20.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/28


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Disziplinarkommission (l-Awstrija) fl-1 ta’ April 2009 — Mag. Lic. Robert Koller vs Rechtsanwaltsprüfungskommission beim Oberlandesgericht Graz

(Kawża C-118/09)

2009/C 141/48

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Disziplinarkommission

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Mag. Lic. Robert Koller

Konvenuta: Rechtsanwaltsprüfungskommission beim Oberlandesgericht Graz

Domandi preliminari

1.

Id-Direttiva 89/48/KEE (1) hija applikabbli għall-każ ta’ ċittadin Awstrijak meta dan

a)

temm b’suċċess fl-Awstrija ċiklu ta’ studji unversitarji fil-liġi u ngħata, b’deċiżjoni f’dan is-sens, it-titolu akkademiku ta’ “Magister der Rechtswissenschaften”,

b)

ġie sussegwentement awtorizzat, permezz ta’ att ta’ rikonoxximent mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u tax-Xjenza tar-Renju ta’ Spanja, wara li għadda mill-eżamijiet komplementari f’università Spanjola li madankollu involvew perijodu ta’ taħriġ ta’ inqas minn tliet snin, juża t-titolu Spanjol — ekwivalenti għat-titolu Awstrijak — ta’ “Licenciado en Derecho”, u

ċ)

kiseb, billi rreġistra ruħu mal-Kamra tal-Avukati ta’ Madrid, l-awtorizzazzjoni li juża t-titolu professjonali ta’ “abogado” fi Spanja, u effettivament eżerċita l-professjoni ta’ avukat fi Spanja, u dan, qabel ma ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu, għal tliet ġimgħat, u, fir-rigward tad-data tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza, għal mhux iktar minn ħames xhur?

2.

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tal-Bundesgesetz über den freien Dienstleistungsverkehr under die Niederlassung von europäischen Rechtsanwälten in Österreich (Liġi federali dwar il-moviment ħieles ta’ servizzi u l-istabbiliment ta’ avukati Ewropej fl-Awstrija, iktar ’il quddiem l-“EuRAG”), fis-sens li l-kisba ta’ diploma Awstrijaka fil-liġi kif ukoll l-awtorizzazzjoni li jintuża t-titolu Spanjol ta’ “Licenciado en Derecho”, mogħtija wara li wieħed jgħaddi, f’perijodu ta’ inqas minn tliet snin, minn eżamijiet komplementari f’università Spanjola, mhumiex suffiċjenti sabiex wieħed jiġi ammess joqgħod għall-eżami tal-kapaċità (aptitude test) fl-Awstrija, skont l-Artikolu 24(1) tal-EuRAG, fin-nuqqas ta’ prova tal-esperjenza prattika mitluba mid-dritt nazzjonali (Artikolu 2(2) tar-Rechtsanwaltsordnung (Kodiċi tal-Avukatura)) anki jekk l-applikant, fi Spanja, huwa awtorizzat jeżerċita professjoni inkwantu “abogado”, mingħajr rekwiżit komparabbli ta’ esperjenza prattika, u eżerċita hemmhekk din il-professjoni, qabel ma ppreżenta l-applikazzjoni, għal tliet ġimgħat, u, fir-rigward tad-data tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza, għal mhux iktar minn ħames xhur, hija kompatibbli mad-Direttiva 89/48/KEE?

3.

Il-proċeduri huma sospiżi sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tagħti d-deċiżjoni tagħha.


(1)  ĠU L 19, p. 16.