7.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 267/30


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Session (L-Iskozja), Edinburgh (Ir-Renju Unit) fl-21 ta’ Lulju 2009 — The Commissioners for Her Majesty's Revenue & Customs vs RBS Deutschland Holdings GmbH

(Kawża C-277/09)

2009/C 267/53

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Session (L-Iskozja), Edinburgh

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: The Commissioners for Her Majesty's Revenue & Customs

Konvenut: RBS Deutschland Holdings GmbH

Domandi preliminari

F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża preżenti, fejn:

a)

sussidjarja Ġermaniża ta’ bank tar-Renju Unit xtrat karozzi fir-Renju Unit bil-għan li tikrihom lil kumpannija mhux konnessa magħha fir-Renju Unit, u ħallset it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq dawn l-akkwisti;

b)

skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit rilevanti, il-provvisti li kienu jikkonsistu fil-kiri tal-karozzi ġew ittrattati bħala servizzi pprovduti fil-Ġermanja u għaldaqstant mhux suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud fir-Renju Unit. Skont il-liġi Ġermaniża, dawn il-provvisti ġew ittrattati bħala provvista ta’ prodotti imwettqa fir-Renju Unit u għaldaqstant mhux suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud fil-Ġermanja. Il-konsegwenza kienet li ma nġabritx taxxa tal-output fuq dawn il-provvisti fl-ebda Stat Membru;

c)

il-bank tar-Renju Unit għażel lis-sussidjarja Ġermaniża tiegħu bħala persuna li tikri u ddetermina t-terminu tal-kuntratti tal-leasing sabiex jikseb il-benefiċċju li ma jkunx hemm VAT applikabbli fuq il-kirja:

1.

L-Artikolu 17(3)(a) tas-Sitt Direttiva (1) (li issa sar l-Artikolu 169(a) tad-Direttiva Prinċipali dwar il-VAT) għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti d-dritt lill-awtoritajiet tat-taxxa tar-Renju Unit li jirrifjutaw li jippermettu lis-sussidjarja Germaniża tnaqqas il-VAT li ħallset fir-Renju Unit fir-rigward tax-xiri tal-karozzi?

2.

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, il-qorti nazzjonali għandha testendi l-analiżi tagħha sabiex tikkunsidra l-possibbiltà tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiċi abbużivi?

3.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 2, it-tnaqqis tat-taxxa tal-input fuq ix-xiri tal-karozzi jmur kontra l-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti tas-Sitt Direttiva u għaldaqstant jissodisfa l-ewwel rekwiżit għal prattika abbużiva kif deskritt fil-punt 74 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Halifax plc et vs Customs & Excise Commissioners (Kawża C-255/03) fid-dawl, fost prinċipji oħra, il-prinċipju tan-newtralità ta’ tassazzjoni?

4.

Għal darb’oħra, fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 2, il-qorti għandha tikkunsidra li l-għan essenzjali tat-tranżazzjonijiet huwa li jinkiseb vantaġġ fiskali, sabiex it-tieni rekwiżit għal prattika abbużiva kif deskritt fil-punt 75 tal-imsemmija sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa sodisfatt, f’sitwazzjoni fejn tranżazzjoni kummerċjali bejn partijiet li qed joperaw b’mod awtonomu, l-għażla ta’ sussidjarja Ġermaniża li tikri l-karozzi lil klijent mir-Renju Unit, u l-kundizzjonijiet tal-leasing, saru fid-dawl li jinkiseb il-vantaġġ fiskali ta’ nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ taxxa tal-output fuq il-ħlas tal-kiri?


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill (77/388/KE) tas- 17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1).