Keywords
Summary

Keywords

1. Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

2. Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet minn terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Użu ġenwin — Kunċett — Interpretazzjoni fid-dawl tar-ratio legis tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 43(2) u (3))

3. Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet minn terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Użu ġenwin — Kunċett — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsilll Nru 40/94, Artikolu 43(2) u (3))

4. Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet minn terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Użu ġenwin — Applikazzjoni tal-kriterji għall-każ speċifiku

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 43(2) u (3))

5. Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet minn terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Użu ġenwin — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Rekwiżit ta’ provi konkreti u oġġettivi

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 15(2)(a), u 43(2) u (3))

6. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsilll Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

Summary

1. Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa. Għalkemm il-korp tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ referimenti għal estratti ta’ dokumenti annessi miegħu, referiment ġenerali għal dokumenti oħra ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-elementi essenzjali tal-argument legali, li, skont id-dispożizzjonijiet mfakkra iktar ’il fuq, għandhom jidhru fir-rikors innifsu.

Ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tissostitwixxi lill-partijiet billi tipprova tfittex l-elementi rilevanti fid-dokumenti li għalihom huma jirreferu.

(ara l-punti 18, 19)

2. Ir- ratio legis tar-rekwiżit li t-trade mark preċedenti għandha tkun ġiet użata ġenwinament, skont l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it trade mark Komunitarja sabiex tkun tista’ tiġi invokata f’oppożizzjoni għal applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tikkonsisti fil-limitazzjoni tal-kunflitti bejn żewġ trade marks, sa fejn ma jkunx hemm raġuni ekonomika valida li tirriżulta minn funzjoni effettiva tat-trade mark fis-suq. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjonijiet la huma intiżi biex jevalwaw is-suċċess kummerċjali, la biex jikkontrollaw l-istrateġija ekonomika ta’ impriża u lanqas biex jirriżervaw il-protezzjoni tat-trade marks biss fejn sar użu kummerċjali minnhom b’mod sinjifikattiv mil-lat kwantitattiv.

(ara l-punt 23)

3. Trade mark hija s-suġġett ta’ użu ġenwin meta tiġi użata, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm opportunità għal dawn il-prodotti jew servizzi, bl-eċċezzjoni ta’ użu ta’ natura simbolika li għandu l-uniku skop li jżomm id-drittijiet mogħtija mit-trade mark. Barra minn hekk, il-kundizzjoni relatata mal-użu ġenwin mit-trade mark teħtieġ li din, hekk kif hija protetta fit-territorju rilevanti, tintuża, pubblikament u lejn l-estern.

L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark, skont l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it trade mark Komunitarja, għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu kummerċjali minnha huwiex reali, b’mod partikolari l-użu kkunsidrat bħala ġġustifikat, fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma fis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu mit-trade mark.

Dwar l-importanza tal-użu li kien sar mit-trade mark preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, minn naħa, il-volum kummerċjali tal-atti kollha ta’ użu u, min-naħa l-oħra, it-tul ta’ żmien li matulu twettqu atti ta’ użu kif ukoll il-frekwenza ta’ dawn l-atti.

(ara l-punti 24-26)

4. Sabiex tiġi eżaminata, f’każ partikolari, in-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ in eżami. Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi kkunsidrati. Għaldaqstant, volum żgħir ta’ prodotti kkumerċjalizzati taħt l-imsemmija trade mark jista’ jkun ikkumpensat minn intensità qawwija jew kostanza kbira fil-perijodu ta’ użu minn din it-trade mark u bil-maqlub.

Barra minn dan, id-dħul mill-bejgħ magħmul kif ukoll il-kwantità ta’ prodotti mibjugħa taħt it-trade mark preċedenti ma jistgħux jiġu evalwati fl-assolut, iżda jridu jiġu evalwati fid-dawl ta’ fatturi rilevanti oħra, bħall-volum tal-attività kummerċjali, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ kummerċjalizzazzjoni jew il-livell ta’ diversifikazzjoni tal-impriża li tuża t-trade mark kif ukoll il-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi fis-suq ikkonċernat. Minħabba dan, ma huwiex meħtieġ li l-użu mit-trade mark preċedenti jkun dejjem kwantitattivament sinjifikattiv sabiex jiġi kkwalifikat bħala ġenwin.

(ara l-punti 27, 28)

5. L-użu ġenwin minn trade mark, skont l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it trade mark Komunitarja, ma jistax jiġi muri permezz ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi li jippruvaw użu effettiv u suffiċjenti mit-trade mark fis-suq ikkonċernat. Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 15(2)(a) u tal-Artikolu 43(2) u (3), il-prova tal-użu ġenwin minn trade mark preċedenti, nazzjonali jew Komunitarja, li fuqha tkun ibbażata oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, tinkludi wkoll il-prova tal-użu mit-trade mark preċedenti f’forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv ta’ dik it-trade mark fil-forma li fiha ġiet irreġistrata.

(ara l-punti 29, 30)

6. Teżisti, għall-konsumatur medju tal-Unjoni Ewropea, probabbiltà ta’ konfużjoni, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it trade mark Komunitarja, bejn is-sinjal verbali peerstorm, li fir-rigward tiegħu saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja għall-“Ħwejjeġ, xedd tas-saqajn u xedd ir-ras” li jaqgħu taħt il-klassi 25 skont il-Ftehim ta’ Nice, u t-trade mark verbali PETER STORM irreġistrata preċedentement bħala trade mark Komunitarja għal prodotti identiċi.

Hemm ċertu livell ta’ xebh viżiv u fonetiku bejn it-trade marks inkwistjoni. Fir-rigward tal-artikli tal-ħwejjeġ ikkonċernati, ix-xebh viżiv huwa ta’ importanza partikolari f’dan il-każ peress li huwa rikonoxxut li, bħala regola ġenerali, ix-xiri ta’ ħwejjeġ jimplika l-eżami viżiv tat-trade marks.

Ma ġiex muri li t-trade mark preċedenti, użata fit-totalità tagħha fis-settur tal-ħwejjeġ, għandha karattru distintiv intrinsiku dgħajjef fit-territorju tal-Unjoni.

Anki jekk jiġi kkunsidrat li t-trade mark preċedenti għandha biss karattru distintiv dgħajjef, fid-dawl tal-identiċità tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti u mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kif ukoll tal-elementi ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni b’mod partikolari fuq il-livell viżiv, ma tistax tkun eskluża probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fir-rigward tal-pubbliku rilevanti. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta hemm ukoll ċertu livell ta’ xebh kunċettwali bejn it-trade marks inkwistjoni.

(ara l-punti 50, 51, 75, 78-80)