Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2010 – Polisseni vs Azienda Sanitaria Locale N. 14 V.C.O. u Giuliano

(Kawża C‑217/09)

“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Saħħa pubblika – Spiżeriji – Prossimità – Provvista ta’ prodotti mediċinali lill-popolazzjoni – Awtorizzazzjoni għall-użu – Tqassim territorjali tal-ispiżeriji – Limiti stabbiliti abbażi tal-kriterju tad-densità demografika – Distanza minima bejn l-ispiżeriji”

Libertà ta’ stabbiliment - Restrizzjonijiet - Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel għall-ftuħ u għat-trasferiment ta’ spiżeriji f’reġjun determinat (Artikolu 49 TFUE) (ara l-punti 33, 34, u d‑dispożittivi 1, 2)

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Tribunale Amministrativo Regionale del Piemonte - Interpretazzjoni tal-Artikoli 43, 152 u 153 KE - Ftuħ ta’ spiżeriji ġodda - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-permess għal ċaqliq ta’ spiżerija għall-osservanza ta’ distanza minima bejn spiżerija u oħra.

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal ma hija dik fil-kawża prinċipali, li timponi limiti għall-istabbiliment ta’ spiżeriji, billi tipprovdi li:

–        f’kull żona farmaċewtika, bħala prinċipju, għal kull 4,000 jew 5,000 abitant, tista’ tiġi stabbilita spiżerija waħda biss, u

–        kull spiżerija għandha tosserva distanza minima fir-rigward tal-ispiżeriji li jeżistu diġà, b’din id-distanza tkun, bħala regola ġenerali, ta’ 200 metru.

2)

Madankollu, l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi din il-leġiżlazzjoni nazzjonali sa fejn ir-regoli bażiċi ta’ 4,000 jew 5,000 abitant u ta’ 200 metru jxekklu, fiż-żoni ġeografiċi kollha li għandhom karatteristiċi demografiċi partikolari, l-istabbiliment ta’ numru suffiċjenti ta’ spiżeriji li jkunu jistgħu jiżguraw servizz farmaċewtiku adegwat, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.