġett jew grupp ta’ proġetti [...] sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-għanijiet ta’ l-assi prijoritarju li miegħu dan il-proġett ikollu x’jaqsam”), kif ukoll ir-rabta bejn dawn iż-żewġ kunċetti. Fi ħdan dan il-kuntest leġiżlattiv il-ġdid, il-kunċett ta’ “operazzjoni” għaldaqstant jissostitwixxi kemm dak ta’ “miżura” kif ukoll dak ta’ “operazzjoni” fis-sens tar-Regolament preċedenti Nru 1260/1999 u huwa direttament marbut ma’ dak ta’ “assi prijoritarju”. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-Repubblika Taljana ma tistax tislet argument mir-Regolament Nru 1083/2006 sabiex issostni t-teżi prinċipali tagħha dwar ir-rekwiżit ta’ koinċidenza bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur u l-operazzjonijiet koperti mit-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli.

49

Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika Taljana dwar l-eżistena ta’ rabta speċifika bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur u dak tal-operazzjoni koperta mit-talba għal ħlas għandu jiġi miċħud. A fortiori, l-argument tagħha li t-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 teħtieġ koinċidenza jew identiċità perfetta bejn l-operazzjonijiet, kemm jekk proġetti kif ukoll jekk azzjonijiet, li huma s-suġġett tat-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli u l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195, ma jistax jiġi milqugħ. Xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rabta suffiċjentement diretta bejn il-“miżura” kkonċernata, f’dan il-każ il-Miżura 1.7, minn naħa, u s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195, min-naħa l-oħra, rekwiżit li l-partijiet finalment irrikonoxxew ir-rilevanza tiegħu waqt is-seduta.

50

Dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkorrispondu għall-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1260/1999. Għalkemm, ċertament, hekk kif issostni r-Repubblika Taljana, it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 hija intiża sabiex jiġi evitat li l-Fondi Strutturali jintużaw sabiex jiġu ffinanzjati operazzjonijiet tal-Istati Membri li huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, bl-ebda mod ma jirriżulta li r-riskju konkomittanti ta’ telf inaċċettabbli ta’ fondi Komunitarji għandu jiġi speċifikament attribwit lill-illegalità jew lill-implementazzjoni illegali ta’ operazzjonjiet (proġetti jew azzjonijiet) preċiżi li huma s-suġġett tat-talba għal ħlas, lanqas li l-Kummissjoni hija obbligata turi li dan ir-riskju jirriżulta preċiżament u direttament minn tali operazzjonijiet illegali, ikkontestati fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur. Fil-fatt, tali interpretazzjoni restrittiva tnaqqas l-effett utli tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, li jagħtu lill-Kummissjoni, b’mod provviżorju biss, is-setgħa li tissospendi pagamenti taħt impenji finanzjarji tal-Fondi Strutturali meħuda fil-kuntest ta’ programm operattiv, meta hija tkun affrontata b’allegat ksur, mill-Istat Membru benefiċjarju, tad-dritt tal-Unjoni li għandu rabta suffiċjentement diretta mal-miżura li hija s-suġġett tal-finanzjament kkonċernat, sakemm il-konstatazzjoni ta’ dan il-ksur tkun ikkonfermata jew miċħuda definittivament permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

51

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, li tipprevedi, b’mod simili, il-possibbiltà li l-Kummissjoni tagħti bidu għal effett sospensiv fir-rigward tal-pagamenti intermedji, permezz tal-proċedura ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 39(2) tal-istess regolament, jiġifieri barra mill-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur. Fil-fatt, barra l-fatt li din l-aħħar dispożizzjoni lanqas ma tikkonċerna l-kunċett ta’ “operazzjoni”, l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 tipprevedi, bħat-tieni kundizzjoni, li “ebda sospensjoni tal-ħlasijiet” għandha tikkonċerna “il-miżura(i) li hija jew huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni [talba] [għal ħlas]”. Għaldaqstant, din l-ewwel kundizzjoni għandha tingħata l-istess interpretazzjoni bħal dik stabbilita fil-punti 43 et seq iktar ’il fuq u ma turix speċifikament li huwa neċessarju li tiġi stabbilita rabta speċifika ma’ ċerti “operazzjonijiet”. Fl-aħħar, mill-kliem taż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 jirriżulta b’mod ċar li huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq waħda minn dawn il-kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tirrifjuta provviżorjament pagament intermedju.

52

Mil-lat tal-oriġini tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, hemm lok li jiġi rrilevat li l-proposta leġiżlattiva ppreżentata mill-Kummissjoni u li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU 1998, C 176, p. 1) kienet tinkludi punt (f) tal-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 31(3) li kien isemmi żewġ kundizzjonijiet: il-kliem tat-tieni kundizzjoni kien jeħtieġ li “l-Kummissjoni ma tkun ħadet ebda deċiżjoni li tiftaħ proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 169 tat-Trattat fir-rigward tal-intervent u l-miżura kkonċernata” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, it-tneħħija, sussegwenti, matul il-proċess deċiżjonali, tar-riferiment għall-kunċett iktar konkret ta’ “għajnuna [intervent]” juri a contario li l-leġiżlatur finalment sempliċement ħtieġ l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur, minn naħa, u “l-miżur(i) li hija jew huma s-suġġett” tat-talba għal ħlas inkwistjoni, min-naħa l-oħra, li d-definizzjonijiet legali proposti tagħhom kienu jikkorrispondu ma’ dawk finalment mogħtija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1260/1999.

53

Għaldaqstant, il-kliem, il-kuntest leġiżlattiv, l-għan u l-oriġini tad-dispożizzjonijiet rilevanti jinkdikaw b’mod ċar li, sabiex tiġi ġġustifikta d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ pagamenti intermedji fir-rigward ta’ proċeduri ta’ ksur li jkunu diġà nfetħu, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tistabbilixxi li s-suġġett ta’ dawn il-proċeduri għandu rabta suffiċjentement diretta mal-“miżura” li tirregola l-“operazzjonijiet” koperti mit-talbiet għal ħlas ikkonċernati.

54

Għaldaqstant, min-naħa, il-Kummissjoni setgħet tibbaża l-atti kkontestati fuq it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tas-setgħa li ngħatatilha b’dan il-mod li tirrifjuta provviżorjament pagamenti intermedji, hija ma kinitx obbligata ssegwi l-proċedura prevista fl-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 39(2) u (3) tal-istess regolament. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li evitat din il-proċedura.

55

Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni evalwatx korrettament l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 u dak tal-Miżura 1.7 li fuqha kienu jiddependu t-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli.

Fuq l-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999

56

L-ewwel nett, f’dan il-każ, huwa paċifiku li, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Taljani, fid-29 ta’ Ġunju 2007, ittra ta’ intimazzjoni u, fl-1 ta’ Frar 2008, opinjoni motivata li takkużahom bi ksur tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12 billi ma adottawx, fir-rigward tar-Regione Campania, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiggarantixxu li l-iskart kien irkuprat u mormi mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ħsara għall-ambjent u, b’mod partikolari, billi ma ħolqux netwerk integrat u adatt ta’ impjanti ta’ rimi ta’ skart, li sussegwentement għaliha hija ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju 2008, (ara l-punti 8 sa 11 iktar ’il fuq u s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 12 iktar ’il fuq, punti 20 et seq).

57

Għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana ma tikkontestax li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni dwar jekk “deċiżjoni [...] ttieħdet mill-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura dwar il-vjolazjzoni fis-sens ta’ Artikolu 226 [KE]”, skont it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subpargarafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 126/1999, kienet sodisfatta, lanqas barra minn hekk ma tikkontesta r-rilevanza tad-data, jiġifieri d-29 ta’ Ġunju 2007, li minnha l-Kummissjoni ddikjarat inammissibbli t-talbiet għal ħlas inkwistjoni, fatt li ttieħdet nota tiegħu fil-proċess verbali tas-seduta. F’kull każ, peress li l-atti kkontestati kollha ġew adottati wara l-preżentata tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ma hemmx lok li jiġi aċċertat liema mill-miżuri ċċitati fil-punt 56 iktar ’il fuq tikkostitwixxi “deċiżjoni [meħuda] mill-Kummissjoni” fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq.

58

It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12 li huwa s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195, jirriżulta b’mod ċar kemm mis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja punt 12 iktar ’il fuq (b’mod partikolari mill-punti 35, 36, 41, 76, 100 u 113, kif ukoll mill-punt 1 tad-dispożittiv) kif ukoll mir-rikors tal-Kummissjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ir-raba’ u l-ħames inċiż tal-punt 58 u l-punti 82, 84, 86, 87 u 102) li dawn il-proċeduri kienu jikkonċernaw is-sistema kollha ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart fir-Regione Campania, inkluż, minn naħa, l-irkupru u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ effikaċità tal-ġbir isseparat, proċeduri li r-Repubblika Taljana tqis li ma kinux koperti mill-proċeduri ta’ ksur (punti 36 u 37 iktar ’il fuq). Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, il-ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/12, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-punt 76 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 12 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja espiliċitament ikkonstatat li r-rata baxxa ta’ ġbir isseparat ta’ skart fir-Regione Campania, meta mqabbla mal-medji nazzjonali u Komunitarji, kienet biss iggravat is-sitwazzjoni, u minn dan hija b’mod partikolari kkonkludiet, fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, li l-impjanti eżistenti u funzjonali f’dan ir-reġjun kienu l-bogħod milli jkopru l-bżonijiet reali tiegħu f’termini ta’ rimi ta’ skart. Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur Nru 23007/2195 kien jinkludi effettivament in-nuqqas tal-ġbir isseparat bħala element preċedenti li jiggrava n-nuqqassijiet tas-sistema kollha ta’ mmaniġġar ta’ skart. Bl-istess mod, fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 12 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament ikkonstatat, skont l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors tal-Kummissjoni, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Repubblika Tajana, b’mod partikolari, billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiggarantixxi li l-iskart kien irkuprat u mormi mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent. Huwa għaldaqstant b’mod żbaljat li r-Repubblika Taljana tallega li l-irkupru u l-ġbir isseparat ma kinux koperti mis-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 u li ma kienx hemm rabta suffiċjentement diretta bejn dan is-suġġett u dak tal-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li r-Repubblika Taljana rrikonoxxiet hija stess, fir-replika, li s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur u dak tat-talbiet għall-ħlas tal-pagamenti intermedji inkwistjoni kienu jikkoinċidu, għall-inqas, fir-rigward tal-irkupru, raġuni li għaliha hija qajjmet, sussidjarjament, motiv ġdid, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proprozjonalità (ara l-punt 37 iktar ’il fuq u l-punt 63 iktar ’il quddiem).

59

It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-interventi previsti taħt il-Miżura 1.7 kif jissemmew fid-deskrizzjoni tal-imsemmija miżura fil-verżjoni emendata tal-PO Campania, minbarra numru ta’ interventi insostenn tal-irkupru ta’ skart suċċessivament għall-ġbir isseparat [paragrafu 5(e) sa (f) tad-deskrizzjoni tal-Miżura 1.7], kienu jinkludu wkoll interventi relatati ma’ għajnuna għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ ġbir isseparat ta’ skart urban [pragrafu 5(d) tad-deskrizzjoni tal-Miżura 1.7] u relatati mal-ħolqien ta’ landfills għar-rimi ta’ skart wara l-ġbir isseparat [paragrafu 5(b) tad-deskrizzjoni tal-Miżura 1.7]. Issa, hekk kif tfakkar fil-punt 56 iktar ’il fuq il-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 kienu jirreferu espressament għal nuqqasijiet li jikkonċernaw kemm l-irkupru kif ukoll in-nuqqas ta’ effikaċità tal-ġbir isseparat. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-Repubblika Taljana ma hijiex iġġustifikata takkuża lill-Kummissjoni bil-fatt li s-suġġett tal-Miżura 1.7 u, għaldaqstant, tat-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli ma kellux rabta suffiċjenti ma’ dak tal-proċeduri ta’ ksur. Barra minn hekk, filwaqt li r-Repubblika Taljana ma rnexxilhiex tispjega b’mod suffiċjenti jekk u sa fejn l-operazzjonijiet koperti minn dawn it-talbiet għal ħlas kienu speċifilament marbuta ma’ interventi previsti fil-pargrafu 5(b) tad-deskrizzjoni tal-Miżura 1.7, hija xorta waħda rrikonoxxiet li l-pagamenti intermedji mitluba kienu preċiżament intiżi sabiex jittejjeb, b’mod partikolari, il-ġbir isseparat taħt il-paragrafu 5(d) tad-deskrizzjoni tal-Miżura 1.7.

60

Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana ma tistax issostni li l-operazzjonijiet li jiffirumaw is-suġġett tat-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli la kienu speċifikament koperti mill-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 u lanqas kienu, fihom infushom, kuntrarji għall-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12 u li l-atti kkontestati setgħu jikkompromettu l-għan ta’ finanzjament tal-Miżura 1.7, peress li l-pagamenti mitluba kienu preċiżment intiżi sabiex jirrimedjaw għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu lmentat. Fil-fatt, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 43 sa 54 iktar ’il fuq, skont it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tistabbilixxi rabta suffiċjentement diretta bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur u dak tat-talbiet għal ħlas iddikjarati invalidi, fatt li hija għamlet f’dan il-każ billi indikat, essenzjalment, li l-azzjonijiet jew l-operazzjonijiet li huma s-suġġett tal-imsemmija talbiet għal ħlas kienu intiżi sabiex jilħqu ċerti għanijiet jew sottogħanijiet previsti mill-Miżura 1.7 u li l-implementazzjoni ta’ din il-miżura kienet koperta mill-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata turi li l-finanzjament tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-Miżura 1.7 u li huma s-suġġett tal-imsemmija talbiet għal ħlas setgħa effettivament jippreġudika l-baġit tal-Unjoni (ara l-punt 50 iktar ’il fuq).

Il-konklużjonjiet dwar l-ewwel erba’ motivi

61

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud bħala infondat.

62

Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet motivi, ibbażati fuq ksur tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, minn naħa, u fuq żnaturament tal-fatti kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter, min-naħa l-oħra, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet indikati fil-punti 56 sa 60 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Taljana ma wrietx li l-Kummissjoni kienet interpret ħażin, aħseb u ara żnaturat, il-fatti jew li kienet użat il-proċeduri previsti fid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq għal għan ieħor għajr għal dak previst mill-kriterji rilevanti tagħhom, b’mod partikolari dawk koperti mill-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999. F’dan ir-rigward, l-ilment tar-Repubblika Taljana li l-Kummissjoni żbaljatament inkludiet, fl-evalwazzjoni tagħha li fuqha huma bbażati l-atti kkontestati, l-assenza ta’ pjan ġenerali ta’ mmaniġġar ta’ skart (ara l-punt 38 iktar ’il fuq), huwa irrilevanti. F’kull każ din l-assenza kienet ġiet aċċettata mill-Kummissjoni, fatt li jenfasizza n-natura irrilevanti tagħha għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima. Fil-fatt, dan l-ilment ma jistax jimmina l-għoti ta’ prova mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 u dak tat-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli, peress li din ir-rabta tiġġustifika fiha nfisha l-applikazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex possibbli li l-Kummissjoni tiġi akkużata li ppruvat tilħaq, f’dan il-każ, riżultat li hija setgħet tikseb biss billi tiftaħ jew il-proċeduri ta’ ksur jew il-proċedura ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 39(2) u (3) tal-istess regolament.

63

Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, hekk kif il-Kummissjoni ġustament issostni, ir-Repubblika Taljana ma tistax tiġi awtorizzata tqajjem, fir-replika, motiv ġdid, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), peress li l-kundizzjonijiet eċċezzjonali previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura bla dubju ta’ xejn ma humiex sodisfatti f’dan il-każ. Fil-fatt, ir-Repubblika Taljana ma tressaq ebda element rilevanti ta’ liġi jew ta’ fatt li rriżulta biss matul l-istanza, peress li l-elementi kollha li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ir-risposta tagħha kienu diġà preżenti u magħrufa minnha matul il-proċedura amministrattiva. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-Repubblika Taljana waqt is-seduta, is-sempliċi mod li bih il-Kummissjoni ppreżentat dawn l-istess punti ta’ liġi u ta’ fatt fil-kuntest tar-risposta ma jistax jiġġustifika deroga mid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, b’mod li dan il-motiv ġdid għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C-104/97, Ġabra p. I-6983, punt 29).

64

Għaldaqstant, it-tieni u tielet motiv, l-istess bħall-motiv il-ġdid imqajjem sussidjarjament u bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhom ukoll jiġu miċħuda.

65

Fir-rigward tar-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) u tal-Artikolu 39(2) u (3) tar-Regolament Nru 1260/1999, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u ta’ użu ħażin ta’ poter, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 43 sa 60 iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet kienet tikkostitwixxi bażi legali adatta għall-adozzjoni tal-atti kkontestati. Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li użat ħażin il-proċedura ta’ sospensjoni prevista fl-Artikolu 39(2) u (3) tal-istess regolament, lanqas li kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha f’dak li jikkonċerna l-motivi kkontestati intiżi għall-inammissibbiltà tat-talbiet għall-ħlas tal-pagamenti intermedji kif stabbiliti l-ewwel nett fl-ittra tal-31 ta’ Marzu 2008 u sussegwentement irripetuti fl-atti kkontestati. Kif issostni l-Kummissjoni, minn qari flimkien ta’ din l-ittra u tal-atti kkontestati jirriżulta li xi wħud mill-ħsibijiet u mir-riżervi marbuta mal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart għar-Regione Campania tat-28 ta’ Diċembru 2007, imsemmija fl-ittra tal-20 ta’ Ottubru 2008 u rripetuti fil-qosor fl-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008, ma kinux, bid-differenza tal-motivi ta’ inammissibbiltà kkontestati, is-suġġett ta’ kontestazzjoni formali, la fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195, lanqas f’dak tal-proċedura ta’ implementazzjoni tal-PO Campania li wasslet għall-implementazzjoni tal-atti kkontestati. Għaldaqstant, l-atti kkontestati ma jistgħux jitqiesu bħala li huma vvizzjati bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Taljana jew b’difett ieħor proċedurali jew sostanzjali li jivvizzja l-legalità tagħhom inkwantu dawn jesprimu l-imsemmija ħsibijiet u riżervi.

66

Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE

67

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li l-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008 hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fuq punti ta’ fatt essenzjali, peress li l-Kummissjoni naqset milli twieġeb b’mod adatt għall-osservazzjonijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Taljani fl-ittra tagħhom tad-9 ta’ Ġunju 2008. Għaldaqstant, l-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008 ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proġetti marbuta mal-Miżura 1.7 ikkontribwixxew u setgħu jikkontribwixxu fil-futur għas-soluzzjoni tal-problema tar-rimi ta’ skart, sa fejn dawn kienu proġetti intiżi sabiex jestendu l-ġbir isseparat u l-irkupru ta’ materjal u ta’ enerġija li joriġinaw mill-iskart hekk ittrattat. Issa, dan l-aspett ikkostitwixxa element essenzjali tar-rabta, jew tal-konkordanza perfetta, bejn is-suġġett u l-għanijiet tal-proċeduri ta’ ksur u s-suġġett u l-għanijiet tal-proġetti koperti mill-Miżura 1.7. Barra minn hekk, peress li l-għanijiet u l-proġetti tal-Miżura 1.7 huma ddefiniti b’mod iddettaljat fil-PO Campania, il-Kummissjoni kien imissha bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq eżami adatt f’dan ir-rigward u kien imissha spjegat ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li s-sitwazzjoni li tat lok għall-ftuħ tal-proċeduri ta’ ksur kienet ostakolat l-implementazzjoni effikaċi ta’ din il-miżura.

68

Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

69

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, permezz tal-ittra tagħha tal-31 ta’ Marzu 2008, mhux ikkontestata fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Taljani dwar il-konsegwenzi li hija kellha l-intenzjoni tislet mill-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 dwar il-finanzjament tal-Miżura 1.7 fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-PO Campania (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). F’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat li hija ma setgħetx iktar tagħmel, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, “pagamenti intermedji li jikkonċernaw ir-rimbors tal-ispejjeż relatati mal-Miżura 1.7 tal-PO Campania […]” li [kienet] tikkonċerna s-‘Sistema reġjonali ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart’, li għaliha jirreferu l-proċeduri ta’ ksur” inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat li “l-immaniġġar ta’ skart fit-totalità tiegħu ma [kienx] sodisfaċenti fid-dawl tan-neċessità li jiġi ggarantit ġbir u rimi korrett ta’ skart u, għaldaqstant, ukoll fid-dawl tal-azzjonijiet previsti mill-Miżura 1.7, bħall-azzjonijiet marbuta mal-impjanti ta’ ħażna, ta’ pproċessar, u ta’ rimi ta’ skart, mal-impjanti ta’ rkupru tal-partijiet niexfa u umdi, l-istadju finali ta’ landfills, minbarra l-ġbir isseparat […], kif ukoll il-pjanijiet u l-programmi settorjali”. Il-Kummissjoni għaldaqstant essenzjalment ikkonkludiet li kull talba għal ħlas li tkopri spejjeż relatati mal-Miżura 1 imressqa wara l-mument li fih ir-Regione di Campania naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2006/12, tkun inammissibbli.

70

Il-Kummissjoni rreferiet għal din il-motivazzjoni (ara l-punti 13 sa 21 iktar ’il fuq) fl-atti kkontestati kollha tagħha, b’mod li l-imsemmija motivazzjoni għandha titqies bħala li tifforma parti integrali mill-motivi tal-imsemmija atti għall-għanijiet tal-istħarriġ legali tagħhom, fatt li l-partijiet irrikonoxxew waqt is-seduta u li ttieħdet nota tiegħu fil-proċess verbali tas-seduta. Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni rrilevat li l-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 qegħdu inkwistjoni s-sistema kollha ta’ mmaniġġar ta’ skart fil-Campania fir-rigward tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12 sabiex tikkonkludi minn dan li ma kienx hemm “garanziji biżżejjed fir-rigward tat-twettiq korrett tal-operazzjonijiet ikkofinanzjati mill-FEŻR fil-kuntest tal-Miżura 1.7, li, fid-dawl tal-kliem tal-miżura stess, [kienu] jikkonċernaw is-sistema reġjonali kollha ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart, li l-effikaċità u l-adattezza tagħha [kienu] s-suġġett tal-proċedri ta’ ksur” inkwistjoni.

71

Hekk kif ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandu l-għan li jagħti indikazzjoni suffiċjenti lill-persuna kkonċernata sabiex tkun jaf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex, skont il-każ, ivvizzjata bi żball li jista’ eventwalment jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha u li jippermetti lill-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni. Il-portata ta’ dan l-obbligu tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih dan ġie adottat. Peress li deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-FEŻR u li tikkonċerna l-inammissibbiltà, provviżorja, ta’ talbiet intermedji għal ħlas, tinvolvi konsegwenzi finanzjarji negattivi kemm għall-Istat Membru li qed jagħmel it-talba kif ukoll għall-benefiċjarji finali ta’ dawn il-pagamenti, il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni għandha tindika b’mod ċar il-motivi li jiġġustifikaw id-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġeneral, tat-13 ta’ Lulju 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T-81/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 41; ara f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-17 ta’ Settembru 2003, Stadtsportverband Neuss/Commission, T-137/01, Ġabra p. II-3103, punti 52 sa 54). Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C-89/08 P, Ġabra p. I-11245, punt 77).

72

Fid-dawl tal-fatt li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati tinkludi dik li tinsab fl-ittra tal-31 ta’ Marzu 2008, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ din il-motivazzoni u tal-indikazzjoni tal-elementi kollha rilevanti li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, mhux biss ir-Repubblika Taljana setgħet tikkontesta b’mod effettiv il-legalità sostantiva tal-atti kkontestati, iżda l-Qorti Ġenerali tista’ wkoll perfettament teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara l-punti 42 sa 66 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata twieġeb espressament, fl-atti kkontestati, għall-argumenti kollha mressqa fl-ittra tar-Repubblika Taljana tad-9 ta’ Ġunju 2008, peress li l-elementi essenzjali insostenn ta’ dawn l-atti kienu suffiċjentement indikati fiha. Fir-rigward tal-kuntest li fih l-atti kkontestati kienu ġew adottati, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-awtoritajiet Taljana, bħala destinatarji tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195, kienu konxji tas-suġġett tal-kontestazzjoni magħmula mill-Kummissjoni u għalhekk setgħu jagħmlu paragun bejn is-suġġett tal-Miżura 1.7, dak tat-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli u dak tad-dikjarazzjonijiet ta’ inammissibbiltà magħmula fl-atti kkontestati, b’mod li motivazzjoni iktar iddettaljata minn dik mogħtija f’dawn l-atti ma kinitx neċessarja. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi ppreċiżat li s-sempliċi fatt li r-Repubblika Taljana kienet żbaljatament ikkunsidrat ċerti elementi bħala essenzjali, bħall-allegata koinċidenza perfetta bejn is-suġġett tal-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli u dak tal-proċeduri tal-ksur (ara l-punti 42 sa 54 iktar ’il fuq), fatt li jifforma parti minn evalwazzjoni sostantiva, ma jistax ibiddel il-portata tal-obbligu formali ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni

73

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat

Fuq is-sitt u s-seba’ motivi, imqajma fil-Kawża T-308/09 u bbażati rispettivament fuq ksur tal-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 u fuq dak tal-Artikolu 230 KE

74

Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-motiv addizzjonali ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kummissjoni fl-ittra tal-20 ta’ Mejju 2009 fir-rigward tat-talba għal ħlas inkwistjoni, li huwa bbażat fuq sitwazzjoni ta’ litispendance fid-dawl tan-natura pendenti tal-Kawża T-99/09, huwa kuntrarju għall-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 li jelenkaw b’mod limitattiv is-sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni hija awtorizzata tissospendi pagament intermedju u tiddikjara t-talba għal ħlas inammissibbli. Madankollu, l-eżistenza ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE u intiż kontra miżuri simili diġà meħuda mill-Kummissjoni ma huwiex inkluż fost dawn is-sitwazzjonijiet.

75

Fil-kuntest tas-seba’ motiv, ir-Repubblika Taljana ssostni li, sa fejn il-Kummissjoni qegħda tirrifjuta l-pagament intermedju minħabba l-fatt li rikors ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE huwa pendenti, l-ittra tal-20 ta’ Mejju 2009 hija wkoll ivvizzjata bi ksur ta’ din l-istess dispożizzjoni sa fejn din tikkostitwixxi espressjoni tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva mill-qorti tal-Unjoni. L-approċċ tal-Kummissjoni jiskoraġġixxi lill-Istati Membri milli jippreżentaw rikorsi kontra deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ talbiet għal ħlas, minħabba r-riskju li l-pagamenti intermedji jistgħu jkunu sospiżi sakemm tingħata deċiżjoni finali fil-kuntest tar-rikors u, għaldaqstant, dan jikkostitwixxi limitazzjoni inammissibbli tal-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja.

