Kawża C-546/09
Aurubis Balgaria AD
vs
Nachalnik na Mitnitsa Stolichna, li kien Nachalnik na Mitnitsa Sofia
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad)
“Kodiċi Doganali — Dazji doganali — Dejn doganali fuq l-importazzjoni — Interessi moratorji — Perijodu ta’ ġbir tal-interessi moratorji — Interessi kumpensatorji”
Sommarju tas-sentenza
1. Unjoni doganali – Tnissil u rkupru tad-dejn doganali fil-każ ta’ ksur doganali – Ġbir tal-interessi moratorji – Ammissibbiltà – Kriterji
(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikoli 202 sa 205, 210, 211, 220 u 232(1)(b); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93)
2. Unjoni doganali – Tnissil u rkupru tad-dejn doganali fil-każ ta’ ksur doganali – Ġbir tal-interessi kumpensatorji – Inammissibbiltà
(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 214(3); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 519(1))
3. Dritt tal-Unjoni – Prinċipji ġenerali tad-dritt – Prinċipju ta’ nulla poena sine lege – Portata
1. L-Artikolu 232(1)(b) tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 1791/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-interessi moratorji relatati mal-ammont tad-dazji doganali li jkunu għadhom iridu jiġu rkuprati jistgħu jinġabru, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, biss għall-perijodu sussegwenti għall-iskadenza tat-terminu għall-ħlas ta’ dan l-ammont.
L-Artikolu 232(1)(b) tal-Kodiċi Doganali la huwa intiż li jipprevjeni t-telf finanzjarju sostnut mill-awtoritajiet doganali u lanqas li jikkumpensa l-vantaġġi li jirriżultaw, għall-operaturi, mid-dewmien li jkun seħħ, minħabba l-aġir ta’ dawn tal-aħħar, fid-dħul fil-kontijiet, skont dan il-kodiċi, tad-dejn doganali kif ukoll fid-determinazzjoni tal-ammont jew tad-debitur tiegħu.
Fil-fatt, meta d-dejn doganali jitnissel abbażi tal-Artikoli 202 sa 205, 210, 211 kif ukoll 220 tal-Kodiċi Doganali, li kollha jikkonċernaw sitwazzjonijiet li huma kkaratterizzati minn ksur mill-operatur ikkonċernat tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, la l-Kodiċi Doganali u lanqas ir-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, ma jipprevedu miżuri partikolari, bħal żieda fid-drittijiet doganali li l-ammont tagħha jikkorrispondi għall-interessi moratorji li kienu dovuti għall-perijodu inkluż bejn it-tnissil tad-dejn doganali u d-dħul fil-kontijiet tiegħu, jew bejn id-data li fiha huwa dovut dan id-dejn imdaħħal fil-kontijiet oriġinarjament u d-dħul fil-kontijiet a posteriori ta’ dan id-dejn.
(ara l-punti 32-34 u d-dispożittiv 1)
2. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 1791/2006, kif emendat bir-Regolament tal- Nru 214/2007, l-Artikolu 214(3) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1791/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jimponu fuq id-debitur tad-dejn doganali interessi kumpensatorji għall-perijodu bejn id-data tad-dikjarazzjoni doganali inizjali u d-data tad-dħul fil-kontijiet sussegwenti tiegħu.
L-applikazzjoni tal-interessi kumpensatorji hija prevista biss, skont l-Artikolu 519(1) tar-Regolament Nru 2454/93, fil-każ ta’ tnissil ta’ dejn doganali fir-rigward ta’ prodotti li jikkumpensaw jew ta’ oġġetti importati taħt ipproċessar ’il ġewwa jew importazzjoni temporanja.
Għaldaqstant, l-amministrazzjoni doganali ma tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 214(3) tal-Kodiċi Doganali sabiex tapplika interessi kumpensatorji fil-kuntest ta’ sistemi doganali oħra.
(ara l-punti 37-39 u d-dispożittiv 2)
3. Il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni, jipprekludu li l-awtoritajiet nazzjonali japplikaw fir-rigward ta’ ksur doganali sanzjoni li ma hijiex espressament prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Fil-fatt dan il-prinċipju jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni li jirreprimuh. Din il-kundizzjoni tkun sodisfatta meta l-persuna suġġetta għal-liġi tkun tista’ tkun taf mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti, u jekk ikun hemm bżonn bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha mogħtija mill-qrati, liema atti u ommissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tagħha.
