20.6.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 141/28 |
Rikors ippreżentat fl-1 ta’ April 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju tal-Belġju
(Kawża C-120/09)
2009/C 141/50
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. van Beek u J.-B. Laignelot, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju
Talbiet tal-parti rikorrenti
— |
tikkonstata li billi ma assiguratx it-traspożizzjoni fil-liġi tal-Vallonja tal-Artikolu 2(f), (j) u (k) u tal-ittra C tal-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (1), ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi imposti fuqu taħt din id-direttiva; |
— |
tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni Ewropea qajmet żewġ ilmenti insostenn tar-rikors tagħha.
Minn naħa, hija tikkritika lill-konvenut li ma ttrasponiex fil-liġi tar-Reġjun tal-Vallonja l-kunċetti ta’ “ħażna taħt l-art”, “gass tat-terraferma” u “eluate”, previsti fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(f), (j) u (k) tad-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma. Il-Kummissjoni tinsisti fuq l-importanza ta’ dawn il-kunċetti, li, peress li huma kunċetti ewlenin għall-applikazzjoni tad-direttiva, huma wkoll riprodotti f’dispożizzjonijiet oħra adottati fuq il-bażi u skont din tal-direttiva.
Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tesponi l-fatt li l-liġi tal-Vallonja ma fiha l-ebda dispożizzjoni dwar il-limiti mixtieqa li minn meta jinqabżu jista’ jitqies li s-sit tal-miżbla għandu effett ħażin sinjifikattiv fuq il-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art. Issa, id-dispożizzjoni tal-ittra C tal-punt 4 tal-Anness III tad-direttiva, li tipprevedi l-adozzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet, hija ta’ importanza kruċjali għall-assigurazzjoni ta’ kontroll effettiv tal-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art u, konsegwentement, sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tal-ambjent li tikkostitwixxi l-għan ewlieni tad-direttiva.
(1) ĠU L 182, p. 1.