76

Il-Kummissjoni titlob li dawn il-motivi jiġu miċħuda.

77

Fir-rigward tas-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ittra tal-20 ta’ Mejju 2009, ikkontestata fil-Kawża T-308/09, li tinvoka l-istess motivi ta’ inammissibbiltà bħal dawk imqajma fl-ittri tal-31 ta’ Marzu u tat-22 ta’ Diċembru 2008. Fil-fatt, hekk kif issostni l-Kummissjoni, ir-riferiment għas-sitwazzjoni ta’ litispendance fil-Kawża relatata T-99/09 huwa biss deskrizzjoni tas-sitwazzjoni legali f’dan l-istadju tal-proċeduri u ma jistax jinftiehem bħala motiv ta’ inammissibbiltà addizzjonali, mhux previst mill-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999. B’dan il-mod, il-Kummissjoni sempliċement ġibdet l-attenzjoni tar-Repubblika Taljana għall-fatt li, min-naħa, l-eżitu tal-proċeduri fil-Kawża T-99/09, li tikkonċerna l-legalità tal-istess motivi ta’ inammissibbiltà, huwa neċessarjament tali li jinfluwenza l-eżitu tal-proċeduri fil-Kawża T-308/09 u li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ser tkompli tqis it-talbiet intermedji għal ħlas inkwistjoni bħala inammissibbli sakemm il-qorti tal-Unjoni tkun definittivament iddeċidiet f’dan ir-rigward.

78

Bl-istess mod, fir-rigward tas-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 230 KE, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma rreferietx għall-Artikolu 230 KE sabiex tinvoka motiv ta’ inammissibbiltà addizzjonali skont l-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 jew sabiex tiskoraġġixxi lir-Repubblika Taljana milli jressaq azzjoni ġudizzjarja, iżda sempliċement sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza tal-Kawża relatata T-99/09 u tal-fatt li l-eżitu tagħha kien tali li jinfluwenza dak tal-Kawża T-308/99.

79

Għaldaqstant, is-sitt u s-seba’ motivi għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament infondati.

80

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li dawn ir-rikorsi jiġu miċħuda kollha kemm huma.

Fuq l-ispejjeż

81

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

82

Peress li r-Repubblika Taljana tilfet fil-motivi kollha tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikorsi huma miċħuda.

 

2)

Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Azizi

Dehousse

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ April 2013.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċedura għall-approvazzjoni tas-sostenn tal-Programm Operattiv “Campania”

 

Il-proċeduri ta’ ksur kontra r-Repubblika Taljana

 

Effetti tal-proċeduri ta’ ksur fuq l-implementazzjoni tal-PO Campania

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

Sunt tal-motivi mqajma fil-Kawżi T-99/09 u T-308/09

 

Fuq l-allegat ksur tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999.

 

Osservazzjonijiet preliminari

 

Fuq il-portata tal-kriterji ta’ applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999

 

Fuq l-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999

 

Il-konklużjonjiet dwar l-ewwel erba’ motivi

 

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE

 

Fuq is-sitt u s-seba’ motivi, imqajma fil-Kawża T-308/09 u bbażati rispettivament fuq ksur tal-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 u fuq dak tal-Artikolu 230 KE

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawżi magħquda T-99/09 u T-308/09,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn P. Gentili u, fil-Kawża T-99/09, ukoll minn G. Palmieri, avvocati dello Stato,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Recchia u A. Steiblytė, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talbiet għall-annullament tad-deċiżjonjiet li jinsabu fl-ittri tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2008, tat-2 u tas-6 ta’ Frar 2009 (Nri 012480, 000841 u 001059 – Kawża T-99/09) u tal-20 ta’ Mejju 2009 (Nru 004263 – Kawża T-308/99) li jiddikjaraw inammissibbli, skont l-Artikolu 32(3)(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31), it-talbiet għall-ħlas tal-pagamenti intermedji tal-awtoritajiet Taljani intiżi għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti, wara d-29 ta’ Ġunju 2007, taħt il-Miżura 1.7 tal-Programm Operattiv “Campania”,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, F. Dehousse u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura għall-approvazzjoni tas-sostenn tal-Programm Operattiv “Campania”

1. Permezz tad-Deċiżjoni C (2000) 2347, tat-8 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej approvat il-Programm Operattiv “Campania” (iktar ’il quddiem il-“PO Campania”) li jidħol fil-kuntest tas-sostenn għall-interventi strutturali Komunitarji fir-reġjuni kkonċernati mill-Objettiv 1 fl-Italja. L-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li d-dati tal-bidu u tal-limitu tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż huma l-5 ta’ Ottubru 1999 u l-31 ta’ Diċembru 2008, rispettivament. Sussegwentement din id-deċiżjoni ġiet emendatata diversi drabi.

2. Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Marzu 2001, il-President tar-Regione Campania nnotifika lill-Kummissjoni “żieda mal-programm finali”.

3. Fit-23 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 2165 li temenda d-Deċiżjoni C (2000) 2347 u li magħha ġiet mhemuża verżjoni emendata tal-PO Campania li tiddeskrivi l-Miżura 1.7 ta’ dan tal-aħħar (iktar ’il quddiem il-“Miżura 1.7”).

4. Fit-22 ta’ April 2008, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni verżjoni emendata taż-żieda mal-programm li tinkludi deskrizzjoni emendata tal-Miżura 1.7, li l-Kummissjoni approvat permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2008.

5. Il-Kummissjoni finalment emendat id-Deċiżjoni C (2000) 2347 permezz tad-Deċiżjoni tagħha C (2009) 1112 finali, tat-18 ta’ Frar 2009, li estendiet il-perijodu ta’ eliġibbiltà tal-ispejjeż sat-30 ta’ Ġunju 2009.

6. Il-verżjoni tal-PO Campania, kif innotifikata lill-Kummissjoni fit-22 ta’ April 2008, iddeskriviet l-interventi relatati mal-Miżura 1.7, b’mod partikolari, kif ġej:

“a) Bini ta’ impjanti ta’ kwalità fejn isir il-kompost u ta’ żoni ekoloġiċi

[…]

b) Interventi li jikkonċernaw il-ħolqien ta’ landfills għar-rimi ta’ skart residwu wara l-ġbir isseparat, b’osservanza għall-kundizzjonijiet ta’ sigurtà skont id-dispożizjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/03, u li jikkonċernaw l-istadju finali u/jew ir-restawr ambjentali tal-landfills awtorizzati u mhux attivi, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-adattament tagħhom skont id-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/03.

Fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, huma ffinanzjati l-interventi li jikkonċernaw il-ħolqien ta’ landfills għar-rimi ta’ skart residwu wara l-ġbir isseperat, b’osservanza għall-kundizzjonijiet ta’ sigurtà skont id-dispożizjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/03, l-interventi li jikkonċernaw l-istadju finali u/jew ir-restawr ambjentali tal-landfills awtorizzati u mhux attivi, previsti mill-pjanifikazzjoni settorjali, billi jiġu pprivileġġjati, b’osservanza tal-prijoritajiet tal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart, il-landfills diġà eżistenti u l-interventi ta’ kwalifikazzjoni mill-ġdid ambjentali taż-żoni permezz tal-irdim ta’ tip speċifiku ta’ skart residwu […]. Il-landfills għandhom jitqiesu bħala li huma esklużivament għas-servizz tas-sistema integrata ta’ mmaniġġar ta’ skart.

[…]

c) Implementazzjoni tal-aħjar żoni territorjali u ta’ pjanijiet relatati għall-immaniġġar u l-ipproċessar ta’ skart (assistenza teknika għat-tħejjija ta’ pjanijiet u ta’ programmi, xiri ta’ tgħammir tekniku u assistenza għall-monitoraġġ tas-sistemi u l-iżvilupp tal-għarfien tas-settur, seminars ta’ taħriġ mill-ġdid għall-persunal, attivitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni)

[…]

d) Sostenn lill-komuni assoċjati fir-rigward tal-imaniġġar tas-sistema ta’ ġbir isseparat ta’ skart urban.

Din l-attività tippermetti li jiġi ffinanzjat ix-xiri, mill-komuni assoċjati u, b’impenji ġuridikament vinkolanti meħuda qabel il-31 ta’ Diċembru 2004, ukoll mill-[kummissarjat rappreżentattiv], fil-forom u skont il-metodi previsti mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000, tat-tgħammir tekniku neċessarju għall-ġbir isseparat ta’ skart urban u ta’ dak relatat, u għat-tgħammir ta’ żoni u ta’ punti ta’ ġbir relatati miegħu (miżbliet, kontenituri għall-preparazzjoni tal-kompost, kontenituri taż-żibel, vetturi għall-ġbir, etc.), bil-għan li tiġi żgurata kooperazzjoni effikaċi bejn l-awtoritajiet lokali li jinsabu f’żona unika li hija l-aħjar, fil-forom u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

[…]

e) Skema ta’ għajnuna lill-impriżi għall-adattament tal-impjanti intiżi għall-irkurpu ta’ materjal idderivat mill-iskart (ipproċessar ta’ skart inerti, ta’ vetturi bil-mutur, ta’ beni durabbli, ta’ oġġetti ingumbranti, kompostaġġ ta’ kwalità, irkupru ta’ materji plastiċi) abbażi ta’ strateġiji pubbliċi intiżi għall-implementazzjoni tal-attivitajiet ta’ rkupru u għat-titjib tal-livelli ta’ kwalità.

[…]

f) Fuq livell reġjonali, attività ta’ koordinazzjoni, ta’ loġistika u ta’ sostenn lill-impriżi ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ skart li joriġina minn kategoriji partikolari ta’ attivitajiet produttivi.

L-azzjoni għandha tippromwovi l-attivitajiet ta’ sostenn lill-impriżi li jipproduċu kategoriji partikolari ta’ skart li, mingħajr dan is-sostenn, ma jkunux jistgħu jagħmlu ekonomija ta’ skala li tippermetti jew li tiffaċilità l-irkupru ta’ dan l-iskart minflok ma dan jiġi sempliċement mormi.

[…]

Barra minn hekk, l-azzjoni għandha tinkludi l-ħolqien ta’ katast ta’ riċerka li jinkludi funzjoni ta’ monitoraġġ tal-kwalità u tal-kwantità tal-iskart, b’koordinazzjoni mal-interventi kkofinanzjati mill-Miżura 1.1, kif previst fl-istudju ta’ probabbiltà msemmi fid-DGR (Deċiżjoni tal-Giunta Regionale) Nru 1508 tat-12 ta’ April 2002 u fl-emendi u fl-integrazzjonijet eventwali tagħha, kif ukoll miżuri ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ promozzjoni tal-ġbir isseparat, tal-irkupru u tar-riċiklaġġ. L-azzjoni għandha tinkludi t-twettiq ta’ kampannji ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-ġbir isseparat, l-irkupru u r-riċiklaġġ. Dawn il-kampannji huma intiżi wkoll sabiex jiffaċilitaw il-proċessi ta’ implementazzjoni tal-pjanijiet reġjonali.

[…]

g) Skemi ta’ għajnuna lill-impriżi għall-bini ta’ impjanti intiżi għall-irkupru ta’ materjal li jirriżulta minn skart li joriġina minn kategoriji produttivi partikolari u għall-bini ta’ impjanti għall-irkupru tal-enerġija fir-rigward tal-iskart li kieku ma jkunx rekuperabbli.

L-għan ta’ din l-azzjoni huwa li jiġi promoss l-iżvilupp ta’ attivitajiet industrijali suċċessivament għall-ġbir isseparat għall-finijiet tal-iżvilupp ekonomiku tal-partijiet magħżula.

Din l-azzjoni għandha tipprovdi għall-finanzjament tal-bini ta’ impjanti intiżi għall-attivitajiet ta’ rkupru ta’ skart imsemmija fl-Artikoli 31 u 33 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/97. B’mod iktar speċifiku, għandhom ikunu iffinanzjati l-attivitajiet ta’ rkupru msemmija fl-Anness 1 – subanness 1, tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ Frar 1998, bl-esklużjoni tal-kategoriji 14( skart rekuperabbli li joriġina minn skart urban u minn skart speċjali relatat mhux perikoluż għall-produzzjoni ta’ [fjul idderivat minn skart ta’ kwalità]), 16 (skart kompostabbli) u 17 (skart rekuperabbli permezz ta’ proċessi ta’ tmermir u ta’ gassifikazzjoni), u fl-Anness 1 –subanness 1 tad-Digriet Ministerjali Nru 161 tat-12 ta’ Ġunju 2002.

[…]”

7. L-interventi mwettqa u intiżi sabiex tiġi mtejba u sabiex tiġi promossa s-sistema ta’ ġbir u ta’ rimi ta’ skart skont il-Miżura 1.7 taw lok għal spejjeż li jammontaw għal EUR 93 268 731.59, li 50 % minnhom – jiġifieri EUR 46 634 365.80 – kienu ġew ikkofinanzjati mill-Fondi Strutturali.