(ara l-punti 42 u 43 u d-dispożittiv 3)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
31 ta’ Marzu 2011(*)
“Kodiċi Doganali – Dazji doganali – Dejn doganali fuq l-importazzjoni – Interessi moratorji – Perijodu ta’ ġbir tal-interessi moratorji – Interessi kumpensatorji”
Fil-Kawża C‑546/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Diċembru 2009, fil-proċedura
Aurubis Balgaria AD
vs
Nachalnik na Mitnitsa Stolichna, li kien Nachalnik na Mitnitsa Sofia,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J.-J. Kasel, President ta’ Awla, M. Ilešič u E. Levits (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Jannar 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Aurubis Balgaria AD, minn L. Ruessmann u S. Yordanova, avukati,
– għan-Nachalnik na Mitnitsa Stolichna, li kien in-Nachalnik na Mitnitsa Sofia, minn T. Popgeorgieva u S. Valkova, avukati,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u S. Petrova, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 201(1)(a) u (2) moqri flimkien mal-Artikoli 214, 222(1)(a) u 232(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2008, L 352M, p. 629, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Aurubis Balgaria AD (iktar ’il quddiem “Aurubis”) u n-Nachalnik na Mitnitsa Stolichna, li kien in-Nachalnik na Mitnitsa Sofia (Direttur tad-dwana ta’ Sofia, iktar ’il quddiem in-“Nachalnik”), dwar l-ammont tal-interessi fuq id-dejn addizzjonali li l-imsemmija kumpannija ġiet iddikjarata li kienet suġġetta għalih bħala taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) kif ukoll dwar id-data li minnha dawn l-interessi għandhom jibdew jiddekorru.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 201(1)(a) u 2 tal-Kodiċi Doganali jipprevedi:
“1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:
(a) tal-ħelsien għal ċirkolazzjoni libera ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni,
jew
[...]
2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali konċernata.”
4 L-Artikolu 214(3) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi:
“3. Imgħax kompensatorju għandu jiġi applikat, fiċ-ċirkostanzi u taħt il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu definiti fid-dispożizzjonijiet adottati taħt il-proċedura tal-kumitat, sabiex jevitaw l-akkwist inġust ta’ vantaġġ finanzjarju permezz tad-differiment tad-data li fiha d-dejn doganali ġie inkors jew iddaħħal fil-kotba tal-kontijiet”.
5 L-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 222(1)(a) tal-Kodiċi Doganali jipprevedu:
“1. Ammonti ta’ dazju komunikati skond l-Artikolu 221 għandhom jiġu mħallsa mid-debituri fil-perjodi segwenti:
(a) jekk il-persuna ma tkunx intitolata għal xi waħda mill-faċilitajiet ta’ ħlas stipulati fl-Artikoli 224 sa 229, il-ħlas għandu jsir fil-perjodu preskritt.
Mingħajr preġudizzju għat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 244, dak il-perjodu m’għandux jeċċedi għaxart ijiem wara l-komunikazzjoni lid-debitur ta’ l-ammont ta’ dazju dovut u, fil-każ ta’ l-aggregazzjoni tad-dħul fil-kontijiet taħt il-kondizzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 218(1), għandha tiġi iffissata b’tali mod li ma jkunx possibbli li d-debitur jikseb perjodu itwal għall-ħlas milli kieku kien ingħata ħlas differit.”
6 L-Artikolu 232 tal-Kodiċi Doganali jipprevedi:
“1. Fejn l-ammont ta’ dazju dovut ma jkunx tħallas fil-perjodu preskritt:
[…]
(b) imgħax fuq l-arretrati [interessi moratorji] għandu jiġi impost minbarra l-ammont ta’ dazju. Ir-rata ta’ imgħax fuq l-arretrati tista’ tkun ogħla mir-rata ta’ imgħax ta’ kreditu. Ma tistax tkun aktar baxxa minn dik ir-rata.
2. L-awtoritajiet doganali jistgħu jirrinunzjaw għall-ġbir ta’ interessi fuq arretrati:
[…]
(ċ) jekk id-dazju jitħallas fi żmien ħamest ijiem minn meta jiskadi l-perjodu preskritt għall-ħlas.
[…]”
7 L-Artikolu 519(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2007, tat-28 ta’ Frar 2007 (ĠU, 2008, L 327M, p. 879, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”), jipprevedi kif ġej:
“Fejn isir debitu doganali fir-rigward ta’ prodotti li jikkumpensaw jew oġġetti mportati taħt proċessar ’l ġewwa jew importazzjoni temporanja, iimgħax ta’ kumpens għandu jkun dovut fuq l-ammont ta’ dazji ta’ importazzjoni għall-perjodu nvolut”
8 Skont l-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, ta’ 28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), l-importazzjonijiet ta’ merkanzija huma suġġetti għall-VAT.
