24.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 256/11


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Lulju 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Republikka Taljana

(Kawża C-303/09)

2009/C 256/20

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: L. Flynn u E. Righini, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li, meta ma addottatx, fit-termini previsti, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tabolixxi l-iskema ta’ għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/315/KE, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar il-proroga tal-Liġi Tremonti-bis favur il-muniċipalitajiet milquta serjament minn diżastri naturali fl-2002 (innotifikata fit-22 ta’ Ottubru 2004 bin-numru C(2004) 3893, ĠU L 100 p. 46, 20 ta’ April 2005) u sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna mogħtija taħt din l-iskema, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 5 u 6 ta’ tali deċiżjoni u tat-Trattat KE;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-perijodu li fih l-Italja kellha tabolixxi l-iskema u tirkupra l-għajnuna mogħtija illegalment skada xahrejn wara n-notifika tad-deċiżjoni. Iktar minn erba’ snin wara, l-awtoritajiet Taljani kien għad fadlilhom jirkupraw iktar minn 25 % tal-għajnuna mogħtija li għalih intbagħtet ordni ta’ ħlas u għad iridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-ammont ta’ għajnuna mħallsa lill-benefiċjarji li fl-ewwel lok ma kellhomx dritt li jużaw din l-iskema.