Il-proċeduri ta’ ksur kontra r-Repubblika Taljana

8. Fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur miftuħa kontra r-Repubblika Taljana bir-referenza Nru 2007/2195, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritatjiet Taljani, fid-29 ta’ Ġunju 2007, ittra ta’ intimazzjoni li takkużahom bi ksur tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta' April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9), billi ma kinux adottaw, fir-rigward tar-Regione Campania, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiggarantixxu li l-iskart ikun mormi mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ħsara għall-ambjent u, b’mod partikolari, billi ma ħolqux netwerk integrat u adatt ta’ impjanti ta’ rimi ta’ skart

9. Fit-23 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Taljani ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, iddatata s-17 ta’ Ottubru 2007, intiża sabiex testendi l-ilmenti li jifformaw is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur. Din l-estenzjoni tal-ilmenti kienet tikkonċerna n-nuqqas allegat ta’ effikaċità tal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart għar-Regione Campania adottat fl-1997 sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4, 5 u 7 tad-Direttiva 2006/12.

10. Wara l-approvazzjoni, fit-28 ta’ Diċembru 2007, ta’ pjan ġdid ta’ mmaniġġar ta’ skart għar-Regione Campania, il-Kummissjoni ħarġet, fl-1 ta’ Frar 2008, opinjoni motivata dwar il-ksur allegat tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12 biss.

11. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju 2008 bir-referena Nru C-297/08, il-Kummissjoni ppreżentat rikors skont l-Artikolu 226 KE u talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottatx, għar-Regione Campania, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiggarantixxi li l-iskart jiġi rkuprat u mormi mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, u b’mod partikolari billi ma stabbilixxietx netwerk adatt u integrat ta’ impjanti ta’ rimi, ir-Repubblika Taljana kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12.

12. Permezz tas-sentenza tagħha tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-297/08, Ġabra p. I-1749), il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet dan ir-rikors u kkonstatat in-nuqqas tar-Repubblika Taljana, hekk kif kienet talbet il-Kummissjoni.

Effetti tal-proċeduri ta’ ksur fuq l-implementazzjoni tal-PO Campania

13. Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Marzu 2008 bir-referenza Nru 002477, il-Kummissjoni informat lill-awtoritatjiet Taljani dwar il-konsegwenzi li hija kellha l-intenzjoni tislet mill-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 imsemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq għall-finanzjament tal-Miżura 1.7 fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-PO Campania. Fid-dawl tal-ftuħ ta’ dawn il-proċeduri u tal-kontenut tal-opinjoni motivata, il-Kummissjoni qieset li ma setgħetx iktar “tagħmel pagamenti intermedji li jikkonċernaw ir-rimbors tal-ispejjeż relatati mal-Miżura 1.7 tal-PO Campania […]”, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31). Fil-fatt, “il-Miżura 1.7 tal-PO Campania […] [kienet] tikkonċerna s-‘Sistema reġjonali ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart’, li għaliha jirreferu l-proċeduri ta’ ksur, li [jidentifikaw] in-nuqqas ta’ effikaċità fl-implementazzjoni ta’ netwerk adatt u integrat ta’ impjanti ta’ rimi ta’ skart […]”. Skont il-Kummissjoni, ġie stabbilit li “l-immaniġġar ta’ skart fit-totalità tiegħu ma [kienx] sodisfaċenti fid-dawl tan-neċessità li jiġi ggarantit ġbir u rimi korrett ta’ skart u, għaldaqstant, ukoll fid-dawl tal-azzjonijiet previsti mill-Miżura 1.7, bħall-azzjonijiet marbuta mal-impjanti ta’ ħażna, ta’ pproċessar, u ta’ rimi ta’ skart, mal-impjanti ta’ rkupru tal-partijiet niexfa u umdi, l-istadju finali ta’ landfills, minbarra l-ġbir isseparat […], kif ukoll il-pjanijiet u l-programmi settorjali”. Hija kkonkludiet, essenzjalment, li kull talba għal ħlas li tkopri spejjeż relatati mal-Miżura 1.7 imressqa wara l-mument li fih ir-Regione di Campania naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2006/12 li daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2006, tkun inammissibbli. Il-Kummissjoni għaldaqstant talbet lill-awtoritajiet Taljani jnaqqsu, mit-talba għal ħlas sussegwenti, l-ispejjeż kollha sostnuti li jikkonċernaw il-Miżura 1.7 wara s-17 ta’ Mejju 2006, sakemm ir-Repubblika Taljana ma tadottax id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tirrimedja “s-sitwazzjoni”.

14. Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ġunju 2008 bir-referenza Nru 0012819, l-awtoritajiet Taljani kkontestatw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni mogħtija fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Marzu 2008. Skonthom, id-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talbiet għal ħlas fir-rigward tal-Miżura 1.7 hija infondata. Il-kriterji tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 ma humiex sodisfatti f’dan il-każ. Il-Kummissjoni ma “indikat ebda operazzjoni speċifika kuntrarja għad-dritt Komunitarju, iżda limitat ruħha titlob il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ ksur fil-kuntest tal-immaniġġar ta’ skart b’mod assolutament ġeneriku, mingħajr ma dan ma jippermetti li jinftiehem kif l-implementazzjoni tal-Miżura 1.7 taħt il-PO Campania tista’ tirrappreżenta tali ksur tad-dritt Komunitarju”. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni għaldaqstant tammonta sabiex tissanzjona lir-Repubblika Taljana b’mod “antiċipat u awtomatiku” qabel mal-proċeduri ta’ ksur ma jkunu ntemmu b’osservanza totali tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ kontradittorju. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija illoġika inkwantu l-interventi ffinanzjati taħt il-Miżura 1.7 kienu preċiżament intiżi sabiex isolvu l-problemi marbuta mal-ġbir u mar-rimi ta’ skart fil-Campania u inkwantu sospensjoni tal-finanzjament tagħhom jista’ biss iddewwem is-soluzzjoni tal-kriżi attwali. L-awtoritajiet Taljani għaldaqstant talbu lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha kif espressa fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Marzu 2008.

15. Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ottubru 2008 dwar l-“istudju tal-impatt strateġiku tal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart tar-Regione Campania”, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Taljani dwar il-ħsibijiet tagħha relatati mal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart għar-Regione Campania kif adottat fit-28 ta’ Diċembru 2007. Essenzjalment, il-Kummissjoni talbet lill-imsemmija awtoritajiet jaġġornaw dan il-pjan fid-dawl tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi reċentement adotatti kif ukoll iwettqu studju ta’ impatt strateġiku. Fir-rigward tal-aġġornar tal-pjan ikkonċernat, il-Kummissjoni talbet l-inklużjoni ta’ miżuri li jippermettu l-implementazzjoni ta’ mmaniġġar normali u sostnut ta’ skart, li jista’ jissostitwixxi l-immaniġġar urġenti attwali. Fl-aħħar, il-Kummissjon fakkret li, minħabba l-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 li kienu għaddejjin, it-talbiet għall-ħlas tal-pagamenti intermedji relatati mal-Miżura 1.7 ma kinux iktar ammissibbli.

16. Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008 bir-referenza Nru 012480 (suġġett: “POR Campania 2000-2006” (CCI Nru 1999 IT 16 1 PO 007) Konsegwenzi tal-proċeduri ta’ ksur [Nru] 207/2195 dwar l-immaniġġar ta’ skart fil-Campanja” il-Kummissjoni wieġbet għall-ittri tal-awtoritajiet Taljani tad-9 ta’ Ġunju 2008 u rrepetiet il-pożizzjoni tagħha indikata fl-ittr a tagħha tal-31 ta’ Marzu 2008. Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 huwa l-bażi ġuridika rilevanti f’dan il-każ, peress li l-ammissibbiltà tal-pagamenti intermedji hija suġġetta għal diversi kundizzjonijiet, fosthom li “ebda deċiżjoni ma ttieħdet mill-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura dwar il-vjolazzjoni fis-sens ta’ Artikolu 226 [KE]”. Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li l-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 jikkontestaw is-sistema kollha ta’ mmaniġġar ta’ skart fil-Campania fid-dawl tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12. Hija fakkret ukoll il-ħsibijiet tagħha u r-riżervi tagħha espressi fl-ittra tal-20 ta’ Ottubru 2008. Il-Kummissjoni minn dan ikkonkludiet li ma kienx hemm “garanziji biżżejjed fir-rigward tat-twettiq korrett tal-operazzjonijiet ikkofinanzjati mill-FEŻR fil-kuntest tal-Miżura 1.7, li, fid-dawl tal-kliem tal-miżura stess, [kienu] jikkonċernaw is-sistema reġjonali kollha ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart, li l-effikaċità u l-adattezza tagħha [kienu] s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur” inkwistjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ppreċiżat li d-data li minnha hija kkunsidrat li l-ispejjeż relatati mal-Miżuri 1.7 ma kinux eliġibbli kienet id-29 ta’ Ġunju 2007 u mhux is-17 ta’ Mejju 2006.

17. Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 2009 bir-referenza Nru 000841 u li għandha bħala suġġett il-“ħlas mill-Kummissjoni ta’ ammonti għajr tal-ammont mitlub”, il-Kummissjoni, billi rreferiet għall-ittri tagħha tal-31 ta’ Marzu u tat-22 ta’ Diċembru 2008, iddikjarat inammissibbli talba għal ħlas tal-awtoritajiet Taljani tat-18 ta’ Novembru 2008, inkwantu din kienet tinkludi spejjeż ta’ ammont ta’ EUR 12 700 931.62 sostnuti fil-kuntest tal-Miżura 1.7 wara s-17 ta’ Mejju 2006, minħabba li l-azzjonijiet ikkonċernati kienu marbuta mal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195. Il-Kummissjoni madankollu ppreċiżat li hija kienet innotifikat lir-Repubblika Taljana dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ dawn il-proċeduri ta’ ksur fid-29 ta’ Ġunju 2007. Għaldaqstant, hekk kif indikat fl-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008, id-data li minnha l-Kummissjoni qieset l-ispejjeż fil-kuntest tal-Miżura 1.7 bħala li kienu inammissibbli hija d-29 ta’ Ġunju 2007 u mhux is-17 ta’ Mejju 2006. Fl-aħħar nett, fil-każ li kien jirriżulta “bilanċ pożittiv relatat mal-ammont ta’ EUR 12 700 931.62”, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Taljani jieħdu dan inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-talba għal ħlas sussegwenti tagħhom.

18. Fl-14 ta’ Jannar 2009, l-awtoritajiet Taljani ressqu talba ġdida għal ħlas, inter alia , għal ammont ta’ EUR 18 544 968.76 fir-rigward ta’ spejjeż sostnuti fil-kuntest tal-Miżura 1.7.

19. Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Frar 2009 bir-referenza Nru 001059 u li għandha bħala suġġett l-“interruzzjoni tat-talba għal ħlas u t-talbiet għal informazzjoni relatati mall-korrezzjonijiet finanzjarji skont l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999”, il-Kummissjoni rrepetiet, kif ġie indikat fil-punti 16 u 17 iktar ’il fuq, li d-data li minnha d-data li minnha l-Kummissjoni qieset l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-Miżura 1.7 bħala li kienu inammissibbli hija d-29 ta’ Ġunju 2007 u mhux is-17 ta’ Mejju 2006. F’każ li jkun hemm “emenda fir-rigward tal-ammont ta’ EUR 18 544 968.76”, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Taljani jikkoreġu t-talba għal ħlas ikkonċernata.

20. Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Mejju 2009 bir-referenza Nru 004263 u li għandha bħala suġġett il-“ħlas mill-Kummissjoni ta’ ammonti għajr tal-ammont mitlub”, indirizzata lill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni affermat mill-ġdid, filwaqt li rreferiet għall-ittri tagħha tal-31 ta’ Marzu u tat-22 ta’ Diċembru 2008, li l-ammont ta’ EUR 18 544 968.76 relatat mal-ispejjeż sostnuti wara s-17 ta’ Mejju 2006 fil-kuntest tal-Miżura 1.7 u li jikkonċernaw is-sistema reġjonali ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart kien inammissibbli. Fl-istennija tal-eżitu tal-Kawża T-99/09 pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni naqset dan l-ammont minn din it-talba għal ħlas. Madankollu, hekk kif diġà ġie indikat fl-ittra tas-6 ta’ Frar 2009, id-data li minnha l-Kummissjoni qieset l-ispejjeż fil-kuntest tal-Miżura 1.7 bħala li kienu inammissibbli hija d-29 ta’ Ġunju 2007 u mhux is-17 ta’ Mejju 2006. F’każ li jkun hemm “emenda fir-rigward tal-ammont ta’ EUR 18 544 968.76”, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Taljani jindikawha fit-talba għall-ħlas tal-pagament intermedju sussegwenti.

21. L-ittri tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2008, tat-2 u tas-6 ta’ Frar 2009 kif ukoll tal-20 ta’ Mejju 2009 (ara l-punti 16 sa 20 iktar ’il fuq) ser jissejħu flimkien iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22. B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Marzu 2009, ir-Repubblika Taljana ppreżentat ir-rikors irreġistrat bir-referenza T-99/09 kontra d-deċiżjonijiet li jinsabu fl-ittri tat-22 ta’ Diċembru 2008, tat-2 u tas-6 ta’ Frar 2009.

23. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ġunju 2009, ir-Repubblika Taljana ppreżentat ir-rikors irreġistrat bir-referenza T-308/09 kontra d-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-20 ta’ Mejju 2009.

24. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni talbet is-sospensjoni tal-proċeduri fil-Kawża T-308/09, skont l-Artikolu 77(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ttemmm il-proċeduri fil-Kawża T-99/09, li fiha l-maġġoranza tal-motivi mqajma kienu identiċi għal dawk imressqa fil-Kawża T-308/09. Sussidjarjament, il-Kummissjoni talbet li l-Kawżi T-99/09 u T-308/09 jiġu magħquda flimkien għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

25. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Settembru 2009, ir-Repubblika Taljana opponiet għat-talba għal sospensjoni, iżda qablet li ż-żewġ kawżi jingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.

