4.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 153/23


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Ordinario di Palermo (L-Italja) fil-15 ta’ April 2009 — Todaro Nunziatina & C. snc vs Assessorato del Lavoro e della Previdenza Sociale

(Kawża C-138/09)

2009/C 153/43

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Ordinario di Palermo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Todaro Nunziatina & C. snc

Konvenut: Assessorato del Lavoro e della Previdenza Sociale

Domandi preliminari

1)

Peress li l-iskema ta’ għajnuna (identifikata bin-Nru NN 91/A/95) introdotta mir-Reġjun ta’ Sqallija permezz tal-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali Nru 27 tal-15 ta’ Mejju 1991 tipprovdi mekkaniżmu għal sussidji għal numru ta’ snin, għal minimu ta’ sentejn, u għal massimu ta’ ħames snin (sentejn għal reklutaġġ b’kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol flimkien ma’ massimu ta’ tliet snin fil-każijiet fejn dawn il-kuntratti nbidlu f’kuntratti għal terminu indefinit), il-Kummissjoni Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni Nru 95/C 343/11 tal-14 ta’ Novembru 1995 li approvat l-implementazzjoni tal-iskema, kellha l-intenzjoni:

tawtorizza b’mod ġenerali tali applikazzjoni temporali u ekonomika fir-rigward tal-benefiċċji (sentejn u tliet snin), jew a contrario,

tawtorizza, eklużivament jew sussidjarjament, l-għoti ta’ sussidji għal reklutaġġ b’kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol (matul is-sentejn ħajja ta’ tali kuntratti) jew l-għoti ta’ sussidji għat-trasformazzjoni f’kuntratti għal terminu indefinit tal-kuntratti ta’ ħaddiema li preċedentement kienu reklutati b’kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol (matul tliet snin b’effett mid-data tal-bdil)?

2)

It-terminu tas-sena finanzjarja 1997 għall-implementazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea bid-Deċiżjoni 95/C 343/11 tal-14 ta’ Novembru 1995 fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-iskema introdotta mill-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali 27/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa:

t-terminu għall-previżjoni inizjali tal-ispejjeż għal għajnuna li, fi kwalunkwe każ, għandha titħallas matul is-snin sussegwenti (skont l-interpretazzjonijiet differenti possibbli, iċċitati iktar ’il fuq, tal-għajnuna awtorizzata), jew pjuttost

t-terminu finali għal ħlas materjali tas-sussidji stess mill-korpi reġjonali kompetenti?

3)

Fir-rigward ta’ reklutaġġ b’kuntratt ta’ taħriġ u ta’ xogħol skont l-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali 27/91, li beda, per eżempju, fl-1 ta’ Jannar 1996, u għalhekk matul il-perijodu ta’ implementazzjoni tal-għajnuna stabbilit fid-Deċiżjoni 95/C 343/11 tal-14 ta’ Novembru 1995, ir-Reġjun ta’ Sqallija seta’ (jew kellu) japplika konkretament l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għas-snin kollha awtorizzati (jiġifieri sentejn flimkien ma’ tliet snin), u dan ukoll meta, kif inhuwa l-każ fl-eżempju ċċitat iktar ’il fuq, l-implementazzjoni tal-iskema awtorizzata tinkludi l-ħlas materjali tas-sussidju sal-31 ta’ Diċembru 2001 (jiġifieri, 1996 + ħames snin = 2001)?

4)

Il-Kummissjoni Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni 2003/195/KE tas-16 ta’ Ottubru 2002, li l-Artikolu 1 tagħha jipprovdi: “l-iskema ta’ għajnuna li l-Italja għandha l-intenzjoni li timplementa skont l-Artikolu 11(1) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sqallija Nru 16 tas-27 ta’ Mejju 1997 hija inkompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, l-iskema ma tistax tiġi implementata”, kellha l-intenzjoni:

tirrifjuta l-awtorizzazjoni tal-iskema tal-għajnuna l-“ġdida” inkluża fl-Artikolu 11 tal-Liġi Reġjonali 16/97, peress li kkunsidrata bħala skema “awtonoma” intiża li testendi l-perijodu ta’ implementazzjoni tal-għajnuna stabbilit mill-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali Nru 27/91 lil hinn mil-31 ta’ Diċembru 1996 billi tinkludi wkoll l-ispejjeż tar-reklutaġġ u/jew ta’ trasformazjoni li ġew inkorsi fl-1997 u fl-1998, jew

kuntrarjament, li effettivament tipprekludi r-Reġjun milli jqassam materjalment ir-riżorsi ekonomiċi, sabiex twaqqaf il-ħlas konkret tal-għajnuna mill-Istat stabbilita bl-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali Nru 27/91, anki għar-reklutaġġi u/jew it-trasformazzjonijiet li saru qabel il-31 ta’ Diċembru 1996?

5)

Jekk l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni magħżula tkun dik esposta fl-ewwel inċiż tal-punt 4, din id-deċiżjoni hija kompatibbli mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 87 tat-Trattat, invokata mill-Kummissjoni bħala bażi għal sitwazzjonijiet simili ta’ eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol imsemmija fid-Deċiżjoni 2000/128/KE tal-11 ta’ Mejju 1999 (dwar il-liġijiet tal-Istat Taljan u speċifikament imfakkra fil-motivi tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà tal-2002) u fid-Deċiżjoni 2003/739/KE tat-13 ta’ Mejju 2003 (li għandha bħala suġġett il-liġijiet tar-Reġjun ta’ Sqallija)?

6)

Jekk l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni magħżula tkun dik esposta fit-tieni inċiż tal-punt 4, liema interpretazzjoni għandha tingħata lid-deċiżjoni preċedenti ta’ awtorizzazzjoni tal-miżuri tal-għajnuna, u dan b’kunsiderazzjoni għat-tifsira doppja li tista’ tingħata lill-aġġettiv “addizzjonali”: “addizzjonali fir-rigward tal-baġit stabbilit bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni” jew “addizzjonali fir-rigward tal-finanzjament magħmul mir-Reġjun, biss sal-baġit tal-1996”?

7)

Fl-aħħar nett, liema għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala legali u liema għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala illegali skont il-Kummissjoni?

8)

Liema mill-partijiet fil-kawża prinċipali (l-impriża jew id-direttorat reġjonali tax-xogħol), għandhom l-obbligu li jippruvaw li l-baġit stabbilit mill-Kummissjoni ma nqabiżx?

9)

Ir-rikonixximent eventwali favur impriżi benefiċjarji, ta’ interessi legali għal ħlas tardiv tas-sussidji kkunsidrati legali u ammissibbli għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat jekk inqabiżx il-baġit awtorizzat inizjalment bid-Deċiżjoni 95/C 343/11 tal-14 ta’ Ottubru 1995?

10)

Fil-każ fejn din hija inkluża fid-determinazzjoni ta’ dan il-qbiż, liema perċentwali tal-interessi għandha tiġi applikata?