19.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 312/11


Appell ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2009 mis-Centre de Promotion de l’Emploi par la Micro-Entreprise (CPEM) mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) mogħtija fit-30 ta’ Ġunju 2009 fil-Kawża T-444/07, Centre de Promotion de l’Emploi par la Micro-Entreprise (CPEM) vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-350/09 P)

2009/C 312/19

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Centre de Promotion de l’Emploi par la Micro-Entreprise (CPEM) (rappreżentanti: C. Bonnefoi, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza,

tilqa’, fl-intier tagħhom jew parzjalment, it-talbiet li saru fl-ewwel istanza,

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tlettax-il aggravju relatati maċ-ċaħda, min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-talba tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Ottubru 2007, li tikkanċella l-għajnuna mogħtija mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) bid-Deċiżjoni C(1999) 2645, tas-17 ta’ Awwissu 1999.

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju tat-trattament ugwali peress li ma osservatx ir-rekwiżiti ta’ bilanċ ġust bejn l-argumenti tal-partijiet. Meta limitat ruħha sabiex issostni, b’mod ripetut, li l-Kummissjoni tiċħad jew tirrifjuta l-argumenti tas-CPEM, il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-fatt ma ppreċiżat la l-argumenti tal-Kummissjoni, u lanqas b’liema mod dawn l-argumenti jiċħdu jew jirrifjutaw l-argumenti tal-appellant, u dan joħloq żbilanċ fil-preżentazzjoni tal-elementi tad-diskussjoni bejn il-partijiet, u, konsegwentement, fil-mod kif ġew ittrattati fis-sentenza.

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, is-CPEM isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tirrikonoxxi r-“responsabbiltà in solidum” tal-Kummissjoni, safejn din tal-aħħar kienet taf bil-fatti lmentati iżda naqset milli tadotta xi miżura, waqt l-istħarriġ perjodiku tagħha tat-twettiq tal-proġett sussidjat, bil-għan li tiffriża l-ħlas tad-depożitu u tal-bilanċ tas-sussidju. Għalhekk, l-obbligu tas-CPEM li jirrimborsa t-totalità tal-għajnuna finanzjarja mogħtija huwa infondat fir-rigward tal-argumenti ppreżentati mis-CPEM, li minn tal-inqas jistabbilixxu responsabbiltà in solidum tal-Kummissjoni fis-sitwazzjoni ta’ dannu li nħolqot.

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant isostni li, b’mod żbaljat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma eżaminatx l-argumenti tagħha dwar l-għażla tal-bażijiet legali tal-isħarriġ li huwa vvizzjat minn illegalità safejn dan twettaq abbażi ta’ regolament differenti minn dak li abbażi tiegħu dan jiġi mwettaq uffiċjalment.

Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, l-appellant jirrileva li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat bħala inammissibbli t-talbiet tiegħu intiżi għall-ksib ta’ kumpens għall-ħsara pubbika li saret għall-immaġni tiegħu. Fil-fatt, kienet ingħatat informazzjoni lill-mezzi ta’ xandir lokali mill-OLAF minkejja li s-CPEM kien għadu ma rċeviex in-notifika tad-deċiżjoni ta’ rettifika. F’tali kundizzjonijiet, il-fatt li tali informazzjoni ssir pubblika jippreġudika b’mod gravi l-immaġni ta’ korp li għandu missjoni ta’ interess ġenerali, li m’għandux fondi u lanqas klijentela, u li l-fondi tiegħu joriġinaw biss minn kontributuri pubbliċi u privati.

Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, huwa jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi u kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ċaħdet it-talba għal kumpens simboliku tal-persunal tiegħu minħabba nuqqas ta’ awtorizzazzjoni speċifika mogħtija lill-avukat, filwaqt li l-iżbalji rrilevati mir-rikorrent fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet tal-investigaturi tal-OLAF u tal-persunal tal-Kummissjoni ma kinux suġġetti għall-eżami mill-istess qorti.

Permezz tas-sitt aggravju tiegħu, is-CPEM jilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta naqqset il-portata tal-ilment u tal-eżami tal-ewwel motiv għall-osservanza tad-drittijiet ta’ difiża biss, minkejja li huwa kien għamel referenza espliċita għad-drittijiet fundamentali tad-difiża u għall-prinċipji ġenerali tad-dritt.