26. Abbażi tal-kapijiet tat-talbiet tagħha fil-Kawżi T-99/09 u T-308/09, ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha

– tannulla l-atti kkontestati.

27. Abbażi tat-kapijiet tat-talbiet tagħha fil-Kawżi T-99/09 u T-308/09, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

– tiċħad ir-rikorsi;

– tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

28. Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

29. Minħabba impediment ta’ membru tal-Awla milli jipparteċipa fil-proċeduri, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, Imħallef ieħor sabiex jerġa’ jintlaħaq in-numru previst ta’ Mħallfin.

30. Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet jipproduċu ċerti dokumenti u jwieġbu bil-miktub għal xi domandi. Il-partijiet osservaw dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini mogħtija.

31. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2012. Waqt is-seduta, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regoli tal-Proċedura, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President ordna li l-Kawżi T-99/09 u T-308-09 jiġu magħquda għall-finijiet tas-sentenza li ttemm il-proċeduri, fatt li ttieħdet nota tiegħu fil-proċess verbali tas-seduta.

Id-dritt

Sunt tal-motivi mqajma fil-Kawżi T-99/09 u T-308/09

32. Permezz tal-ewwel motiv tagħha mqajjem fil-Kawżi T-99/09 u T-308/09, ir-Repubblika Taljana tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999. Permezz tat-tieni motiv tagħha mqajjem fil-Kawżi T-99/09 u T-308/09, ir-Repubblika Taljana tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u t-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 u wettqet żnaturament tal-fatti. Permezz tat-tielet motiv tagħha mqajjem fil-Kawżi T-99/09 u T-308/09, ir-Repubblika Taljana tinvoka ksur tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/199 u użu ħażin ta’ poter. Permezz tar-raba’ motiv tagħha, imqajjem fil-Kawżi T-99/09 u T-308/09, ir-Repubblika Taljana tinvoka ksur tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) u tal-Artikolu 39(2) u (3) tar-Regolament Nru 1260/1999 u ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju kif ukoll użu ħażin ta’ poter. Permezz tal-ħames motiv tagħha mqajjem fil-Kawżi T-99/09 u T-308/09, ir-Repubblika Taljana tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE. Permezz tas-sitt motiv tagħha mqajjem fil-Kawża T-308/09, ir-Repubblika Taljan tilmenta li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999. Permezz tas-seba’ motiv tagħha mqajjem fil-Kawża T-308/09, ir-Repubblika Taljana tinvoka ksur tal-Artikolu 230 KE.

33. Peress illi l-ewwel erba’ motivi jikkoinċidu ħafna inkwantu dawn huma bbażati fuq l-ilment li l-Kummissjoni kisret il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, dan l-ilment għandu jiġi evalwat l-ewwel.

Fuq l-allegat ksur tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999.

Osservazzjonijiet preliminari

34. Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-Repubblika Taljana tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, li fuqu hija bbażat l-approċċ tagħha fl-atti kkontestati. Skont din id-dispożizzjoni, talba għal ħlas tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli biss f’żewġ każijiet, fosthom dik fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta’ ksur “dwar il-miżura(i) li hija jew huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni [talba] in kwistjoni” (iktar ’il quddiem it-“tieni kundizzjoni”). Għaldaqstant, is-suġġett speċifiku tal-proċeduri ta’ ksur għandu jikkoinċidi preċiżament mas-suġġett tat-talba għal ħlas. Fil-fatt, skont ir-Repubblika Taljana, fid-dawl tad-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “miżura” u ta’ “operazzjoni” kif jirriżultaw mill-Artikolu 9(j) u (k) tar-Regolament Nru 1260/1999, proċeduri ta’ ksur “[j]ikkonċerna[w]” “miżura” meta l-ksur tad-dritt tal-Unjoni lmentat mill-Kummissjoni jikkonsisti preċiżamenti fil-fatt li ġiet adottata, b’mod li huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, miżura partikolari, jew fil-fatt li tali miżura ġiet implementata permezz ta’ operazzjonijiet mhux konformi magħha jew mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, applikazzjoni korretta tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, li l-għan tiegħu huwa li jiġi evitat li l-Fondi Strutturali jikkontribwixxu sabiex jiġu ffinanzjati azzjonijiet mwettqa bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, tippreżumi li l-ewwel nett jiġu identifikati l-miżuri u l-operazzjonijiet li huma s-suġġett tat-talba għal ħlas u li sussegwentement jiġi vverifikat jekk l-implementazzjoni tagħhom hijiex is-suġġett ta’ proċeduri ta’ ksur miftuħa mill-Kummissjoni. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni qalbet il-loġika ta’ dan l-approċċ.

35. Fl-atti kkontestati, kuntrarjament għar-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rabta speċifika, jew l-identiċità bejn is-suġġett tat-talba għal ħlas u dak tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu lmentat. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata, bir-riferiment ġenerali, fl-imsemmija atti, għas-suġġett tal-opinjoni motivata, f’dan il-każ is-“sistema kollha ta’ mmaniġġar ta’ skart”, u għal dak tat-talbiet għal ħlas, f’dan il-każ “operazzjonijiet ikkofinanzjati mill-FEŻR [...] li [...] ikkonċernaw is-sistema reġjonali kollha ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart”. Issa, l-pagamenti intermedji mitluba kienu preċiżament intiżi sabiex itejbu l-ġbir isseparat u l-irkupru ta’ skart, li huma fażijiet oġġettivament u funzjonalment distinti ħafna mir-rimi ġenerali f’landfills ta’ skart mhux isseparat li l-proċeduri ta’ ksur jikkonċernaw.

36. Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-Repubblika Taljana tafferma li l-proċeduri rreġistrati bir-referenza C-297/08 kienu, essenzjalment, jikkonċernaw nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu relatat man-netwek ta’ rimi ta’ skart. Fil-fatt, fil-punti 86, 87 u 90 tar-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni kkritikat is-sitwazzjoni relatata mar-rimi finali ta’ skart li ma jistax jiġi rkuprat jew irriċiklat b’mod ieħor, minħabba li kien hemm nuqqas tal-impjanti neċessarji (inċineraturi, landfills) għall-implementazzjoni ta’ din il-fażi tal-“proċedura” tal-iskart skont id-Direttiva 2006/2012. Għall-kuntrarju, fażijiet oħra ta’ din il-“proċedura” u metodi oħra ta’ mmaniġġar ta’ skart, distinti mir-rimi finali, bħad-diversi metodi ta’ rkupru ta’ skart wara li dan ikun isseparat fil-kuntest ta’ ġbir isseparat, u l-organizzazzjoni ta’ dan il-ġbir, bla dubju ta’ xejn ma kinux relatati mas-suġġett speċifiku tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hekk kif jirriżulta mill-punti 48 u 49 ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, fid-dawl tal-adozzjoni, fit-28 ta’ Diċembru 2007, ta’ pjan ġdid ta’ mmaniġġar ta’ skart għar-Regione Campania, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li kien neċessarju li żżomm l-ilmenti mressqa f’dan ir-rigward. Madankollu, il-Miżura 1.7, kif ukoll l-operazzjonijiet, fil-forma ta’ proġetti, li din tinkludi kienu speċifikament relatati mal-fażi ta’ rkupru ta’ skart u ta’ ġbir isseparat preċedenti għal dan. B’mod partikolari, huwa mod żbaljat li l-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008 rreferiet għall-opinjoni motivata tal-1 ta’ Frar 2008 u akkużat lir-Repubblika Taljana li kisret id-Direttiva 2006/12 “billi ma stabbilixxietx netwerk adatt u integrat ta’ impjanti ta’ rimi u billi ma stabbilixxietx pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart adatt u effikaċi intiż sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikoli 4 u 5 [ta’ din id-]direttiva”, peress li l-Kummissjoni stess kienet irtirat l-ilment relatat mal-assenza ta’ pjan ġenerali ta’ mmaniġġar ta’ skart u llimitat ruħha tikkritika n-nuqqas ta’ adattezza tal-impjanti ta’ rimi finali.

37. Fir-replika, ir-Repubblika Taljana tikkontesta li s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur u dak tat-talbiet għal ħlas oġġettivament jikkoinċidu, peress li din l-allegata koinċidenza l-iktar l-iktar tikkonċerna l-irkupru biss, iżda mhux il-ġbir isseparat ta’ skart li huwa s-suġġett prinċipali tal-Miżura 1.7. Minn dan jirriżulta li l-atti kkontestati huma minn tal-inqas “eċċessivi” billi jiddikjaraw bħala totalment inammissibbli t-talbiet għal ħlas ibbażati fuq din il-miżura. F’dan ir-rigward ir-Repubblika Taljana tqajjem, sussidjarjament, motiv ġdid, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, ikun manifestament sproporzjonat li jiġu ddikjarati bħala kompletament inammissibbli l-pagamenti relatati ma’ miżura li tikkonċerna l-ġbir isseparat, il-kompostaġġ u l-irkupru ta’ skart, minħabba l-ftuħ ta’ proċeduri ta’ ksur li jikkonċernaw, l-iktar l-iktar u b’mod ġenerali biss, l-irkupru biss. Skont ir-Repubblika Taljana, fuq kollox, il-proċeduri ta’ ksur ma kinux jikkonċernaw, fir-realtà, lanqas l-irkupru ta’ skart, peress li dan issemma biss fil-“konklużjonijiet” tal-opinjoni motivata u fir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE. Għall-kuntrarju, fil-motivi ta’ din l-opinjoni motivata u ta’ dan ir-rikors, dan l-irkupru ma jissemmiex u huwa ċar li s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur kien jikkonċerna biss ir-rimi fil-landfills ġenerali ta’ skart mhux isseparat. Fil-fatt, wara li ssemma inizjalment fis-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur, l-irkupru kien ġie definittivament eskluż minn dawn il-proċeduri fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess.

38. Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika Taljana essenzjalment issostni li, fl-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni pprovat tikkompleta l-ilmenti tagħha u ssaħħaħ l-argument tagħha bbażat fuq allegata rabta bejn is-suġġett tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u dak tat-talbiet għal ħlas billi rreferiet għat-“tħassib” imsemmi fl-ittra tal-20 ta’ Ottubru 2008 dwar il-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart tar-Regione Campania tat-28 ta’ Diċembru 2007 u billi ppreċiżat, b’mod partikolari, li, fl-assenza ta’ pjan reġjonali adatt ta’ mmaniġġar ta’ skart, ma kienx hemm garanziji biżżejjed fir-rigward tat-twettiq korrett tal-operazzjonijiet ikkofinanzjati mill-FEŻR fil-kuntest tal-Miżura 1.7. Madankollu, ebda waħda minn dawn il-kritiki tal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart tar-Regione Campania tat-28 ta’ Diċembru 2007 ma kienet is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur li kienu bbażati fuq is-sitwazzjoni eżistenti fl-1 ta’ Marzu 2008, peress li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni kienu ġew adottati fit-23 ta’ Mejju 2008. Għall-kuntrarju, l-adozzjoni ta’ dan il-pjan kien wassal lill-Kummissjoni tabbanduna, fir-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kull ilment relatat mal-ippjanar tal-immaniġġar ta’ skart, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġbir isseparat, tar-riċiklaġġ u tal-irkupru. Ir-Repubblika Taljana minn dan ikkonkludiet li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt tiddikjara bħala inammissibbli talbiet għal ħlas għall-motivi mqajma u abbażi tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, peress li dawn ma wasslux għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ ksur.

39. Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-Repubblika Taljana essenzjalment issostni li d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talbiet għal ħlas minħabba li “ma kienx hemm garanziji biżżejjed fir-rigward tat-twettiq korrett tal-operazzjonijiet ikkofinanzjati mill-FEŻR fil-kuntest tal-Miżura 1.7” hija kuntrarja għat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, u li din setgħet, l-iktar l-iktar, tiġi bbażata fuq l-ewwel kundizzjoni msemmija fid-dispożizzjoni inkwistjoni, jiġifieri s-sospensjoni tal-pagamenti skont l-Artikolu 39(2) tal-istess regolament. F’dan il-każ, il-Kummissjoni evitat il-proċedura kontradittorja prevista fl-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1260/1999 sabiex tasal għal riżultat li jikkorrispondi għal sospensjoni fis-sens tal-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) ta’ dan ir-regolament. Billi għamlet dan, hija mhux biss kisret dawn id-dispożizzjonijiet u l-prinċipju ta’ kontradittorju għad-detriment tar-Repubblika Taljana, li ma kellhiex l-okkażjoni tippreżenta s-sottomissjonijiet tagħha fuq ir-raġunijiet għas-sospensjoni u li tasal għal ftehim li jippermetti, totalment jew parzjalment, li tegħlibhom, iżda wkoll evitat il-proċedura prevista fl-Artikolu 39(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 li kienet tobbligaha tieħu deċiżjoni motivata definittiva fi żmien tliet xhur, li fin-nuqqas tagħha l-pagamenti intermedji jieqfu awtomatikament milli jiġu sospiżi.

40. Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-Repubblika Taljana mressqa insostenn ta’ dawn il-motivi kollha.

41. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dawn il-motivi huma bbażati, prinċipalment, fuq il-premessa li l-Kummissjoni ma osservatx, f’dan il-każ, il-kriterji ta’ applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi vverifikat, minn naħa, jekk l-atti kkontestati humiex ibbażati jew le fuq interpretazzjoni korretta ta’ dawn il-kriterji u, min-naħa l-oħra, jekk il-Kummissjoni applikatx dawn il-kriterji korrettament jew le f’dan il-każ.

