26.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 233/11


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (Il-Belġju) fil-31 ta’ Lulju 2009 — I.B. vs Il-Kunsill tal-Ministri

(Kawża C-306/09)

2009/C 233/19

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour constitutionnelle

Parti fil-kawża prinċipali

Rikorrent: I.B.

Konvenut: Il-Kunsill tal-Ministri

Domandi preliminari

(1)

Il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija in absentia mingħajr ma l-persuna kkundannata tkun ġiet informata bid-data u l-post tas-seduta, u kontra liema din il-persuna għad għandha rimedju, għandu jiġi kkunsidrat mhux bħala mandat ta’ arrest għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, skont l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [kunsinna] bejn l-Istati Membri (1), iżda bħala mandat ta’ arrest għall-iskopijiet ta’ prosekuzzjoni, skont l-Artikolu 5(3) tal-istess Deċiżjoni Qafas?

(2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikoli 4(6) u 5(3) tal-istess Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati bħala li ma jippermettux lill-Istati Membri li jissuġġettaw il-kunsinna lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat li joħroġ il-mandat ta’ persuna residenti fit-territorju tagħhom, li hija s-suġġett, fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda, ta’ mandat ta’ arrest għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, għall-kundizzjoni li din il-persuna tintbagħat lura fl-Istat ta’ eżekuzzjoni sabiex hemmhekk tiskonta s-sentenza ta’ kustodja jew l-ordni ta’ detenzjoni mogħtija b’mod definittiv fil-konfront tagħha fl-Istat li joħroġ il-mandat?

(3)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda, dawn l-istess Artikoli jiksru l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ ugwaljanza u nondiskriminazzjoni?

(4)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikoli 3 u 4 tal-istess Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jekk hemm raġunijiet validi sabiex jiġi maħsub li l-eżekuzzjoni tiegħu jkollha l-effett li tikser id-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, kif stabbiliti fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea?


(1)  ĠU L 190, p. 1.