20.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/23


Appell ippreżentat fl-20 ta’ Marzu 2009 mir-Renju ta’ Spanja mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla Estiża) mogħtija fit-18 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża T-211/04, Il-Gvern ta’ Ġibiltà, Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-107/09 P)

2009/C 141/42

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Appellant: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentanti: N. Díaz Abad u J.M Rodríguez Cárcamo, aġenti)

Appellati: Il-Gvern ta’ Ġibiltà, Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellant

tannulla totalment is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li qed tiġi appellata u tagħti sentenza ġdida li tiddikjara bħala konformi mad-dritt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/261/KE tat-30 ta’ Marzu 2004 dwar l-iskema ta’ għajnuna li r-Renju Unit għandu l-intenzjoni li jwettaq fir-rigward tar-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-Gvern ta’ Ġibiltà (1) u

tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.

Ksur tal-Artikolu 299(4) KE, skont l-interpretazzjoni li saret mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel nett, is-sentenza appellata tikser l-istatus legali ta’ Ġibiltà li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat-23 ta’ Settembru 2003 u tat-12 ta’ Settembru 2006) peress li ma tiddikjarax li Gibiltà ġiet ċeduta mir-Renju ta’ Spanja lill-Kuruna Britannika permezz tat-Trattat ta’ Utrecht tal-1713 u peress li tinkludi diversi żbalji fid-definizzjoni ta’ dan l-istatus. Min-naħa l-oħra, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tikser ukoll l-Artikolu 299(4) KE billi tattribwixxi lill-Ġibiltà l-possibbiltà li tinqata’ mir-Renju Unit fil-qasam fiskali, li jimplika li r-Renju Unit jieqaf milli jieħu responsabbiltà tar-relazzjonijiet esterni ta’ Ġibiltà f’dan il-qasam u li Ġibiltà de facto tinbidel fi Stat Membru ġdid fil-qasam fiskali.

2.

Ksur tal-Artikolu 87(1) KE, peress li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tinterpretah b’mod li jipprekludi l-applikazzjoni tiegħu mill-Komunità fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-tax havens irrikonoxxuti mill-OECD. Għall-OECD, Ġibiltà hija tax haven. Is-sentenza appellata, li tikkunsidra li huwa impossibbli li jsir paragun bejn l-attività tal-impriżi f’Ġibiltà u l-attività tal-impriżi fir-Renju Unit, tmur kontra l-prinċipji ta’ din l-organizzazzjoni li tgħid li miżuri li jistgħu jiġi applikati b’mod ġenerali f’Ġibiltà jistgħu jkunu dannużi għall-Istati Membri tagħha, fosthom ir-Renju Unit. L-Artikolu 87(1) KE għandu jiġi interpretat b’mod konformi mal-prinċipji tal-OECD u, konsegwentement, dan il-paragun huwa mhux biss possibbli, iżda wkoll neċessarju.

3.

Ksur tal-linji gwida tal-BĊE tas-16 ta’ Lulju 2004, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali tikkunsidra lil Ġibiltà, flimkien ma’ 37 territorju ieħor, bħala ċentru finanzjarju extraterritorjali distint mir-Renju Unit f’dak li jikkonċerna l-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti, il-pożizzjoni ta’ investimenti globali u riżervi internazzjonali. L-analiżi tas-sentenza li qed tiġi appellata, li tipprekludi l-paragun bejn l-attività tal-impriżi f’Ġibiltà u r-Renju Unit, tmur kontra d-definiżżjoni li tippermetti dan il-paragun u timplika applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, bi ksur ta’ regola vinkolanti tad-dritt Komunitarju, bħal ma huma l-linji gwida tal-BĊE tas-16 ta’ Lulju 2004.

4.

Ksur tal-Artikolu 87(1) KE minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni li tgħid li l-għajnuna għandha tingħata minn “Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat”. Peress illi, skont l-Artikolu 299(4) KE, Ġibiltà hija territorju li ma jagħmilx parti minn Stat Membru, l-affermazzjoni tas-sentenza li l-kuntest ta’ referenza għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE jikkorrispondi esklużivament għal-limiti ġeografiċi tat-territorju ta’ Ġibiltà twassal sabiex Ġibiltà tiġi kkunsidrata bħala Stat Membru peress illi, f’każ kuntrarju, il-kundizzjoni li l-għajnuna tingħata minn “Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” ma tkunx tista’ tiġi sodisfatta.

5.

Ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, peress illi s-sentenza tapplika b’mod inġustifikat il-ġurisprudenza Azores għal xenarju differenti minn dak li jirrigwarda din is-sentenza. Jeżistu żewġ differenzi bejn is-sentenza Azores u l-każ li qed jiġi deċiż permezz tas-sentenza appellata. Minn naħa, l-Azores huwa territorju ta’ Stat Membru, li mhuwiex il-każ ta’ Ġibiltà u, min-naħa l-oħra, is-sentenza Azores kienet tirrigwarda tnaqqis fir-rata ta’ taxxa fit-tassazzjoni tal-kumpanniji, filwaqt li l-kawża dwar Ġibiltà tirrigwarda sistema ġenerali ġdida ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji.

6.

Ksur tal-Artikolu 87(1) KE, peress li s-sentenza tgħid li l-kundizzjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat mhumiex sodisfatti mill-perspettiva tas-selettività reġjonali. B’mod konkret, ir-Renju ta’ Spanja jqis li s-sentenza fiha żball ta’ liġi meta tqis li t-tlett kriterji, relatati mal-awtonomija politika, l-awtonomija proċedurali u l-awtonomija ekonomika, li ġew stabbiliti mis-sentenza Azores, huma sodisfatti.

7.

Żball ta’ liġi li jirriżulta mir-rifjut li jiġi evalwat u applikat ir-raba’ kriterju invokat mir-Renju ta’ Spanja matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Anki jekk it-tliet kriterji tas-sentenza Azores kienu kkunsidrati bħala sodisfatti, ir-raba’ kriterju ta’ armonizzazzjoni fil-kuntest tas-sistema fiskali nazzjonali tal-Istat Membru fl-oriġini tal-miżura kellu jkun meħtieġ.

8.

Ksur tal-Artikolu 87(1) KE, peress illi s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-kriterji tal-għajnuna mill-Istat mhumiex sodisfatti mill-perspettiva tas-selettività materjali. Anki jekk kellu jiġi kkunsidrat li Ġibiltà tikkostitwixxi kuntest ta’ referenza awtonomu li fid-dawl tiegħu l-kriterji tas-sentenza Azores huma sodisfatti, is-sentenza tikser l-Artikolu 87(1) KE fl-eżami tagħha tas-selettività materjali peress illi, fl-analiżi tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li r-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji li Ġibiltà tixtieq timplementa toħloq sistema li fiha 28 798 mid-29 000 kumpanniji eżistenti fil-Ġibiltà jistgħu jiġu suġġetti għal rata ta’ taxxa nulla. Dawn il-kumpanniji huma partikolarment megħjuna mill-miżura kif ukoll mis-sentenza appellata, billi, peress li tieħux deċiżjoni f’dan is-sens, tikser l-Artikolu 87(1) KE. Minbarra dan, il-Kummissjoni effettivament identifikat is-sistema fiskali komuni, bil-kontra ta’ dak li tafferma s-sentenza.

9.

Nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza li ma eżaminatx ir-raba’ kriterju invokat mir-Renju ta’ Spanja.

10.

Ksur tad-dritt fundamentali li tingħata deċiżjoni tal-kawża f’terminu raġonevoli, peress li l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza damu prattikament darbtejn iktar minn kawża normali, mingħajr ma xejn kien jiġġustifika dan, filwaqt li din iċ-ċirkustanza għandha effett rilevanti fuq il-kawża.

11.

Ksur tal-Artikolu 77(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li l-proċeduri ma ġewx sospiżi formalment wara s-seduta tal-partijiet.


(1)  ĠU L 85, p. 1