Fuq il-portata tal-kriterji ta’ applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999

42. Sabiex tiġi eżaminta l-fondatezza tal-ilmenti mressqa mir-Repubblika Taljana fil-kuntest tal-ewwel sar-raba’ motivi, għandha ssir interpretazzjoni litterali, kuntestwali, teleoloġika u storika tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, peress li dan il-metodu ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, T-251/00, Ġabra p. II-4825, punti 72sa 83, u tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-22/02 u T-23/02, Ġabra p. II-4065, punti 41 sa 60). Id-dispożizzjoni inkwistjoni tipprevedi b’mod partikolari:

“Il-ħlasijiet provisorji [intermedji] għandhom isiru mill-Kummissjoni sabiex tirrifondi n-nefqa attwalment imħallsa taħt il-Fondi kif ċerifikat mill-awtorità li tħallas. Dawn il-ħlasijiet għandhom isiru fuq il-livell ta’ kull għajnuna u għandhom jiġu kalkulati fuq il-livell ta’ miżuri li jkunu fil-pjan ta’ finanzjament tal-kwota ta’ programmar. Huma għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(f) ebda sospensjoni tal-ħlasijiet taħt is-sottoparagrafu ta’ Artikolu 39(2) ma tkun ġiet deċiża, u ebda deċiżjoni ma ttieħdet mi ll-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura dwar il-vjolazjzoni fis-sens ta’ Artikolu 226 [KE] dwar il-miżura(i) li hija jew huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni [talba] in kwistjoni.

L-Istat Membru u l-awtorità li tħallas għandhom ikunu informati immedjatament mill-Kummissjoni jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx seħħet u għalhekk l-applikazzjoni għall-ħlas ma tkunx aċċettabbli u dawn għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni.”

43. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 għaldaqstant jawtorizza lill-Kummissjoni tagħmel pagamenti intermedji sabiex tirrimborsa l-ispejjeż sostnuti taħt il-Fondi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet pożittivi u negattivi għall-eliġibbiltà li huma ppreċiżati fih. Skont it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, dawn il-pagamenti “għandhom isiru fuq il-livell ta’ kull għajnuna u għandhom jiġu kalkulati fuq il-livell ta’ miżuri li jkunu fil-pjan ta’ finanzjament tal-kwota ta’ programmar”. Barra minn hekk, it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) ta’ dan ir-regolament tipprevedi, bħala kundizzjoni negattiva għall-eliġibbiltà, li “ebda deċiżjoni ma ttieħdet mill-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura dwar il-vjolazjzoni fis-sens ta’ Artikolu 226 [KE] dwar il-miżura(i) li hija jew huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni [talba] [għal rimbors/ħlas] in kwistjoni”.

44. Fir-rigward tal-kuntest leġiżlattiv li taħtu jaqgħu dawn id-dispożizzjonijiet, hemm lok li jiġi rrilevat li l-portata tal-kunċett ta’ “miżura” hija ċċarata iktar permezz tad-definizzjoni legali li tinsab fl-Artikolu 9(j) tar-Regolament Nru 1260/1999, fejn tali miżura hija l-“mezzi li bihom tiġi implimentata priorità matul bosta snin li tippermetti li l-operazzjonijiet jiġu finanzjati”. Il-kunċett ta’ “operazzjoni” huwa, min-naħa tiegħu, iddefinit fl-Artikolu 9(k) bħala “kull proġett jew azzjoni li titwettaq mill-benefiċjarji finali ta’ l-għajnuna [interventi]”. Fl-aħħar il-kunċett ta’ “għajnuna [intervent]”, iddefinit fl-Artikolu 9(e), jikkonċerna “il-forma [differenti] ta’ għajnuna provduta mill-Fondi”.

45. Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “miżura” huwa ta’ applikazzjoni ġenerali, marbuta ma’ prijorità ta’ strateġija ddefinita minn “priorità”, li jikkostitwixxi l-mezz ta’ implementazzjoni matul bosta snin li jippermetti li “operazzjonijiet” jiġu ffinanzjati. Peress li numru ta’ “operazzjonijiet” jistgħu jkunu koperti minn tali “miżura”, dan l-aħħar kunċett għaldaqstant għandu portata usa’ minn dak ta’ “operazzjoni”, li, min-naħa tiegħu, jirrifletti proġetti jew azzjonijiet li jistgħu jibbenefikaw minn intervent mill-Fondi. Din l-interpretazzjoni tal-portata tal-kunċett ta’ “miżura” tikkorrispondi min-naħa tagħha għal dik li għandha tingħata lill-kontenut tal-Miżura 1.7, li, hija wkoll, tkopri diversi operazzjonijiet u interventi intiżi sabiex jintlaħqu ċerti għanijiet jew sottogħanijiet fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ sistema ta’ mmaniġġar ta’ skart fil-Campania (ara, b’mod partikolari l-punt 6 iktar ’il fuq).

46. Għaldaqstant, sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li talba għal ħlas hija inammissibbli, it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 teħtieġ li s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur miftuħa mill-Kummissjoni jiġi pparagunat ma’ dak tal-“miżura(i)” – u mhux tal-“operazzjonijiet” – “li hija jew huma s-suġġett ta’ [din] l-applikazzjoni [talba]”. Għaldaqastant, l-argument tar-Repubblika Taljana li hemm lok li s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur, prinċipalment id-diversi lmenti mressqa fil-kuntest tagħhom, jiġi pparagunat mal-“operazzjonijiet” li huma s-suġġett tat-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli, ma jistax jiġi milqugħ. Bl-istess mod, l-argument tagħha li, fid-dawl tad-definizzjoni legali tal-kunċett ta’ “miżura”, il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest ta’ tali paragun, neċessarjament tkun konxja ta’ u tinkludi fl-evalwazzjoni tagħha l-“operazzjonijiet” konkreti koperti mill-“miżura” inkwistjoni, huwa irrilevanti. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li talba għal ħlas tista’ tirreferi għal numru ta’ operazzjonijiet konkreti, implementati fil-kuntest ta’ miżura (matul bosta snin), f’dan il-każ il-Miżura 1.7, ma jippermettix interpretazzjoni contra legem tal-kliem ċar u preċiż tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, fis-sens li jkun neċessarju li jsir tali paragun fir-rigward tas-suġġett ta’ kull waħda mid-diversi operazzjonijiet bħala tali, minflok fir-rigward tal-“miżura/i” inkwistjoni. Fl-aħħar, kuntrarjament għal dan li ssostni r-Repubblika Taljana, l-espressjoni “dwar il-miżura[...] li hija [...] s-suġġett ta’ l-applikazzjoni [talba] [għal ħlas]” li magħha jikkorrispondu l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni, lanqas ma tesprimi rekwiżit ta’ rabta speċifika jew ta’ koinċidenza perfetta, iżda sempliċement teħtieġ li jkun hemm rabta mal-imsemmija miżura jew miżuri jew riferiment ġenerali għaliha jew għalihom.

47. Barra minn hekk, mil-lat kuntestwali, l-evalwazzjoni li saret iktar ’il fuq hija kkonfermata kemm mit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 32(3) kif ukoll mill-Artikolu 18(2)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1260/1999. Skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tal-istess regolament, il-pagamenti intermedji – li għandhom isiru b’risposta għal talba għal rimbors konkreta – għandhom jiġu “kalkulati fuq il-livell ta’ miżuri li jkunu fil-pjan ta’ finanzjament tal-kwota ta’ programm” u mhux fil-livell tal-“operazzjonijiet” koperti minn dawn il-miżuri. Din l-interpretazzjoni tikkonkorda mal-prinċipju li l-pjan ta’ finanzjament indikattiv, imsemmi fl-Artikolu 18(2)(ċ) tal-istess regolament, li jirreferi għall-“prioritajiet”, jista’ jkun ibbażat biss fuq id-deskrizzjoni tal-miżuri inkwisjtoni, filwaqt li l-“operazzjonijiet” ma humiex suġġetti għal tali rekwiżit. Fil-fatt, skont l-Artikolu 18(2)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999, “[k]ull programm operattiv għandu jinkludi [...] deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri ppjanati biex jiġu implimentati l-prioritajiet”. Minn dan jirriżulta li, jekk il-leġiżlatur ma rrikjediex definizzjoni iktar preċiża tal-portata ta’ dawn il-“miżuri”, li huma l-uniċi li għandhom jiġu pparagunati mas-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur, skont it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, tali rekwiżit ta’ preċiżjoni wkoll ma jeżistix, a fortiori , fir-rigward tad-diversi “operazzjonijiet” koperti minn tali “miżura”. Fl-aħħar, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1260/1999 ma huwiex ta’ natura li jinvalida din l-evalwazzjoni, peress li l-impenn baġitarju Komunitarju ma huwiex marbut mal-kunċett ta’ “operazzjoni”, iżda iktar ma’ dak ta’ “għajnuna [intervent]”, hekk kif jirriżulta wkoll mill-ewwel subparagafu tal-Artikolu 31(2) tal-istess regolament.

48. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 86(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, p. 25), huwa irrilevanti. Din id-dispożizzjoni l-ġdida, li tissostitwixxi t-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, ma għandhiex effett retroattiv u, għaldaqstant, la hija applikabbli għal dan il-każ u lanqas rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima. Għaldaqstant, il-kundizzjoni negattiva ta’ eleġibbiltà tal-ispejjeż stabbilita fiha, li skontha “[k]ull ħlas interim [intermedju] magħmul mill-Kummissjoni għandu jkun suġġett għall-[kundizzjoni li] ma tkunx ingħatat opinjoni motivata mill-Kummissjoni dwar ksur taħt l-Artikolu 226 [KE] fir-rigward ta’ l-operazzjoni jew operazzjonijiet li għalihom tkun dikjarata n-nefqa fl-applikazzjoni [talba] għall-ħlas in kwistjoni”, ma tistax tinfluwenza l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni preċedenti. Barra minn hekk, għall-kompletezza, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li din id-dispożizzjoni l-ġdida żżid preċiżjoni mhux prevista fid-dispożizzjoni preċedenti, mingħajr mal-Kummissjoni ma tat motivazzjoni f’dan ir-rigward fil-proposta inizjali tagħha tal-14 ta’ Lulju 2004 [COM(2004)492 finali] li kienet ġiet inkorporata, essenzjalment fir-regolament definittivament ippromulgat u, min-naħa l-oħra, li r-Regolament Nru 1083/2006 kompletament abbanduna l-kunċett ta’ “miżura”, peress li l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jillimita ruħu jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “assi prijoritarju” (“waħda mill-prijoritajiet ta’ l-istrateġija fi programm operattiv li tinkludi grupp ta’ operazzjonijiet li jkunu relatati u li jkollhom għanijiet speċifiċi li jistgħu jitkejlu”) u ta’ “operazzjoni” (“proġett jew grupp ta’ proġetti [...] sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-għanijiet ta’ l-assi prijoritarju li miegħu dan il-proġett ikollu x'jaqsam”), kif ukoll ir-rabta bejn dawn iż-żewġ kunċetti. Fi ħdan dan il-kuntest leġiżlattiv il-ġdid, il-kunċett ta’ “operazzjoni” għaldaqstant jissostitwixxi kemm dak ta’ “miżura” kif ukoll dak ta’ “operazzjoni” fis-sens tar-Regolament preċedenti Nru 1260/1999 u huwa direttament marbut ma’ dak ta’ “assi prijoritarju”. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-Repubblika Taljana ma tistax tislet argument mir-Regolament Nru 1083/2006 sabiex issostni t-teżi prinċipali tagħha dwar ir-rekwiżit ta’ koinċidenza bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur u l-operazzjonijiet koperti mit-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli.

49. Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika Taljana dwar l-eżistena ta’ rabta speċifika bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur u dak tal-operazzjoni koperta mit-talba għal ħlas għandu jiġi miċħud. A fortiori, l-argument tagħha li t-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 teħtieġ koinċidenza jew identiċità perfetta bejn l-operazzjonijiet, kemm jekk proġetti kif ukoll jekk azzjonijiet, li huma s-suġġett tat-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli u l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195, ma jistax jiġi milqugħ. Xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rabta suffiċjentement diretta bejn il-“miżura” kkonċernata, f’dan il-każ il-Miżura 1.7, minn naħa, u s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195, min-naħa l-oħra, rekwiżit li l-partijiet finalment irrikonoxxew ir-rilevanza tiegħu waqt is-seduta.

50. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkorrispondu għall-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1260/1999. Għalkemm, ċertament, hekk kif issostni r-Repubblika Taljana, it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 hija intiża sabiex jiġi evitat li l-Fondi Strutturali jintużaw sabiex jiġu ffinanzjati operazzjonijiet tal-Istati Membri li huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, bl-ebda mod ma jirriżulta li r-riskju konkomittanti ta’ telf inaċċettabbli ta’ fondi Komunitarji għandu jiġi speċifikament attribwit lill-illegalità jew lill-implementazzjoni illegali ta’ operazzjonjiet (proġetti jew azzjonijiet) preċiżi li huma s-suġġett tat-talba għal ħlas, lanqas li l-Kummissjoni hija obbligata turi li dan ir-riskju jirriżulta preċiżament u direttament minn tali operazzjonijiet illegali, ikkontestati fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur. Fil-fatt, tali interpretazzjoni restrittiva tnaqqas l-effett utli tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, li jagħtu lill-Kummissjoni, b’mod provviżorju biss, is-setgħa li tissospendi pagamenti taħt impenji finanzjarji tal-Fondi Strutturali meħuda fil-kuntest ta’ programm operattiv, meta hija tkun affrontata b’allegat ksur, mill-Istat Membru benefiċjarju, tad-dritt tal-Unjoni li għandu rabta suffiċjentement diretta mal-miżura li hija s-suġġett tal-finanzjament kkonċernat, sakemm il-konstatazzjoni ta’ dan il-ksur tkun ikkonfermata jew miċħuda definittivament permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

51. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, li tipprevedi, b’mod simili, il-possibbiltà li l-Kummissjoni tagħti bidu għal effett sospensiv fir-rigward tal-pagamenti intermedji, permezz tal-proċedura ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 39(2) tal-istess regolament, jiġifieri barra mill-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur. Fil-fatt, barra l-fatt li din l-aħħar dispożizzjoni lanqas ma tikkonċerna l-kunċett ta’ “operazzjoni”, l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 tipprevedi, bħat-tieni kundizzjoni, li “ebda sospensjoni tal-ħlasijiet” għandha tikkonċerna “il-miżura(i) li hija jew huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni [talba] [għal ħlas]”. Għaldaqstant, din l-ewwel kundizzjoni għandha tingħata l-istess interpretazzjoni bħal dik stabbilita fil-punti 43 et seq iktar ’il fuq u ma turix speċifikament li huwa neċessarju li tiġi stabbilita rabta speċifika ma’ ċerti “operazzjonijiet”. Fl-aħħar, mill-kliem taż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 jirriżulta b’mod ċar li huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq waħda minn dawn il-kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tirrifjuta provviżorjament pagament intermedju.

52. Mil-lat tal-oriġini tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, hemm lok li jiġi rrilevat li l-proposta leġiżlattiva ppreżentata mill-Kummissjoni u li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU 1998, C 176, p. 1) kienet tinkludi punt (f) tal-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 31(3) li kien isemmi żewġ kundizzjonijiet: il-kliem tat-tieni kundizzjoni kien jeħtieġ li “l-Kummissjoni ma tkun ħadet ebda deċiżjoni li tiftaħ proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 169 tat-Trattat fir-rigward tal-intervent u l-miżura kkonċernata” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, it-tneħħija, sussegwenti, matul il-proċess deċiżjonali, tar-riferiment għall-kunċett iktar konkret ta’ “għajnuna [intervent]” juri a contario li l-leġiżlatur finalment sempliċement ħtieġ l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur, minn naħa, u “l-miżur(i) li hija jew huma s-suġġett” tat-talba għal ħlas inkwistjoni, min-naħa l-oħra, li d-definizzjonijiet legali proposti tagħhom kienu jikkorrispondu ma’ dawk finalment mogħtija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1260/1999.

53. Għaldaqstant, il-kliem, il-kuntest leġiżlattiv, l-għan u l-oriġini tad-dispożizzjonijiet rilevanti jinkdikaw b’mod ċar li, sabiex tiġi ġġustifikta d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ pagamenti intermedji fir-rigward ta’ proċeduri ta’ ksur li jkunu diġà nfetħu, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tistabbilixxi li s-suġġett ta’ dawn il-proċeduri għandu rabta suffiċjentement diretta mal-“miżura” li tirregola l-“operazzjonijiet” koperti mit-talbiet għal ħlas ikkonċernati.

54. Għaldaqstant, min-naħa, il-Kummissjoni setgħet tibbaża l-atti kkontestati fuq it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tas-setgħa li ngħatatilha b’dan il-mod li tirrifjuta provviżorjament pagamenti intermedji, hija ma kinitx obbligata ssegwi l-proċedura prevista fl-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 39(2) u (3) tal-istess regolament. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li evitat din il-proċedura.

55. Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni evalwatx korrettament l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 u dak tal-Miżura 1.7 li fuqha kienu jiddependu t-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli.

Fuq l-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999

56. L-ewwel nett, f’dan il-każ, huwa paċifiku li, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Taljani, fid-29 ta’ Ġunju 2007, ittra ta’ intimazzjoni u, fl-1 ta’ Frar 2008, opinjoni motivata li takkużahom bi ksur tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12 billi ma adottawx, fir-rigward tar-Regione Campania, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiggarantixxu li l-iskart kien irkuprat u mormi mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ħsara għall-ambjent u, b’mod partikolari, billi ma ħolqux netwerk integrat u adatt ta’ impjanti ta’ rimi ta’ skart, li sussegwentement għaliha hija ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju 2008, (ara l-punti 8 sa 11 iktar ’il fuq u s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 12 iktar ’il fuq, punti 20 et seq ).

57. Għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana ma tikkontestax li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni dwar jekk “deċiżjoni [...] ttieħdet mill-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura dwar il-vjolazjzoni fis-sens ta’ Artikolu 226 [KE]”, skont it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subpargarafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 126/1999, kienet sodisfatta, lanqas barra minn hekk ma tikkontesta r-rilevanza tad-data, jiġifieri d-29 ta’ Ġunju 2007, li minnha l-Kummissjoni ddikjarat inammissibbli t-talbiet għal ħlas inkwistjoni, fatt li ttieħdet nota tiegħu fil-proċess verbali tas-seduta. F’kull każ, peress li l-atti kkontestati kollha ġew adottati wara l-preżentata tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ma hemmx lok li jiġi aċċertat liema mill-miżuri ċċitati fil-punt 56 iktar ’il fuq tikkostitwixxi “deċiżjoni [meħuda] mill-Kummissjoni” fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq.

58. It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12 li huwa s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195, jirriżulta b’mod ċar kemm mis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja punt 12 iktar ’il fuq (b’mod partikolari mill-punti 35, 36, 41, 76, 100 u 113, kif ukoll mill-punt 1 tad-dispożittiv) kif ukoll mir-rikors tal-Kummissjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ir-raba’ u l-ħames inċiż tal-punt 58 u l-punti 82, 84, 86, 87 u 102) li dawn il-proċeduri kienu jikkonċernaw is-sistema kollha ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart fir-Regione Campania, inkluż, minn naħa, l-irkupru u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ effikaċità tal-ġbir isseparat, proċeduri li r-Repubblika Taljana tqis li ma kinux koperti mill-proċeduri ta’ ksur (punti 36 u 37 iktar ’il fuq). Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, il-ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/12, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-punt 76 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 12 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja espiliċitament ikkonstatat li r-rata baxxa ta’ ġbir isseparat ta’ skart fir-Regione Campania, meta mqabbla mal-medji nazzjonali u Komunitarji, kienet biss iggravat is-sitwazzjoni, u minn dan hija b’mod partikolari kkonkludiet, fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, li l-impjanti eżistenti u funzjonali f’dan ir-reġjun kienu l-bogħod milli jkopru l-bżonijiet reali tiegħu f’termini ta’ rimi ta’ skart. Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur Nru 23007/2195 kien jinkludi effettivament in-nuqqas tal-ġbir isseparat bħala element preċedenti li jiggrava n-nuqqassijiet tas-sistema kollha ta’ mmaniġġar ta’ skart. Bl-istess mod, fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 12 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament ikkonstatat, skont l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors tal-Kummissjoni, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Repubblika Tajana, b’mod partikolari, billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiggarantixxi li l-iskart kien irkuprat u mormi mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent. Huwa għaldaqstant b’mod żbaljat li r-Repubblika Taljana tallega li l-irkupru u l-ġbir isseparat ma kinux koperti mis-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 u li ma kienx hemm rabta suffiċjentement diretta bejn dan is-suġġett u dak tal-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li r-Repubblika Taljana rrikonoxxiet hija stess, fir-replika, li s-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur u dak tat-talbiet għall-ħlas tal-pagamenti intermedji inkwistjoni kienu jikkoinċidu, għall-inqas, fir-rigward tal-irkupru, raġuni li għaliha hija qajjmet, sussidjarjament, motiv ġdid, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proprozjonalità (ara l-punt 37 iktar ’il fuq u l-punt 63 iktar ’il quddiem).

59. It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-interventi previsti taħt il-Miżura 1.7 kif jissemmew fid-deskrizzjoni tal-imsemmija miżura fil-verżjoni emendata tal-PO Campania, minbarra numru ta’ interventi insostenn tal-irkupru ta’ skart suċċessivament għall-ġbir isseparat [paragrafu 5(e) sa (f) tad-deskrizzjoni tal-Miżura 1.7], kienu jinkludu wkoll interventi relatati ma’ għajnuna għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ ġbir isseparat ta’ skart urban [pragrafu 5(d) tad-deskrizzjoni tal-Miżura 1.7] u relatati mal-ħolqien ta’ landfills għar-rimi ta’ skart wara l-ġbir isseparat [paragrafu 5(b) tad-deskrizzjoni tal-Miżura 1.7]. Issa, hekk kif tfakkar fil-punt 56 iktar ’il fuq il-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 kienu jirreferu espressament għal nuqqasijiet li jikkonċernaw kemm l-irkupru kif ukoll in-nuqqas ta’ effikaċità tal-ġbir isseparat. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-Repubblika Taljana ma hijiex iġġustifikata takkuża lill-Kummissjoni bil-fatt li s-suġġett tal-Miżura 1.7 u, għaldaqstant, tat-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli ma kellux rabta suffiċjenti ma’ dak tal-proċeduri ta’ ksur. Barra minn hekk, filwaqt li r-Repubblika Taljana ma rnexxilhiex tispjega b’mod suffiċjenti jekk u sa fejn l-operazzjonijiet koperti minn dawn it-talbiet għal ħlas kienu speċifilament marbuta ma’ interventi previsti fil-pargrafu 5(b) tad-deskrizzjoni tal-Miżura 1.7, hija xorta waħda rrikonoxxiet li l-pagamenti intermedji mitluba kienu preċiżament intiżi sabiex jittejjeb, b’mod partikolari, il-ġbir isseparat taħt il-paragrafu 5(d) tad-deskrizzjoni tal-Miżura 1.7.

60. Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana ma tistax issostni li l-operazzjonijiet li jiffirumaw is-suġġett tat-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli la kienu speċifikament koperti mill-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 u lanqas kienu, fihom infushom, kuntrarji għall-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12 u li l-atti kkontestati setgħu jikkompromettu l-għan ta’ finanzjament tal-Miżura 1.7, peress li l-pagamenti mitluba kienu preċiżment intiżi sabiex jirrimedjaw għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu lmentat. Fil-fatt, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 43 sa 54 iktar ’il fuq, skont it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tistabbilixxi rabta suffiċjentement diretta bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur u dak tat-talbiet għal ħlas iddikjarati invalidi, fatt li hija għamlet f’dan il-każ billi indikat, essenzjalment, li l-azzjonijiet jew l-operazzjonijiet li huma s-suġġett tal-imsemmija talbiet għal ħlas kienu intiżi sabiex jilħqu ċerti għanijiet jew sottogħanijiet previsti mill-Miżura 1.7 u li l-implementazzjoni ta’ din il-miżura kienet koperta mill-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata turi li l-finanzjament tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-Miżura 1.7 u li huma s-suġġett tal-imsemmija talbiet għal ħlas setgħa effettivament jippreġudika l-baġit tal-Unjoni (ara l-punt 50 iktar ’il fuq).

Il-konklużjonjiet dwar l-ewwel erba’ motivi

61. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud bħala infondat.

62. Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet motivi, ibbażati fuq ksur tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, minn naħa, u fuq żnaturament tal-fatti kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter, min-naħa l-oħra, huwa biżżejjed li jiġi k konstatat li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet indikati fil-punti 56 sa 60 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Taljana ma wrietx li l-Kummissjoni kienet interpret ħażin, aħseb u ara żnaturat, il-fatti jew li kienet użat il-proċeduri previsti fid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq għal għan ieħor għajr għal dak previst mill-kriterji rilevanti tagħhom, b’mod partikolari dawk koperti mill-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999. F’dan ir-rigward, l-ilment tar-Repubblika Taljana li l-Kummissjoni żbaljatament inkludiet, fl-evalwazzjoni tagħha li fuqha huma bbażati l-atti kkontestati, l-assenza ta’ pjan ġenerali ta’ mmaniġġar ta’ skart (ara l-punt 38 iktar ’il fuq), huwa irrilevanti. F’kull każ din l-assenza kienet ġiet aċċettata mill-Kummissjoni, fatt li jenfasizza n-natura irrilevanti tagħha għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima. Fil-fatt, dan l-ilment ma jistax jimmina l-għoti ta’ prova mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn is-suġġett tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 u dak tat-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli, peress li din ir-rabta tiġġustifika fiha nfisha l-applikazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex possibbli li l-Kummissjoni tiġi akkużata li ppruvat tilħaq, f’dan il-każ, riżultat li hija setgħet tikseb biss billi tiftaħ jew il-proċeduri ta’ ksur jew il-proċedura ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 39(2) u (3) tal-istess regolament.

63. Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, hekk kif il-Kummissjoni ġustament issostni, ir-Repubblika Taljana ma tistax tiġi awtorizzata tqajjem, fir-replika, motiv ġdid, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), peress li l-kundizzjonijiet eċċezzjonali previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura bla dubju ta’ xejn ma humiex sodisfatti f’dan il-każ. Fil-fatt, ir-Repubblika Taljana ma tressaq ebda element rilevanti ta’ liġi jew ta’ fatt li rriżulta biss matul l-istanza, peress li l-elementi kollha li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ir-risposta tagħha kienu diġà preżenti u magħrufa minnha matul il-proċedura amministrattiva. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-Repubblika Taljana waqt is-seduta, is-sempliċi mod li bih il-Kummissjoni ppreżentat dawn l-istess punti ta’ liġi u ta’ fatt fil-kuntest tar-risposta ma jistax jiġġustifika deroga mid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, b’mod li dan il-motiv ġdid għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C-104/97, Ġabra p. I-6983, punt 29).

