30.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/40


Appell ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2009 minn AceaElectrabel Produzione SpA mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża T-303/05 — AceaElectrabel Produzione SpA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-480/09 P)

2010/C 24/70

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Appellanti: AceaElectrabel Produzione SpA (rappreżentanti: L. Radicati di Brozolo, M. Merola, T. Ubaldi u E. Marasà, avukati)

Appellati: Electrabel, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza appellata;

tilqa’ t-talbiet imressqa fir-rikors fl-ewwel istanza jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż taż-żewġ proċeduri

Aggravji u argumenti prinċipali

(1)

Interpretazzjoni żbaljata tal-motivi, żbalji ta’ liġi, kif ukoll motivazzjoni irraġonevoli u kontradittorja, b’referiment għall-identifikazzjoni tad-destinatarju tal-għajununa u għall-evalwazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li bih tiddefinixxi d-destinatarju tal-għajnuna

Permezz tal-ewwel aggravju l-appellanti, AceaElectrabel Produzione SpA (iktar ’il quddiem “AEP” jew l-“appellanti”) tilmenta li s-sentenza hija serjament ivvizzjata sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza tiċħad il-motiv relatat mal-identifikazzjoni żbaljata tal-benefiċjarju tal-għajnuna, li kien jikkostitwixxi l-kundizzjoni suġġettiva għall-applikazzjoni, fir-rigward tal-każ inkwistjoni, tal-prinċipju stabbilit fil-“ġurisprudenza Deggendorf” (li abbażi tiegħu, l-għoti ta’ għajnuna ġdida ddikjarata fiha nnifisha bħala kompatibbli jista’ f’ċirkustanzi speċifiċi jkun sospiż sakemm tiġi rrimborsata għajnuna preċedenti ddikjarata illegali mħallsa lill-istess impriża). L-ewwel nett l-appellanti tikkonstesta d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan il-motiv sa fejn din tikkonċerna ksur tal-Artikolu 88 tar-Regolament (KE) Nru 659/99 (1). AEP issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat din il-parti tal-motiv, li permezz tiegħu l-appellanti riedet biss tindika li l-identifikazzjoni żbaljata tal-benefiċjarju tal-għajnuna kienet tirriżulta minn wieħed mill-vizzji tipiċi tal-att amministrattiv. Billi affermat li s-suġġett tal-ksur tar-regoli dwar l-irkupru tal-għajnuna huwa totalment irrilevanti għall-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza wriet li hija interpretat b’mod żbaljat l-argumenti mressqa insostenn ta’ dan il-motiv.

Barra minn hekk, l-appellanti tikkontesta s-sentenza inkwantu din tonqos milli tiddikjara d-deċiżjoni illegali minkejja l-iżball serju li jikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ AEP (il-benefiċjarja tal-għajnuna l-ġdida) mal-Grupp ACEA (il-benefiċjarju tal-għajnuna li ma kinitx ġiet irrimborsata), ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata, illoġika u kontradittorja tal-kunċett ta’ unità ekonomika ta’ grupp ta’ impriżi żviluppat mill-ġurisprudenza tal-Komunità. L-appellanti tikkontesta li tali kunċett jista’ jiġi applikat għall-każ ta’ joint venture kkontrollata b’mod konġunt minn żewġ gruppi distinti (kif huwa l-każ ta’ AEP), peress li l-ġurisprudenza stabbilita dwar l-unità ekonomika tal-impriżi tirreferi biss għall-każijiet ta’ ħafna impriżi kkontrollati biss minn entità waħda. L-iżball huwa tant iktar serju peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat bħala rrilevanti l-fatt li 70 % tal-kapital ta’ AEP jinsab fi grupp ekonomiku differenti, li m’għandu xejn x’jaqsam mal-benefeċijarju tal-għajnuna li ma ġietx irrimborsata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat ukoll fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ impriża funżjonalment awtonoma, peress li hija affermat li l-appellanti ma tistax tkun ikkunsidrata bħala funzjonalment awtonoma inkwantu hija suġġetta għall-kontroll konġunt ta’ żewġ impriżi.

(2)

Interpretazzjoni żbaljata tal-motivi, żball ta’ liġi, kif ukoll motivazzjoni irraġonevoli u kontradittorja, b’referiment għall-argumenti mressqa mill-appellanti fir-rigward tal-portata tal-ġurisprudenzaDeggendorf għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-każ inkwistjoni.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha l-appellanti ssostni li s-sentenza applikat ħażin il-ġurisprudenza Deggendorf sa fejn din tikkonferma l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni anki fir-rigward tal-eżistenza tar-rekwiżit oġġettiv għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Deggendorf. B’ mod partikolari l-appellanti tikkontesta r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-parti li fiha tikkonferma li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tipprovdi provi preċiżi u ddettaljati biex turi li l-akkumulazzjoni tal-ewwel u tat-tieni għajnuna kienet taffettwa ħażin il-kummerċ intra-Komunitarju b’tali mod li tirrendi l-għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq komuni. L-oneru tal-prova għall-evalwazzjoni tal-inkompatibbiltà ta’ għajnuna nnotifikata ma jistax jiddawwar skont kif wieħed irid, b’mod partikolari meta l-Kummissjoni tkun naqset milli tuża l-mezzi li r-Regoli tal-Proċedura jqegħdu għad-dispożizzjoni tagħha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli taffronta tali argumenti mressqa mill-appellanti u bla ebda kritika kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’ Istanza la fehmet u lanqas affrontat il-motiv propost mill-appellanti fejn din kienet tirrileva li l-ġurisprudenza Deggendorf ma kinitx intiża li toħloq mezz ta’ sanzjonar għall-impriżi li ma kinux irrimborsaw għajnuna preċedenti, imma biss sabiex tevita li l-akkumulazzjoni ta’ diversi għotjiet ta’ għajnuna lil impriża waħda tista’ taffettwa ħażin il-kummerċ intra-Komunitarju b’tali mod li tirrendi inkompatibbli l-għajnuna l-ġdida sakemm ma tkunx ġiet irrimborsata l-għajnuna preċedenti.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339)