13.3.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 63/20 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fit-30 ta’ Novembru 2009 — INMOGOLF SA vs Administración General del Estado
(Kawża C-487/09)
2010/C 63/32
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Tribunal Supremo
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: INMOGOLF SA
Konvenuta: Administración General del Estado
Domandi preliminari
Fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE (1), tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (attwalment id-Direttiva 2008/7/KE) (2) jipprojbixxi li jiġi ntaxxat it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ stocks, ishma jew sigurtajiet analogi, u li l-Artikolu 12(1)(a) tagħha jawtorizza esklużivament lill-Istati Membri li jimponu dazji fuq it-trasferiment ta’ titoli, kemm jekk imposti b’rata uniformi u kemm jekk le, u peress li l-Artikolu 108 tal-Liġi 24/1988, tat-28 ta’ Lulju 1988, dwar is-suq tat-titoli (skont il-kliem tat-tnax-il dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 18/1991, tas-6 ta’ Ġunju 1991), għalkemm jistabbilixxi regola ġenerali ta’ eżenzjoni, kemm mit-taxxa fuq il-valur miżjud kif ukoll mit-taxxa fuq it-trasferimenti patrimonjali fir-rigward ta’ trasferimenti ta’ titoli, madankollu jissuġġetta dawn it-tranżazzjonijiet għat-taxxa fuq it-trasferimenti patrimoniali bħala trasferimenti patrimonjali bi ħlas, meta dawn jirrappreżentaw parti mill-kapital azzjonarju fejn l-attiv huwa kompost minn, minn tal-inqas, 50 % proprjetà immobbli u fejn ix-xerrej, bħala riżultat ta’ dan it-trasferiment, jikseb pożizzjoni li tippermettilu li jeżerċita kontroll fuq l-entità, mingħajr distinzjoni bejn kumpanniji ta’ amministrazzjoni tal-patrimonju u kumpanniji li jeżerċitaw attività ekonomika:
(1) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, tipprekludi l-applikazzjoni awtomatika ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ Stat Membru, bħal dik tal-Artikolu 108(2) tal-Liġi 24/1988 fuq is-suq tat-titoli, li tissuġġetta ċerti trasferimenti ta’ titoli li jaħbu trasferimenti ta’ proprjetà immobili, anki fil-każ fejn ma kienx hemm l-intenzjoni li tiġi evitata t-taxxa? |
Fil-każ fejn l-intenzjoni li tiġi evitata t-taxxa mhijiex neċessarja:
(2) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KE, tas-17 ta’ Lulju 1969, tipprekludi dispożizzjoni leġiżlattiva, bħal-liġi Spanjola 24/1988, li tistabbilixxi taxxa fuq ix-xiri tal-parti l-kbira tal-kapital ta’ kumpanniji li l-attiv tagħhom huwa fil-parti l-kbira kkostitwit minn proprjetà immobbli, minkejja li dawn il-kumpanniji huma operattivi u li l-proprjetà imobbli ma tistax tiġi mifruda mill-attività ekonomika eżerċitata mill-kumpannija? |
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 11.
(2) ĠU L 46, p. 11.