64. Għaldaqstant, it-tieni u tielet motiv, l-istess bħall-motiv il-ġdid imqajjem sussidjarjament u bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhom ukoll jiġu miċħuda.

65. Fir-rigward tar-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, u tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 32(3) u tal-Artikolu 39(2) u (3) tar-Regolament Nru 1260/1999, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u ta’ użu ħażin ta’ poter, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 43 sa 60 iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet kienet tikkostitwixxi bażi legali adatta għall-adozzjoni tal-atti kkontestati. Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li użat ħażin il-proċedura ta’ sospensjoni prevista fl-Artikolu 39(2) u (3) tal-istess regolament, lanqas li kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha f’dak li jikkonċerna l-motivi kkontestati intiżi għall-inammissibbiltà tat-talbiet għall-ħlas tal-pagamenti intermedji kif stabbiliti l-ewwel nett fl-ittra tal-31 ta’ Marzu 2008 u sussegwentement irripetuti fl-atti kkontestati. Kif issostni l-Kummissjoni, minn qari flimkien ta’ din l-ittra u tal-atti kkontestati jirriżulta li xi wħud mill-ħsibijiet u mir-riżervi marbuta mal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart għar-Regione Campania tat-28 ta’ Diċembru 2007, imsemmija fl-ittra tal-20 ta’ Ottubru 2008 u rripetuti fil-qosor fl-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008, ma kinux, bid-differenza tal-motivi ta’ inammissibbiltà kkontestati, is-suġġett ta’ kontestazzjoni formali, la fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195, lanqas f’dak tal-proċedura ta’ implementazzjoni tal-PO Campania li wasslet għall-implementazzjoni tal-atti kkontestati. Għaldaqstant, l-atti kkontestati ma jistgħux jitqiesu bħala li huma vvizzjati bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Taljana jew b’difett ieħor proċedurali jew sostanzjali li jivvizzja l-legalità tagħhom inkwantu dawn jesprimu l-imsemmija ħsibijiet u riżervi.

66. Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE

67. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li l-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008 hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fuq punti ta’ fatt essenzjali, peress li l-Kummissjoni naqset milli twieġeb b’mod adatt għall-osservazzjonijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Taljani fl-ittra tagħhom tad-9 ta’ Ġunju 2008. Għaldaqstant, l-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2008 ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proġetti marbuta mal-Miżura 1.7 ikkontribwixxew u setgħu jikkontribwixxu fil-futur għas-soluzzjoni tal-problema tar-rimi ta’ skart, sa fejn dawn kienu proġetti intiżi sabiex jestendu l-ġbir isseparat u l-irkupru ta’ materjal u ta’ enerġija li joriġinaw mill-iskart hekk ittrattat. Issa, dan l-aspett ikkostitwixxa element essenzjali tar-rabta, jew tal-konkordanza perfetta, bejn is-suġġett u l-għanijiet tal-proċeduri ta’ ksur u s-suġġett u l-għanijiet tal-proġetti koperti mill-Miżura 1.7. Barra minn hekk, peress li l-għanijiet u l-proġetti tal-Miżura 1.7 huma ddefiniti b’mod iddettaljat fil-PO Campania, il-Kummissjoni kien imissha bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq eżami adatt f’dan ir-rigward u kien imissha spjegat ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li s-sitwazzjoni li tat lok għall-ftuħ tal-proċeduri ta’ ksur kienet ostakolat l-implementazzjoni effikaċi ta’ din il-miżura.

68. Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

69. L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, permezz tal-ittra tagħha tal-31 ta’ Marzu 2008, mhux ikkontestata fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Taljani dwar il-konsegwenzi li hija kellha l-intenzjoni tislet mill-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 dwar il-finanzjament tal-Miżura 1.7 fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-PO Campania (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). F’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat li hija ma setgħetx iktar tagħmel, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, “pagamenti intermedji li jikkonċernaw ir-rimbors tal-ispejjeż relatati mal-Miżura 1.7 tal-PO Campania […]” li [kienet] tikkonċerna s-‘Sistema reġjonali ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart’, li għaliha jirreferu l-proċeduri ta’ ksur” inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat li “l-immaniġġar ta’ skart fit-totalità tiegħu ma [kienx] sodisfaċenti fid-dawl tan-neċessità li jiġi ggarantit ġbir u rimi korrett ta’ skart u, għaldaqstant, ukoll fid-dawl tal-azzjonijiet previsti mill-Miżura 1.7, bħall-azzjonijiet marbuta mal-impjanti ta’ ħażna, ta’ pproċessar, u ta’ rimi ta’ skart, mal-impjanti ta’ rkupru tal-partijiet niexfa u umdi, l-istadju finali ta’ landfills, minbarra l-ġbir isseparat […], kif ukoll il-pjanijiet u l-programmi settorjali”. Il-Kummissjoni għaldaqstant essenzjalment ikkonkludiet li kull talba għal ħlas li tkopri spejjeż relatati mal-Miżura 1 imressqa wara l-mument li fih ir-Regione di Campania naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2006/12, tkun inammissibbli.

70. Il-Kummissjoni rreferiet għal din il-motivazzjoni (ara l-punti 13 sa 21 iktar ’il fuq) fl-atti kkontestati kollha tagħha, b’mod li l-imsemmija motivazzjoni għandha titqies bħala li tifforma parti integrali mill-motivi tal-imsemmija atti għall-għanijiet tal-istħarriġ legali tagħhom, fatt li l-partijiet irrikonoxxew waqt is-seduta u li ttieħdet nota tiegħu fil-proċess verbali tas-seduta. Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni rrilevat li l-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195 qegħdu inkwistjoni s-sistema kollha ta’ mmaniġġar ta’ skart fil-Campania fir-rigward tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12 sabiex tikkonkludi minn dan li ma kienx hemm “garanziji biżżejjed fir-rigward tat-twettiq korrett tal-operazzjonijiet ikkofinanzjati mill-FEŻR fil-kuntest tal-Miżura 1.7, li, fid-dawl tal-kliem tal-miżura stess, [kienu] jikkonċernaw is-sistema reġjonali kollha ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart, li l-effikaċità u l-adattezza tagħha [kienu] s-suġġett tal-proċedri ta’ ksur” inkwistjoni.

71. Hekk kif ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandu l-għan li jagħti indikazzjoni suffiċjenti lill-persuna kkonċernata sabiex tkun jaf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex, skont il-każ, ivvizzjata bi żball li jista’ eventwalment jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha u li jippermetti lill-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni. Il-portata ta’ dan l-obbligu tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih dan ġie adottat. Peress li deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-FEŻR u li tikkonċerna l-inammissibbiltà, provviżorja, ta’ talbiet intermedji għal ħlas, tinvolvi konsegwenzi finanzjarji negattivi kemm għall-Istat Membru li qed jagħmel it-talba kif ukoll għall-benefiċjarji finali ta’ dawn il-pagamenti, il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni għandha tindika b’mod ċar il-motivi li jiġġustifikaw id-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġeneral, tat-13 ta’ Lulju 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T-81/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 41; ara f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-17 ta’ Settembru 2003, Stadtsportverband Neuss/Commission, T-137/01, Ġabra p. II-3103, punti 52 sa 54). Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et , C-89/08 P, Ġabra p. I-11245, punt 77).

72. Fid-dawl tal-fatt li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati tinkludi dik li tinsab fl-ittra tal-31 ta’ Marzu 2008, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ din il-motivazzoni u tal-indikazzjoni tal-elementi kollha rilevanti li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, mhux biss ir-Repubblika Taljana setgħet tikkontesta b’mod effettiv il-legalità sostantiva tal-atti kkontestati, iżda l-Qorti Ġenerali tista’ wkoll perfettament teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara l-punti 42 sa 66 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata twieġeb espressament, fl-atti kkontestati, għall-argumenti kollha mressqa fl-ittra tar-Repubblika Taljana tad-9 ta’ Ġunju 2008, peress li l-elementi essenzjali insostenn ta’ dawn l-atti kienu suffiċjentement indikati fiha. Fir-rigward tal-kuntest li fih l-atti kkontestati kienu ġew adottati, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-awtoritajiet Taljana, bħala destinatarji tal-proċeduri ta’ ksur Nru 2007/2195, kienu konxji tas-suġġett tal-kontestazzjoni magħmula mill-Kummissjoni u għalhekk setgħu jagħmlu paragun bejn is-suġġett tal-Miżura 1.7, dak tat-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli u dak tad-dikjarazzjonijiet ta’ inammissibbiltà magħmula fl-atti kkontestati, b’mod li motivazzjoni iktar iddettaljata minn dik mogħtija f’dawn l-atti ma kinitx neċessarja. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi ppreċiżat li s-sempliċi fatt li r-Repubblika Taljana kienet żbaljatament ikkunsidrat ċerti elementi bħala essenzjali, bħall-allegata koinċidenza perfetta bejn is-suġġett tal-talbiet għal ħlas iddikjarati inammissibbli u dak tal-proċeduri tal-ksur (ara l-punti 42 sa 54 iktar ’il fuq), fatt li jifforma parti minn evalwazzjoni sostantiva, ma jistax ibiddel il-portata tal-obbligu formali ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni

73. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat

Fuq is-sitt u s-seba’ motivi, imqajma fil-Kawża T-308/09 u bbażati rispettivament fuq ksur tal-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 u fuq dak tal-Artikolu 230 KE

74. Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-motiv addizzjonali ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kummissjoni fl-ittra tal-20 ta’ Mejju 2009 fir-rigward tat-talba għal ħlas inkwistjoni, li huwa bbażat fuq sitwazzjoni ta’ litispendance fid-dawl tan-natura pendenti tal-Kawża T-99/09, huwa kuntrarju għall-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 li jelenkaw b’mod limitattiv is-sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni hija awtorizzata tissospendi pagament intermedju u tiddikjara t-talba għal ħlas inammissibbli. Madankollu, l-eżistenza ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE u intiż kontra miżuri simili diġà meħuda mill-Kummissjoni ma huwiex inkluż fost dawn is-sitwazzjonijiet.

75. Fil-kuntest tas-seba’ motiv, ir-Repubblika Taljana ssostni li, sa fejn il-Kummissjoni qegħda tirrifjuta l-pagament intermedju minħabba l-fatt li rikors ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE huwa pendenti, l-ittra tal-20 ta’ Mejju 2009 hija wkoll ivvizzjata bi ksur ta’ din l-istess dispożizzjoni sa fejn din tikkostitwixxi espressjoni tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva mill-qorti tal-Unjoni. L-approċċ tal-Kummissjoni jiskoraġġixxi lill-Istati Membri milli jippreżentaw rikorsi kontra deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ talbiet għal ħlas, minħabba r-riskju li l-pagamenti intermedji jistgħu jkunu sospiżi sakemm tingħata deċiżjoni finali fil-kuntest tar-rikors u, għaldaqstant, dan jikkostitwixxi limitazzjoni inammissibbli tal-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja.

76. Il-Kummissjoni titlob li dawn il-motivi jiġu miċħuda.

77. Fir-rigward tas-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ittra tal-20 ta’ Mejju 2009, ikkontestata fil-Kawża T-308/09, li tinvoka l-istess motivi ta’ inammissibbiltà bħal dawk imqajma fl-ittri tal-31 ta’ Marzu u tat-22 ta’ Diċembru 2008. Fil-fatt, hekk kif issostni l-Kummissjoni, ir-riferiment għas-sitwazzjoni ta’ litispendance fil-Kawża relatata T-99/09 huwa biss deskrizzjoni tas-sitwazzjoni legali f’dan l-istadju tal-proċeduri u ma jistax jinftiehem bħala motiv ta’ inammissibbiltà addizzjonali, mhux previst mill-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999. B’dan il-mod, il-Kummissjoni sempliċement ġibdet l-attenzjoni tar-Repubblika Taljana għall-fatt li, min-naħa, l-eżitu tal-proċeduri fil-Kawża T-99/09, li tikkonċerna l-legalità tal-istess motivi ta’ inammissibbiltà, huwa neċessarjament tali li jinfluwenza l-eżitu tal-proċeduri fil-Kawża T-308/09 u li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ser tkompli tqis it-talbiet intermedji għal ħlas inkwistjoni bħala inammissibbli sakemm il-qorti tal-Unjoni tkun definittivament iddeċidiet f’dan ir-rigward.

78. Bl-istess mod, fir-rigward tas-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 230 KE, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma rreferietx għall-Artikolu 230 KE sabiex tinvoka motiv ta’ inammissibbiltà addizzjonali skont l-Artikoli 32 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 jew sabiex tiskoraġġixxi lir-Repubblika Taljana milli jressaq azzjoni ġudizzjarja, iżda sempliċement sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza tal-Kawża relatata T-99/09 u tal-fatt li l-eżitu tagħha kien tali li jinfluwenza dak tal-Kawża T-308/99.

79. Għaldaqstant, is-sitt u s-seba’ motivi għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament infondati.

80. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li dawn ir-rikorsi jiġu miċħuda kollha kemm huma.

Fuq l-ispejjeż

81. Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

82. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet fil-motivi kollha tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1) Ir-rikorsi huma miċħuda.

2) Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.