12.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 220/24


Appell ippreżentat fit-13 ta’ Lulju 2009 minn Activision Blizzard Germany GmbH (li qabel kienet CD-Contact data GmbH) mis-sentenza mogħtija fit-30 ta’ April 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) fil-Kawża T-18/03, CD-Contact Data GmbH vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-260/09 P)

2009/C 220/49

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Activision Blizzard Germany GmbH (li qabel kienet CD-Contact Data GmbH) (rappreżentanti: J.K. de Pree u E.N.M. Raedts, avukati)

Parti oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni ppreżentat minn Contact Data;

tannulla d-Deċiżjoni, għall-inqas sa fejn tikkonċerna lil CD Contact;

sussidjarjament, tanulla s-sentenza appellata sa fejn tikkonċerna ċ-ċaħda tar-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni ppreżentat minn Contact Data u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ proċeduri

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet kwalifika ġuridika żbaljata tal-fatti meta kkonkludiet li kien hemm ftehim illegali, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, bejn Nintendo of Europe GmbH (“Nintendo”) u Contact Data, mingħajr ma eżaminat minn qabel jekk dan il-ftehim kellux l-għan li jiġi limitat il-kummerċ parallel attiv jew il-kummerċ parallel passiv.

Il-ftehim ta’ distribuzzjoni, li kien perfettament legali, kien jipprojbixxi l-kummerċ parallel attiv filwaqt li kien jawtorizza l-kummerċ parallel passiv. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li minn numru ta’ faxes mibgħuta minn Contact Data kien jirriżulta li din tal-aħħar kienet ħadet sehem fis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni stabbilita minn Nintendo, bil-għan li tirrapporta l-importazzjonijiet paralleli, bi ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Din il-konklużjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala kwalifika ġuridika żbaljata tal-fatti jew, għall-inqas, bħala ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tiddetermina jekk l-aġir kienx relatat mal-importazzjonijiet paralleli passivi jew attivi.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi meta kkunsidrat li d-dokumenti ċċitati fil-punti 56 sa 68 tas-sentenza appellata kellhom għan illegali. F’dawn id-dokumenti, Contact Data lmentat dwar esportazzjonijiet li kienu sar lejn il-Belġju bi ksur tad-drittijiet esklużivi tagħha, filwaqt li użat informazzjoni fuq il-prezz ta’ importazzjoni bħala mezz sabiex tinnegozja prezz aħjar mingħand Nintendo u għamlet riferiment għal “importazzjonijiet paralleli”. Il-konklużjoni li dawn id-dokumenti kienu relatati ma’ xi ħaġa oħra ħlief ma’ restrizzjoni ta’ bejgħ attiv fit-territorju mogħti esklużivament lil Contact Data, jew mal-mod kif Contact Data kienet għamlet pressjoni fuq il-fornitur tagħha sabiex jitnaqqas il-prezz tax-xiri tagħha, hija inkonsistenti mal-formulazzjoni ta’ dawn id-dokumenti.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li d-dokumenti msemmija kienu jikkostitwixxu prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Fin-nuqqas ta’ prova dokumentata diretta ta’ ftehim, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ qbil ta’ volontà bil-għan li jiġi limitat il-kummerċ parallel, li kien jimplika li l-politika unilaterali adottata minn Nintendo, li għandha għan antikompetittiv, tikkostitwixxi stedina lil Contact Data, kemm jekk espressa jew taċita, sabiex jintlaħaq b’mod komuni dan l-għan u, għall-inqas, il-kunsens taċitu ta’ Contact Data. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma pprovatx b’mod sodisfaċenti li dawn il-kriterji ġew sodisfatti.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma stabbilitx b’mod korrett li Contact Data kienet qablet mal-politika adottata unilateralment minn Nintendo. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod żbaljat irrifjutat li tikkunsidra r-rilevanza ta’ esportazzjonijiet ta’ prodotti magħmula minn Contact Data, billi tirreferi għall-ġurisprudenza dwar ftehim orizzontali, filwaqt li tali esportazzjonijiet jistgħu, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ ta’ ftehim vertikali, joħolqu dubju dwar il-qbil tad-distributur mal-politika illegali intiża li tostakola l-kummerċ parallel.