9 Fir-rigward tal-ħals tal-VAT fil-mument tal-importazzjoni ta’ merkanzija, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 211 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-ħlas fir-rigward tal-importazzjoni ta’ merkanzija.
Id-dritt nazzjonali
10 Il-liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Zakon za danak varhu dobavenata stoynost, DV Nru 63, tal-4 ta’ Awwissu 2006), kif emendata (DV Nru 52, tad-29 ta’ Ġunju 2007, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-VAT”), tipprevedi fl-Artikolu 59(2) tagħha:
“It-tnissil, skont id-dispożizzjonijiet doganali, ta’ obbligu ta’ ħlas ta’ interessi fuq id-dazji doganali li jirriżultaw minn dejn doganali jnissel ukoll obbligu ta’ ħlas ta’ interessi fuq it-taxxa mhux imħallsa.”
11 L-Artikolu 60 tal-Liġi dwar il-VAT, intitolat “Ħlas tat-taxxa fuq l-importazzjoni”, jipprevedi:
“(1) It-taxxa miġbura mill-awtoritajiet doganali hija mdaħħla fil-kontijiet fil-budget tar-Repubblika skont ir-regoli ddettaljati u fit-termini previsti għall-ħlas tad-dazji doganali.
(2) L-awtoritajiet tat-taxxa u doganali ma jistgħux jikkumpensaw permezz ta’ debiti oħra t-taxxa miġbura mill-awtoritajiet doganali fil-mument tal-importazzjoni ta’ merkanzija fit-territorju nazzjonali.”
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari
12 Matul il-perijodu bejn is-6 u t-30 ta’ Novembru 2007, Aurubis importat konċentrat tar-ram li joriġina mill-Maċedonia. Din il-merkanzija “nħelsu [nħelset] għal ċirkolazzjoni libera”.
13 Id-dikjarazzjonijiet doganali ġew mimlija abbażi ta’ prezz provviżjorju, indikat fuq il-fattura tal-bejjiegħ u stabbilit b’osservanza tal-metodu ta’ ffissar tal-prezz previst fil-ftehim kummerċjali konkluż bejn dan il-bejjiegħ u Aurubis.
14 Il-prezz finali tal-merkanzija ġie stabbilit permezz tal-fattura definittiva tat-18 ta’ Frar 2008.
15 Fl-20 ta’ Ġunju 2008, Aurubis, fuq inizjattiva tagħha stess u skont l-Artikolu 78(1) tal-Kodiċi Doganali, indirizzat ittra lill-awtoritajiet dognali fejn informathom li l-fornitur kien stabbilixxa l-fattura finali dwar il-merkanzija importata u stiednet lil dawn l-awtoritajiet jaġixxu fil-kuntest tal-kompetenzi legali tagħhom fil-każ fejn huma jqisu li modifika a posteriori tal-valur doganali tal-merkanzija kienet neċessarja.
16 Fil-15 ta’ Lulju 2008, in-Nachalnik adotta deċiżjoni li tikkonstata kreditu addizzjonali tal-Istat fil-qasam tal-VAT, ta’ ammont ta’ BGN 113 822.82, dovut bl-interessi legali mit-tnissil tad-dejn doganali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2008”). Din id-deċiżjoni, li kienet tagħti terminu għall-ħlas ta’ sebat ijiem lil Aurubis, kienet ġiet innotifikata lil din tal-aħħar fis-16 ta’ Lulju 2008.
17 Permezz ta’ ordni ta’ ħlas tat-23 ta’ Lulju 2008, Aurubis ħallset id-dejn tal-VAT tagħha kif stabbilit fid-deċiżjoni tal-2008. Dan id-dejn iddaħħal fil-kontijiet fl-24 ta’ Lulju 2008.
18 Billi kienet topponi għall-ħlas tal-interessi moratorji, imposti bid-deċiżjoni tal-2008, Aurubis ressqet kawża quddiem l-Administrativen sad Sofia-Grad (Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofia), li, permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, ikkonfermat id-deċiżjoni tal-2008.
19 Fit-3 ta’ April 2009, Aurubis ippreżentat appell fuq punti ta’ liġi quddiem il-Varhoven administrativen sad (Qorti Amministrattiva Suprema) fejn ikkontestat il-legalità ta’ din is-sentenza.
