30.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/35


Appell ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2009 minn Dominio de la Vega, S.L. mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) tas-16 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża T-458/07, Dominio de la Vega, S.L. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) u Ambrosio Velasco, S.A.

(Kawża C-459/09 P)

2010/C 24/64

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Dominio de la Vega, S.L. (rappreżentanti: E. Caballero Oliver y A. Sanz-Bermell u Martínez, avukati)

Appellati: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) u Ambrosio Velasco, S.A.

Talbiet tal-appellanti

Tannulla totalment is-sentenza appellata mogħtija fis-16 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża T-458/07; u, konsegwentement,

Tiddeċiedi definittivament il-kawża, billi tiddikjara li ma jeżistix xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti u konsegwentement tiddikjara li m’hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni u tawtorizza r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 2 789 576“Dominio de la Vega” fil-klassi 33 peress li din mhijiex koperta mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94, li ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 207/2009;

Sussidjarjament u sa fejn ikun meħtieġ, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej sabiex din tiddeċiedi skont il-kriterji vinkolanti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja;

Tikkundanna espliċitament lill-UASI u lill-impriża intervenjenti għall-ispejjeż kemm ta’ din il-kawża kif ukoll għal dawk tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.

Aggravji u argumenti prinċipali

(1)

Ksur tal-Artikolu 8(1)(b) u tal-Artikolu 8(2)(a) (i) u (ii) tar-Regolament Nru 40/94 (1) li ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 207/2009 (2). It-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni f’din il-kawża hija trade mark Komunitarja. Is-sentenza appellata fiha żball ta’ liġi peress li ma ttiħditx inkunsiderazzjoni n-natura Komunitarja tat-trade mark u peress li, għaldaqstant, fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti ttieħed inkunsiderazzjoni l-pubbliku żbaljat u mhux dak li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni skont ir-regolament dwar it-trade mark Komunitarja applikabbli f’din il-kawża.

(2)

Żball ta’ liġi mwettaq fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-rilevanza u l-ammissibbiltà tal-provi prodotti, u dan irriżulta f’evalwazzjoni żbaljata tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fi ħdan il-konsumatur Spanjol. Il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi li kienu juru l-koeżistenza tat-trade marks fi Spanja u dan l-iżball ta’ liġi rriżulta fi ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, li ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 207/2009.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas- 26 ta' Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (Verżjoni kodifikata) Test b'relevanza għaż-ŻEE (ĠU L 78, p. 1).