1. Appell — Interess ġuridiku — Kundizzjoni — Appell li jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-parti li ppreżentatu — Dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja — Rinunzja għat-trade mark Komunitarja — Effetti legali diversi
2. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux — Kundizzjonijiet — Rabta bejn it-trade marks
(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b) u (5))
3. Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti sottomessi lill-Qorti Ġenerali — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament — Aggravju bbażat fuq l-iżnaturament tal-punti ta’ fatt — Neċessità li jiġu indikati b’mod preċiż l-elementi żnaturati u li jintwerew l-iżbalji ta’ analiżi li wasslu għal dan l-iżnaturament
(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 112(1))
4. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati — Kriterji ta’ evalwazzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))
5. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Probabbiltà ta’ assoċjazzjoni — Trade marks preċedenti li għandhom karatteristiċi li jippermettu li jitqiesu li jagħmlu parti mill-istess“serje” jew “grupp”
(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))
1. L-interess ġuridiku jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ ammissibbiltà li għandha tibqa’ teżisti sakemm il-qorti tiddeċiedi l-mertu. Tali interess jeżisti sakemm l-appell jista’, permezz tal-eżitu tiegħu, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ressqitu.
Parti żżomm l-interess tagħha li tappella minn sentenza li tiċħad ir-rikors tagħha għall-annullament ta’ deċiżjoni li permezz tagħha, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mill-imsemmija parti kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tkun ġiet miċħuda minkejja li l-proprjetarju tal-imsemmija trade mark jirrinunzja għaliha.
Fil-fatt, ir-rinunzja fiha nfisha ma ċċaħħadx l-appell minn kull suġġett, u dan peress li l-effetti tar-rinunzja u dawk ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità ma humiex l-istess. Għaldaqstant, filwaqt li t-trade mark Komunitarja li tagħha saret ir-rinunzja tieqaf tagħti l-effetti tagħha sa mir-reġistrazzjoni ta’ din ir-rinunzja, trade mark Komunitarja ddikjarata bħala invalida titqies bħala li ma kellha l-ebda effett sa mill-bidu, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54(2) tar Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, bil-konsegwenzi legali kollha li tali invalidità ġġib magħha.
(ara l-punti 39-41, 43, 44)
2. L-eżistenza ta’ xebh bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ applikazzjoni komuni għall-Artikolu 8 (1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja.
Din il-kundizzjoni ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal timplika, kemm fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll f’dak tal-paragrafu 5 tal-istess artikolu, l-eżistenza, b’mod partikolari, ta’ elementi ta’ xebh viżiv, ta’ smigħ jew kunċettwali.
Ċertament, il-livell ta’ xebh meħtieġ fil-kuntest ta’ waħda jew oħra mid-dispożizzjonijiet huwa differenti. Fil-fatt, filwaqt li l-implementazzjoni tal-protezzjoni stabbilita bl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 hija suġġetta għall-konstatazzjoni ta’ livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti tali li jkun hemm, f’moħħ il-pubbliku kkonċernat, probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom, l-eżistenza ta’ tali probabbiltà ma hijiex meħtieġa għall-protezzjoni mogħtija mill-paragrafu 5 tal-istess artikolu. Għaldaqstant, il-ksur imsemmija fil‑paragrafu 5 jistgħu jkunu l-konsegwenza ta’ livell iktar baxx ta’ xebh bejn it-trade marks preċedenti u sussegwenti, sakemm dan ikun biżżejjed sabiex il-pubbliku kkonċernat jagħmel tqabbil bejn l-imsemmija trade marks, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom.
Min-naħa l-oħra, la mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjonijiet u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li x-xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti għandhom jiġu evalwati b’mod differenti skont jekk l-evalwazzjoni ssirx abbażi ta’ waħda jew l-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet.
L-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti għandha, bħall-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, tiġi evalwata b’mod globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha għal dan il-każ, li jinkludu mhux biss il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, iżda wkoll il-livell ta’ karattru distintiv u l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.
Fir-rigward b’mod partikolari ta’ dan l-aħħar fattur, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti, jista’ jkun neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, sabiex jiġi stabbilit jekk din ir-reputazzjoni testendix lil hinn mill-pubbliku li lejh din it-trade mark hija mmirata. Fil-fatt, huwa possibbli li l-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark sussegwenti hija rreġistrata jagħmel assoċjazzjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti għalkemm dan ikun totalment distint mill-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata.
Għaldaqstant, ir-reputazzjoni u l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jikkostitwixxu fatturi rilevanti għall-evalwazzjoni mhux tax-xebh tat-trade marks kunfliġġenti, iżda tal-eżistenza ta’ rabta bejniethom f’moħħ il-pubbliku kkonċernat.
(ara l-punti 51-54, 56-58)
3. Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-appell huwa limitat għall-punti ta’ dritt. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi ppreżentati quddiemha. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u tal-provi għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-inċiż (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 112(1) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar jobbligaw lill-appellant jindika b’mod preċiż l-elementi li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dak l-iżnaturament.
(ara l-punti 73, 78)
4. Sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ xebh eżistenti bejn it-trade marks kunfliġġenti, għandu jiġi ddeterminat il-livell ta’ xebh viżiv, ta’ smigħ, u kunċettwali bejniethom u, fejn ikun xieraq, tiġi evalwata l-importanza li għandha tingħata lil dawn l-elementi differenti, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kategorija ta’ prodotti jew servizzi inkwistjoni u l-kundizzjonijiet li fihom jiġu kkummerċjalizzati.
Għandha ssir evalwazzjoni globali tax-xebh viżiv, ta’ smigħ u kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni, li fil-kuntest tagħha l-evalwazzjoni ta’ xebh fonetiku eventwali hija biss waħda mill-fatturi rilevanti.
(ara l-punti 85, 86)
5. L-eżistenza ta’ “grupp” jew “serje” ta’ trade marks hija element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. F’dan il-każ, fil-fatt, il-probabbiltà ta’ konfużjoni tirriżulta mill-fatt li l-konsumatur jista’ jkollu żball fir-rigward tal-provenjenza jew l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u jqis, b’mod żbaljat, li dawn jagħmlu parti minn dan il-grupp jew serje ta’ trade marks.
Madankollu, dan l-element ma għandu l-ebda rilevanza fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tax-xebh bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata.
Konsegwentement, huwa biss fl-eventwalità li t-trade marks kunfliġġenti jkollhom ċertu xebh li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni b’mod globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni jew tar-rabta bejniethom, l-eżistenza ta’ “grupp” jew “serje” ta’ trade marks.
(ara l-punti 97-99)