4.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 82/17


Appell ippreżentat fid-29 ta' Jannar 2009 minn Ralf Schräder kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Is-Seba' Awla) tad-19 ta' Novembru 2008, fil-Kawża T-187/06, Ralf Schräder vs L-Uffiċċju tal-Komunità ta' Varjetajiet ta' Pjanti

(Kawża C-38/09 P)

(2009/C 82/32)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Ralf Schräder (rappreżentanti: T. Leidereiter und W.-A. Schmidt, avukati)

Il-parti l-oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Komunità ta' Varjetajiet ta' Pjanti (CPVO)

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Novembru 2008 (Is-Seba' Awla) fil-Kawża T-187/06;

tilqa' t-talba li tressqet fl-ewwel istanza mir-rikorrent, intiża għal annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-CPVO tat-2 ta' Mejju 2006 (Każ A003/2004);

sussidjarjament:

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tingħata deċiżjoni mill-ġdid;

tikkundanna lis-CPVO għall-ispejjeż kollha, jiġifieri dawk tal-proċeduri f'din l-istanza, dawk tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u dawk tal-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell huwa intiż kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li ċaħdet ir-rikors tal-appellant ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Komunità ta' Varjetajiet ta' Pjanti dwar l-applikazzjoni għall-privattiva Komunitarja tal-varjetajiet ta' pjanti għall-varjetà ta' pjanti “SUMCOL 01”. L-appellant isostni li, permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li tipprovdi li l-varjetà li saret applikazzjoni għaliha ma setgħetx tiġi distinta b'mod ċar minn varjetà ta' referenza li, fil-fehma tiegħu, kellha titqies bħala magħrufa sew.

Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellant jinvoka numru ta' difetti proċedurali. Skont l-appellant, il-Qorti tal-Prim'Istanza, waqt l-evalwazzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, għamlet konstatazzjonijiet li l-ineżattezza materjali tagħhom tirriżulta direttament mill-atti tal-proċess. L-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza żnaturat il-fatti u l-provi, talbet għal iktar provi fir-rigward tal-appellant, u kisret id-dritt għal smigħ tiegħu. Għalhekk, l-appellant isostni li, il-Qorti tal-Prim'Istanza injorat parti importanti mid-deskrizzjoni tiegħu u numru ta' provi li ġew ippreżentati minnu u li ġew miċħuda minnha peress li d-deskrizzjoni kienet waħda ġenerika. Skont l-appellant, il-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, b'mod parzjali, kien impossibbli li l-appellant jippreżenta deskrizzjoni “b'mod iktar konkret”. L-appellant iqis li, b'dan il-mod, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret ukoll id-dritt ta' difiża tal-appellant u kisret il-prinċipji fil-qasam tal-oneru tal-prova u tal-amministrazzjoni tal-provi. Barra minn hekk, l-appellant jallega li l-Qorti tal-Prim'Istanza estendiet is-suġġett tal-kawża b'mod illegali, billi bbażat is-sentenza appellata fuq motivazzjoni li la kienet invokata mill-Uffiċċju u lanqas mill-Bord tal-Appell.

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant jinvoka l-ksur tad-dritt Komunitarju mill-Qorti tal-Prim'Istanza, peress li fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta' Lulju 1994 dwar drittijiet ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità, hija qieset li d-deskrizzjoni fil-litteratura xjentifika ta' varjetà tikkostitwixxi prova tal-fama tal-varjetà inkwistjoni. Barra minn hekk, l-appellant jinvoka l-ksur tal-Artikolu 62 tal-imsemmi regolament u tal-Artikolu 60 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1239/95 li jistabbilixxi r-regoli ta' implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti.