Keywords
Summary

Keywords

1. Domandi preliminari — Rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja — Ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonferma n-natura prijoritarja ta’ proċedura inċidentali nazzjonali ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità — Inammissibbiltà — Kundizzjoni

(Artikolu 234 KE)

2. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Talba għal interpretazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni — Suġġett tal-kawża nazzjonali li ma għandu l-ebda element ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

(Artikolu 234 KE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 51(1))

Summary

1. L-Artikolu 234 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi proċedura inċidentali ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet nazzjonali, sa fejn in-natura prijoritarja ta’ din il-proċedura jkollha l-konsegwenza li żżomm, kemm qabel it-trażmissjoni ta’ domanda preliminari ta’ kostituzzjonalità lill-qorti nazzjonali li hija inkarigata li teżerċita l-istħarriġ tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet, kif ukoll, jekk ikun il-każ, wara d-deċiżjoni ta’ din il-qorti dwar l-imsemmija domanda, lill-qrati nazzjonali l-oħra kollha milli jeżerċitaw il-fakultà tagħhom jew li jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

(ara l-punt 20)

2. Meta tintalab tieħu konjizzjoni tal-kawża skont l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat, kif ukoll dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-eżami tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni biss.

L-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, din il-limitazzjoni ma ġietx emendata bid-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Diċembru 2009, tat-Trattat ta’ Lisbona, li bih, minn dakinhar, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) UE, il-Karta għandha l-istess saħħa legali li għandhom it-Trattati. Dan l-artikolu fil-fatt jippreċiża li d-dispożizzjonijiet tal-Karta ma jestendu bl-ebda mod il-kompetenzi tal-Unjoni kif iddefiniti fit-Trattati.

Minn dan isegwi li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-talba għal interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) UE, fil-verżjoni tiegħu qabel it-Trattat ta’ Lisbona, ma hijiex stabbilita, meta d-deċiżjoni tar-rinviju ma tkun tinkludi l-ebda element konkret li jippermetti li jiġi kkunsidrat li s-suġġett tal-kawża prinċipali għandu rabta mad-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punti 21, 23-26)