1.5.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 102/15 |
Appell ippreżentat mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-25 ta’ Frar 2009 mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) mogħtija fl-10 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża T-388/02, Kronoply GmbH & Co. KG u Kronotex GmbH & Co. KG vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, sostnuta minn Zellstoff Stendal GmbH, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Land Sachsen-Anhalt
(Kawża C-83/09 P)
2009/C 102/25
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: K. Gross u V. Kreuschitz, aġenti)
Appellati: Kronoply GmbH & Co. KG, Kronotex GmbH & Co. KG, Zellstoff Stendal GmbH, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u Land Sachsen-Anhalt
Talbiet tal-appellanti
— |
tannulla s-sentenza appellata sa fejn tiddikjara ammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat minn Kronoply GmbH & Co. KG u Kronotex GmbH & Co. KG kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 2002 li ma tqajjimx oġġezzjonijiet dwar l-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi lil Zellstoff Stendal għall-kostruzzjoni ta’ fabbrika għall-produzzjoni tal-polpa tal-karta; |
— |
tiddikjara inammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat minn Kronoply GmbH & Co. KG u Kronotex GmbH & Co. KG kontra d-deċiżjoni kontenzjuża; |
— |
tikkundanna lil Kronoply GmbH & Co. KG u Kronotex GmbH & Co. KG għall-ispejjeż. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-konklużjoni li partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE għandhom id-dritt li jressqu kawża kontra deċiżjonijiet dwar għajnuna mill-Istat tmur kontra r-rekwiżiti dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors stabbiliti fl-Artikolu 230(4) KE. Min-naħa tagħhom, partijiet interessati li mhumiex parti fil-proċeduri dwar l-għajnuna mill-Istat ma għandhomx drittijiet li jistgħu jiġu invokati permezz ta’ rikors. Għall-kuntrarju, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna tkunx ikkonċernata individwalment għandha tiġi applikata l-formula żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Plaumann. Skont din il-formula, ir-rikorrent ikun ikkonċernat individwalment biss jekk l-għajnuna jkollha konsegwenzi ekonomiċi fuqu.
Barra minn hekk, fis-sentenza appellata t-talbiet tar-rikorrenti ngħataw interpretazzjoni ġdida li mhijiex permissibbli. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat argumenti sostantivi tal-appellanti, li din ma kinitx ressqet, dwar il-protezzjoni tal-allegat dritt tagħha li tressaq rikors u dan minkejja li r-rikors kien ammissibbli biss għall-protezzjoni tal-allegati drittijiet proċedurali.
Is-sentenza appellata twassal, fl-aħħar mill-aħħar, għall-introduzzjoni ta’ dritt għal actio popularis kontra deċiżjonijiet dwar għajnuna mill-Istat, liema dritt ma jeżistix fid-dritt Komunitarju.