4.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 153/25


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Bíróság (Ir-Repubblika tal-Ungerija) fit-23 ta’ April 2009 — Pannon GSM Távközlési Rt. vs Nemzeti Hírközlési Hatóság Tanácsának Elnöke

(Kawża C-143/09)

2009/C 153/46

Lingwa tal-kawża: L-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Pannon GSM Távközlési Rt.

Konvenuta: Nemzeti Hírközlési Hatóság Tanácsának Elnöke

Domandi preliminari

1)

Skont id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari skont l-Att ta’ Adeżjoni (ĠU L 236 tal-2003) u kif ukoll skont l-Artikoli 10 KE u 249 KE, id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (iktar ’il quddiem id-“Direttiva servizz universali”), b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) u l-Anness IV tagħha, hija applikabbli fil-kuntest ta’ mekkaniżmi ta’ qsim ta’ għajnuna stabbilita għas-servizzi universali offruti fl-2003, jiġifieri qabel l-adeżjoni tal-Ungerija mal-Unjoni, fl-1 ta’ Mejju 2004, iżda fejn kemm l-obbligu ta’ kontribuzzjoni kif ukoll l-istima u l-implementazzjoni tal-għajnuna huma bbażati fuq deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva mibdija u mkomplija wara l-imsemmija adeżjoni?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun affermattiva, id-Direttiva servizz universali, u b’mod partikolari l-Artikolu 13 u l-Anness IV tagħha, tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-fornitur ta’ servizz universali għandu d-dritt li jirċevi għajnuna li l-ammont tagħha jkun ekwivalenti għad-differenza ta’ bejn it-tariffa normali u t-tariffa mnaqqsa tal-abbonament għall-imsemmi servizz?

3)

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun negattiva, għajnuna li sservi sabiex jiġi ffinanzjat servizz universali li l-ammont tiegħu mhuwiex ibbażat fuq kalkolu skont id-Direttiva servizz universali iżda fuq spejjeż li huma ogħla mil-livell nett, huwa possibbli li tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE?

4)

Interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva servizz universali tippermetti li Stat Membru jadotta miżura ta’ natura proviżorja li tistabbilixxi l-applikazzjoni ta’ regoli differenti minn dawk ipprovduti mid-Direttiva servizz universali esklużivament għal servizzi universali offruti fl-2003, qabel l-adeżjoni, iżda li, fl-istess ħin, abbażi ta’ dawn ir-regoli u effettivament mingħajr limiti ratione temporis, tawtorizza t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ qsim tal-għajnuna, u b’mod partikolari t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet u tal-għajnuna?

5)

Ir-regoli ta’ finanzjament tad-Direttiva servizz universali, u b’mod partikolari l-aħħar sentenza tal-Artikolu 13(2) kif ukoll l-Anness IV tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ir-regoli huma direttament applikabbli?