7.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 267/41


Appell ippreżentat fis-17 ta’ Awwissu 2009 minn Iride SpA, li qabel kienet AMGA SpA, kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla Estiża) tal-11 ta’ Ġunju 2009 fil-Kawża T-300/02, AMGA vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-329/09 P)

2009/C 267/72

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Appellanti: Iride SpA, li qabel kienet AMGA SpA (rappreżentanti: L. Radicati di Brozolo u T. Ubaldi, avvocati)

Partijiet oħra fil-proċeduri: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, A2A SpA, li qabel kienet ASM Brescia SpA

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza fil-Kawża T-300/02 minħabba żnaturament tal-atti tal-proċess u żball fil-konsegwenzi legali li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet minn dawn l-atti fil-parti fejn tiddikjara li Azienda Mediterranea Gas e Acqua S.p.A (AMGA) mhijiex individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata (1) u li r-rikors li hija ppreżentat fil-Kawża T-300/02 huwa inammissibbli;

tiddikjara ammissibbli r-rikors ippreżentat fil-Kawża T-300/02 u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni aggravju wieħed insostenn tal-appell tagħha, ibbażat fuq żnaturament tal-atti tal-proċess u żball fil-konsegwenzi legali li l-Qorti tal-Prim’Istanza ikkonkludiet mill-konstatazzjonijiet ineżatti magħmula fis-sentenza, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE u l-ġurisprudenza Komunitarja rilevanti. Skont Iride, b’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat kompletament l-atti li hija ppreżentat għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikkonferma il-klassifikazzjoni ta’ AMGA bħala benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija abbażi tal-iskema inkwistjoni u li l-irkupru tagħha ġie ordnat mill-Kummissjoni. Minħabba l-iżnaturament tal-atti tal-proċess, il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk żbaljatament ikkonkludiet il-konsegwenza legali li hija ma kinitx individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, u għalhekk, li r-rikors tagħha kien inammissibbli.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/193/KE tal-5 ta’ Ġunju 2002 dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil impriżi tas-servizz pubbliku b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (ĠU 2003 L 77 p. 21)