Permezz tas-seba’ aggravju tiegħu, l-appellant isostni li, barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta naqqset il-portata tal-osservanza tad-drittijiet ta’ difiża għas-sempliċi possibbiltà, għad-destinatarji ta’ deċiżjoni li tolqot b’mod sostanzjali l-interessi tagħhom, li jitqiegħdu f’pożizzjoni li jesprimu b’mod xieraq il-fehma tagħhom. Għalhekk, l-osservanza tad-drittijiet ta’ difiża għandha portata ħafna iktar wiesgħa. Barra minn hekk, in-natura “xierqa” tad-diskussjoni mal-OLAF u mal-Kummissjoni u l-eżami tal-elementi kollha fil-każ inkwistjoni “bir-reqqa u b’imparzjalità” huma f’dan il-każ kontestabbli, l-istess bħan-nuqqas ta’ komunikazzjoni mill-OLAF tas-suġġett tal-ilmenti ppreżentati kontra s-CPEM.

Permezz tat-tmien aggravju tiegħu, l-appellant jilmenta b’mod partikolari li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi safejn ikkunsidrat li l-fatt li l-mezzi ta’ xandir jiġu infurmati bil-kontenut ta’ deċiżjoni amministrattiva li tinkludi sanzjoni, qabel ma l-benefiċjarju stess ikun irċieva notifika tagħha, ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet ta’ difiża.

Permezz tad-disa’ aggravju tiegħu, is-CPEM jilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza injorat b’mod żbaljat il-motiv tiegħu relatat man-nonosservanza, min-naħa tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tad-drittijiet ta’ difiża u tal-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ta’ ċertezza legali, ta’ bilanċ u tan-newtralità tal-istħarriġ. L-osservanza ta’ dawn il-prinċipji ġenerali tad-dritt għandha fil-fatt tiġi żgurata mhux biss fil-proċeduri amministrattivi li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, iżda wkoll fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ stħarriġ li jkunu saru qabel.

Permezz tal-għaxar aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta interpretat b’mod żbaljat il-kunċett Franċiż ta’ korp mingħajr skop ta’ lukru kif ukoll ir-relazzjonijiet li tali korp jista’ u għandu jkollu mad-diversi awtoritajiet reġjonali. B’hekk, din ikkonfermat l-iżball inizjali tal-Kummissjoni u tal-OLAF li kkunsidraw ir-rabtiet bejn is-CPEM u l-awtoritajiet reġjonali, fosthom il-belt ta’ Marseille, bħala irregolarità gravi.

Permezz tal-ħdax-il aggravju tiegħu, l-appellant jilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ fatt meta indikat li hija kienet tikkunsidra l-“gwida tal-promotur” bħala inapplikabbli u meta ċaħdet l-argumenti tiegħu f’dan ir-rigward, filwaqt li, fil-verità, hija ma kinitx tikkunsidra l-gwida bħala inapplikabbli, iżda lmentat biss għall-fatt li jeżistu bosta verżjonijiet differenti, li jwasslu għal nuqqas ta’ ċertezza legali u għan-nonosservanza tad-dritt għas-smigħ tal-partijiet.

Permezz tat-tnax-il aggravju tiegħu, is-CPEM isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “valorizzazzjoni”, billi tenniet argument legalment żbaljat tal-Kummissjoni li jgħid li din it-teknika ta’ tpaċija tal-ispejjeż hija awtorizzata fil-kuntest “klassiku” tal-proġetti li jaqgħu taħt il-FSE, iżda li hija pprojbita fil-kuntest ta’ proġetti pilota skont l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Nru 4255/88 (1).

Permezz tat-tlettax u tal-aħħar aggravju tiegħu, fl-aħħar nett l-appellant jilmenta min-nonosservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali mill-Qorti tal-Prim’Istanza peress li din tal-aħħar evitat id-diskussjoni dwar il-motiv ibbażat fuq l-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1605/2002 (2) li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni tal-OLAF u tal-Kummissjoni, filwaqt li, meta seħħew il-fatti, kien hemm fis-seħħ ir-Regolament Finanzjarju tal-21 ta’ Diċembru 1977 (3). Barra minn hekk, skont il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 47(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-CPEM jitlob il-verifika tal-fatti permezz tas-smigħ tax-xhieda.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4255/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2052/88 għal dak li jikkonċerna l-Fond Soċjali Ewropew (ĠU L 374, p. 21).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1).

(3)  Regolament Finanzjarju tal-21 ta’ Diċembru 1977 applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 356, p. 1) fil-verżjoni tiegħu riżultat tar-Regolament tal-Kunsill (KE, KEFA, Euratom) Nru 2779/98, tas-17 ta’ Diċembru 1998, li jemenda r-Regolament Finanzjarju tal-21 ta’ Diċembru 1977 (ĠU L 347, p. 3).