16.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/21


Appell ippreżentat fis-16 ta’ Frar 2009 minn Hotel Cipriani SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Sitt Awla Estiża), fit-28 ta’ Novembru 2008 fil-Kawżi Magħquda T-254/00, T-270/00 u T-277/00, Hotel Cipriani SpA et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-73/09 P)

2009/C 113/42

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Appellanti: Hotel Cipriani SpA (rappreżentant: A. Bianchini, avvocato)

Il-partijiet l-oħra fil-kawża: Società Italiana per il gas SpA (Italgas), ir-Repubblika Taljana, Coopservice — Servizi di fiducia Soc. coop. rl, Comitato “Venezia vuole vivere”, Il-Kummissjoni tal-Komunitjaiet Ewropej

Talbiet

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

a)

tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti tal-Prim’Istanza;

b)

tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza u, konsegwentement:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (1) ikkontestata fl-ewwel istanza;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni sa fejn l-ordni ta’ ħlas lura previst minn tali dispożizzjoni ġie interpretat mill-Kummissjoni bħala li jinkludi anki l-għajnuna mogħtija abbażi tal-prinċipju de minimis u/jew li tannulla l-Artikolu 5 fil-parti fejn jipprevedi l-ħlas ta’ rata’ ta’ imgħax superjuri għar-rata effettivament imħallsa mill-impriża għad-dejn tagħha stess;

ċ)

tikkundanna lill-Kummissjoni appellata għall-ispejjeż fir-rigward taż-żewġ istanzi tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.

Permezz tal-ewwel aggravju fid-dritt, Hotel Cipriani tilmenta ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 87(1) KE, ukoll minħabba nuqqas/kontradizzjoni fil-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-liġijiet u d-dispożizzjonijiet regolamentari meqjusa bħala mhux kompatibbli mal-Artikolu 87 KE ma jistabbilixxu l-ebda distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni tal-lukandi u tar-ristoranti (li fil-fatt topera fih Hotel Cipriani), u dan kemm għaliex il-kuntest tal-belt ta’ Venezja huwa tant partikolari li bl-ebda mod ma jaffettwa lis-suq komuni, kif ukoll għaliex it-tnaqqis inkwistjoni huwa biss kumpensatorju għall-ispejjeż żejda mħallsa mill-impriżi dovuti għad-diffikultà li joperaw fis-suq ġeografiku ta’ riferenza taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-partijiet l-oħra tas-suq komuni Ewropew. Dawn il-partikolaritajiet ma ttieħdux inkunsiderazzjoni b’mod xieraq mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li sempliċement sostniet — mingħajr kjarifiki xierqa — li l-vantaġġi miksuba mill-impriżi ta’ Venezja kienu iktar milli kumpensatorji għall-iżvantaġġi ambjentali, u b’hekk jirriżulta n-nuqqas/kontradizzjoni lmentata fil-motivazzjoni tas-sentenza appellata.

2.

Permezz tat-tieni aggravju fid-dritt, Hotel Cipriani tilmenta l-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, anki minħabba n-nuqqas ta’ loġika fil-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Qorti tal-Prim’Istanza warajha qiesu b’mod żbaljat li d-deroga reġjonali prevista mill-Artikolu 97(3)(ċ) KE ma kinitx tapplika, għaliex, kif spjegat b’mod eżawrjenti fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, is-suq ġeografiku ta’ riferenza kien jqis bħala legali t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mogħti mill-leġiżlazzjoni nazzjonali, għaliex huwa intiż biss sabiex tiġi ppreżervata n-natura soċjoekonomika tal-belt ta’ Venezja mingħajr ma tinħoloq — kif enfasizzat ukoll fl-aggravju preċedenti — l-ebda bidla antikompetittiva għall-kummerċ fis-suq komuni.

3.

Permezz tat-tielet aggravju fid-dritt, Hotel Cipriani tilmenta l-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 87(3)(d) KE, anki minħabba n-nuqqas ta’ loġika fil-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. F’dan il-każ, it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kjarament ingħata sabiex jgħin il-preżervazzjoni tal-patrimonju kulturali u artistiku indiskutibbli tal-belt ta’ Venezja, li tirrappreżenta spiża kunsiderevoli li għandha titħallas mill-impriżi tal-laguna u li impriżi oħra f’kuntesti territorjali differenti ma jħallsux. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-parti fejn ċaħdet l-argumenti mressqa minn Hotel Cipriani, issostni b’mod żbaljat li ma ġewx spjegati b’mod xieraq ir-raġunijiet għalfejn każ b’każ l-ispejjeż marbuta mal-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali u artistiku ta’ Venezja tħallsu mill-impriżi rikorrenti. L-affermazzjoni hija żbaljata taħt diversi angoli, b’mod speċjali għaliex il-fatt li ċ-ċentru storiku kollu ta’ Venezja bħala tali huwa suġġett għal rabtiet indiskriminanti għall-ħarsien tal-patrimonju immobiljari kien dokumentat b’mod eżawrjenti anki quddiem il-Kummissjoni.

4.

Permezz tar-raba’ aggravju fid-dritt, Hotel Cipriani tilmenta l-illegalità tal-ordni ta’ rkupru furzat tal-benefiċċji konessi minħabba ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill KE Nru 659/1999 (2), tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE. Il-previżjoni tal-irkupru tat-tnaqqis stabbilit fl-imsemmi Artikolu 14 mhijiex applikabbli fid-dawl, f’dan il-każ, tal-kuntrast ma prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, individwat anki quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali u ta’ ċertezza legali.

Permezz tal-ħames aggravju fid-dritt, Hotel Cipriani tilmenta l-ksur tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999. Fir-rigward tad-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Novembru 1999, it-terminu limitu ta’ għaxar snin stabbilit mill-imsemmi Artikolu 15 kien diġà skada (ċertament applikabbli ratione temporis għal dan il-każ), peress li l-effetti tal-allegata għajnuna mill-Istat imorru lura għal-Liġi Nru 171/1973, l-hekk imsejħa “Liġi speċjali għal Venezja”.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 1999, 2000/394/KE dwar miżuri ta’ għajnuna favur l-impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Venezja u ta’ Chioggia, previsti mil-liġijiet Nru 30/1997 u Nru 206/1995 li jistabbilixxu tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (ĠU 2000, L 150, p. 50)

(2)  ĠU L 83, p. 1