7.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 267/36


Appell ippreżentat fl-10 ta’ Awwissu 2009 minn ArchiMEDES mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) mogħtija fl-10 ta’ Ġunju 2009 fil-Kawżi magħquda T-396/05 u T-397/05, ArchiMEDES vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-317/09 P)

2009/C 267/67

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Architecture, Microclimat, Énergies Douces Europe et Sud, sarl (ArchiMEDES) (rappreżentant: P.-P. Van Gehuchten, avocat)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet

ArchiMEDES titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej sabiex tannulla s-sentenza mogħtija fl-10 ta’ Ġunju 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fil-Kawżi magħquda T-396/05 u T-397/05 u sabiex tilqa’ r-rikorsi promoturi tal-appellanti li permezz tagħhom hija talbet:

l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, inkluża f’ittra tal-5 ta’ Ottubru 2005, innotifikata lill-appellanti fl-10 ta’ Ottubru 2005, li tordna tpaċija tad-djun reċiproki tagħhom, kif ukoll

l-annullament tad-deċiżjoni ta’ rkupru inkluża fl-ittri tat-30 ta’ Awwissu 2005 u tan-nota ta’ debitu Nru 3240705638 tat-23 ta’ Awwissu 2005, innotifikati lill-appellanti fit-2 ta’ Settembru 2005,

l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm il-kuntratt, tat-30 ta’ Awwissu 2005,

li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas is-somma ta’ EUR 125 906, flimkien mal-interessi moratorji legali b’effett mit-12 ta’ Frar 2002,

sussidjarjament, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas is-somma ta’ EUR 103 551,90 flimkien mal-interessi moratorji legali b’effett mit-12 ta’ Frar 2002,

u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha tal-proċeduri.

Aggravji u argumenti prinċipali

ArchiMEDES tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, dwar it-talba tagħha intiża għall-annullament tad-deċiżjoni dwar it-tpaċija tad-djun, inkluża fl-ittra tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Ottubru 2005, l-appellanti tinvoka l-ksur, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-Artikolu 230 KE, tal-Artikolu 1291 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż u żball jew nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata. Skont l-appellanti, fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ tpaċija hija att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 230 KE, u d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni f’dan il-każ ġiet adottata bi ksur tal-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 1291 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż li jirregola l-kuntratt konkluż bejn ArchiMEDES u l-Kummissjoni li jipprovdi li, fil-każ li jkun hemm dejn ikkontestat, dan tal-aħħar isir ċert b’effett mid-data ta’ sentenza li tordna lid-debitur iħallas l-imsemmi dejn lill-kreditur. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dispożizzjonijiet iċċitati meta qieset li l-appellanti ma kellhiex iktar interess li titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2005 peress li din tal-aħħar kienet tikkostitwixxi att unilaterali illegali.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka l-ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-prinċipju ġenerali ta’ litis denuntiatio, tad-drittijiet ta’ difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat, mingħajr ma pprovdiet motivazzjoni, milli tilqa’ t-talba tagħha intiża għall-intimazzjoni tal-partijiet kontraenti l-oħra u għall-fatt li s-sentenza tkun tapplika fir-rigward tal-partijiet kontraenti kollha. Dan ir-rifjut joħloq ostakolu de facto għall-opportunitajiet ugwali tal-partijiet f’kuntratt li jkun jgħaqqad lill-Kummissjoni ma’ diversi msieħba, peress li l-Kummissjoni tista’, jekk ikun il-każ, tippreżenta r-rikors tagħha kontra l-partijiet kontraenti tagħha kollha, filwaqt li din il-possibbiltà ma teżistix fis-sitwazzjoni fejn ir-rikors jiġi ppreżentat minn waħda mill-partijiet kontraenti.

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, kompost minn żewġ partijiet, l-appellanti tinvoka l-ksur, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-Artikoli 1134 u 1165 tal-Kodiċi Ċivili, tal-prinċipju li att għandu jiġi interpretat skont it-termini tiegħu, tal-Artikoli 1.1 u 10 tal-kuntratt BU/209/95, tal-Artikoli 2.1, 2.2, 21.2 u 21.4 tal-Anness II tal-istess kuntratt, kif ukoll in-nuqqas jew l-iżball ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata. L-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, minn naħa, billi firdet id-drittijiet u l-obbligi mid-diversi partijiet kontraenti minkejja li huma responsabbli flimkien u in solidum għat-twettiq tal-kuntratt BU/209/95, u min-naħa l-oħra, billi evalwat lill-appellanti bħala terz għall-kuntratt minħabba l-istatus tagħha bħala sub-appaltatur, minkejja li hija tabilħaqq parti kontraenti.

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka l-ksur, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-Artikoli 1134 u 1184 tal-Kodiċi Ċivili, tal-prinċipju li att għandu jiġi interpretat skont it-termini tiegħu, tal-Artikolu 5 tal-Anness II tal-kuntratt BU/209/95 kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni u kontradizzjoni tas-sentenza appellata inkwantu din il-qorti rrikonoxxiet lill-Kummissjoni d-dritt li ttemm b’mod unilaterali l-imsemmi kuntratt fit-30 ta’ Awwissu 2005, minkejja li ddikjarat li r-rapport finali kien taċitament approvat mill-Kummissjoni iktar minn tliet snin qabel.