30.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/39


Appell ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2009 minn Evets Corp. kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) mogħtija fit-23 ta’ Settembru 2009 fil-Kawżi magħquda T-20/08 u T-21/08 — Evets Corp. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(Kawża C-479/09)

2010/C 24/69

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Evets Corp. (rappreżentant: S. Ryan, Solicitor)

Appellat: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Talbiet tal-appellant

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza;

tiddikjara li l-applikazzjoni għal restitutio in integrum ġiet ippreżentata fit-termini stabbiliti fl-Artikolu 78(2) tar-Regolament Nru 40/94 (1);

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex min-naħa tagħha, din tirrinvija l-kawża quddiem il-Bord tal-Appell sabiex jiddeċiedi fuq il-mertu dwar jekk kinitx intużat id-diliġenza kollha neċessarja għat-tiġdid tat-trade marks inkwistjoni;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

(1)

Dan l-appell jikkonċerna applikazzjoni għal restitutio in integrum skont l-Artikolu 78(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (Ir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja). It-trade mark inkwistjoni kienet skadiet peress li ma kienx sar il-ħlas tat-tiġdid.

(2)

Il-proprjetarju tat-trade mark kien inkariga lil terz sabiex jagħmel il-ħlas tat-tiġdid. Madankollu, minħabba żball mhux intenzjonat, il-ħlas tat-tiġdid ma sarx sad-data tal-iskadenza.

(3)

L-UASI bagħat notifiki ta’ kanċellament lir-rappreżentant legali tal-proprjetarju tat-trade mark, li ma kienx it-terz inkarigat bil-ħlas tat-tiġdid. Ir-rappreżentant legali bagħat dawn in-notifiki lill-proprjetarju tat-trade mark, u dan irċevihom diversi ġranet wara.

(4)

Sussegwentement, il-proprjetarju tat-trade mark ippreżenta applikazzjoni għal restitutio in integrum skont l-Artikolu 78(2). Din l-applikazzjoni ġiet ippreżentata f’inqas minn xahrejn minn meta l-proprjetarju nnifsu kien irċieva n-notifiki ta’ kanċellament, iżda wara xahrejn minn meta r-rappreżentant legali kien irċevihom.

(5)

L-Artikolu 78(2) tar-Regolament Nru 40/94 jeżiġi li l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata bil-miktub fi żmien xahrejn mit-tneħħija tal-kawża ta’ nonkonformità mat-terminu. Il-kwistjoni li tqum fil-kuntest tal-appell tikkonċerna d-determinazzjoni tad-data li minnha jibda jiddekorri dan it-terminu.

(6)

Il-proprjetarju jsostni li d-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni hija d-data li fiha huwa irċieva n-notifika. Huwa kien assuma responsabbiltà meta inkariga lil terz bil-ħlas tal-ispejjeż tat-tiġdid. Huwa ntebaħ bl-iżball, u kellu l-opportunità li jneħħi l-kawża ta’ nonkonformità mat-terminu, biss meta fil-fatt irċieva n-notifika.

(7)

Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet il-konstatazzjoni tal-UASI li d-data rilevanti kienet id-data li fiha r-rappreżentant legali tal-proprjetarju kien irċieva n-notifika li kienet intbagħtet mill-UASI. L-UASI bbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regola 77 tar-Regolament Nru 2868/95 (2) li tipprovdi li “[k]walunkwe notifika jew komunikazzjoni oħra indirizzata mill-Uffiċċju lil rappreżentat awtorizzat kif imiss għandu jkollha l-istess effett bħallikieku kienet indirizzata lill-persuna rappreżentata”.

(8)

Il-proprjetarju jsostni fil-kuntest tal-appell preżenti li:

(i)

L-għan tal-fictio juris stabbilita mir-Regola 77 huwa li tipprovdi li l-UASI jinħeles mill-obbligi tiegħu li jinnotifika lill-parti meta jibgħat notifika lir-rappreżentant fir-rigward ta’ kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom huwa awtorizzat jaġixxi. Għalhekk, l-UASI mhuwa marbut b’ebda obbligu ieħor. Iżda din mhijiex kwistjoni rilevanti f’dan il-każ.

(ii)

Fir-rigward tat-termini tal-ħlas tat-tiġdid, “il-kawża ta’ non-konformità” tintemm meta l-proprjetarju tat-trade mark infisha, u/jew il-persuna li kienet speċifikament inkarigata mill-ħlas, tkun fil-fatt informata bin-nuqqas mhux intenzjonat tal-ħlas. Kull konklużjoni oħra tirrendi d-dispożizzjoni rilevanti inapplikabbli: b’mod partikolari, rappreżentant legali dejjem ikun jaf u huwa mistenni li jkun jaf bit-termini b’tali mod li l-fatt li l-UASI jibgħat notifika lilu huwa normalment u fi kwalunkwe każ irrilevanti.

(iii)

Il-ħlas għat-tiġdid isir permezz ta’ sempliċi tranżazzjoni finanzjarja li ma tirrikjedix rappreżentanza legali. Għalhekk, parti tista’ tagħmel dan il-ħlas hija stess jew tinkariga lil kwalunkwe persuna oħra sabiex tagħmel dan. Meta r-“rappreżentant” ta’ parti, li jkun irrappreżenta lill-parti fil-proċedimenti quddiem l-UASI, ma jkunx separatament inkarigat ukoll li jagħmel il-ħlas tat-tiġdid, in-notifika tan-nuqqas ta’ ħlas lil dan ir-rappreżentant mhijiex rilevanti; din mhijiex notifika lill-parti u m’għandhiex titqies bħala tali. Dan ir-rappreżentant mhuwiex legalment responsabbli li jaġixxi fir-rigward ta’ tali notifika (għalkemm jista’ jibgħatha lill-klijent tiegħu bħala korteżija professjonali).

(iv)

Skont fatti bħal ma huma dawn inkwistjoni, rappreżentant magħżul għal finijiet oħra mhuwiex “rappreżentant awtorizzat kif imiss” sabiex jagħmel il-ħlas tat-tiġdid. Il-fatt li notifika tkun indirizzata lilu għalhekk ma jissodisfax ir-Regola 77 tar-Regolament Nru 2868/95 u ma jagħtix lok għall-applikazzjoni tal-fictio juris li hija tistabbilixxi.

(v)

Fil-qosor, il-persuna rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata hija dik li għandha r-responsabbiltà li twettaq l-att inkwistjoni. Huwa biss meta din il-persuna ssir taf bin-nonosservanza li t-terminu għall-preżentata ta’ applikazzjoni jista’ jibda jiddekorri.

(vi)

Minkejja li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar l-għoti ta’ Privattivi Ewropej mhumiex strettament vinkolanti fid-dritt Komunitarju, huma għandhom, b’mod ċar, livell għoli ta’ persważjoni. Fil-każ fejn ikun hemm ġurisprudenza tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO) dwar dispożizzjoni li hija fformulata f’termini identiċi, huwa ċertament mixtieq li din il-formulazzjoni tiġi interpretata bl-istess mod. Fil-każ li dawn jiġu interpretati b’mod differenti, ikun iffisser li waħda mill-interpretazzjonijiet tkun żbaljata. L-appellanti ssostni li d-deċiżjonijiet paralleli tal-EPO huma korretti u r-raġunament tagħhom huwa korrett.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, p. 1)

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1).