20 Billi bbaża ruħu fuq l-Artikoli 201 u 214 tal-Kodiċi Doganali, in-Nachalnik qies li l-interessi moratorji fuq dejn doganali u tal-VAT imħallas a posteriori huma dovuti mid-data li fiha l-merkanzija “nħelsu [nħelset] għal ċirkolazzjoni libera”. Min-naħa tagħha, Aurubis tqis li l-interessi moratorji huma dovuti biss minn data iktar tardiva, jiġifieri – sussegwentement għad-dħul fil-kontijiet tad-dejn doganali u għall-komunikazzjoni tiegħu lid-debitur – li fiha jiskadi t-terminu għall-ħlas tad-dejn ikkunsidrat tardivament.
21 F’dan il-kuntest, il-Varhoven administrativen sad iddeċidiet li tissposendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 232(1)(b) tar-[Regolament Nru 2913/92] għandu jiġi interpretat mill-qrati nazzjonali fis-sens li l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jimponu interessi moratorji fuq dejn doganali addizzjonali ħlief għall-perijodu sussegwenti għall-eżerċizzju ta’ kontabbiltà, għan-notifika tad-debitur u għall-iskadenza tat-terminu previst mill-awtorità doganali – b’mod konformi mal-Artikolu 222(1)(a) ta’ dan ir-regolament – għall-ħlas tad-dejn doganali addizzjonali?
2) Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet rilevanti fir-[Regolament Nru 2454/93] l-Artikolu 214(3) tar-[Regolament Nru 2913/92] għandu jiġi interpretat mill-qrati nazzjonali fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux japplikaw interessi kumpensatorji għall-perijodu bejn id-data tad-dikjarazzjoni doganali inizjali u d-data tad-dħul fil-kontijiet sussegwenti?
3) Id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Nru 2913/92] u tar-[Regolament Nru 2454/93] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta ma jkunx hemm leġiżlazzjoni nazzjonali li espressament tipprovdi għal żieda fid-dazji doganali jew għal sanzjoni nazzjonali oħra sal-livell tal-ammont li kellu jinġabar bħala interessi moratorji bejn id-data tat-tnissil tad-dejn fiskali u d-data ta’ meta dan ġie sussegwentement imdaħħal fil-kontijiet, id-dritt Komunitarju ma jippermettix lill-qrati nazzjonali li jipproċedu sabiex jagħmlu tali żieda jew sabiex jimponu tali sanzjoni?”
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
22 Peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-ħlas dovut tal-interessi moratorji relatati ma’ dejn addizzjonali fil-qasam tal-VAT, l-ewwel għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam doganali.
23 Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw fir-rigward ta’ din il-kawża biss permezz tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Bulgaru u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 59(2) u 60(1) tal-Liġi dwar il-VAT li jirreferu għad-dritt Doganali, billi jiddisponu, rispettivament, li t-tnissil, skont id-dispożizzjonijiet doganali, ta’ obbligu ta’ ħlas ta’ interessi fuq id-dazji doganali li jirriżultaw minn dejn doganali jnissel ukoll obbligu ta’ ħlas ta’ interessi fuq il-VAT mhux imħallsa u li din it-taxxa hija mdaħħla fil-kontijiet skont ir-regoli ddettaljati u t-termini applikabbli għall-ħlas tad-dazji doganali.
24 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju anki meta l-fatti fil-kawża prinċipali jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija konformi, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjoni mhux koperta mid-dritt tal-Unjoni, ma’ dawk stabbiliti minn dan id-dritt. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżisti fil-fatt, fir-rigward tas-sistema legali tal-Unjoni, interess manifest li, sabiex jiġu evitati differenzi ta’ interpretazzjoni fil-futur, kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tingħata interpretazzjoni uniformi, irrispettivament miċ-ċirkustanzi li fihom għandha tiġi applikata (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Giloy, C‑130/95, Ġabra. p. I-4291, punti 19 sa 28, tal-11 ta’ Ottubru 2001, Adam, C‑267/99, Ġabra p. I-7467, punti 23 sa 29, tal-15 ta’ Jannar 2002, Andersen og Jensen, C‑43/00, Ġabra p. I-379, punti 15 sa 19; tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering, C‑3/04, Ġabra p. I-2505, punti 14 sa 19, kif ukoll tal-21 ta’ Ottubru Eredics u Sápi, C‑205/09, Ġabra p. I‑0000, punt 33).
25 F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ddikjarata ammissibbli.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
26 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 232(1)(b) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-interessi moratorji relatati mal-ammont tad-dazji doganali li jkunu għadhom iridu jiġu rkuprati jistgħu jinġabru, skont din id-dispożizzjoni, biss għall-perijodu sussegwenti għall-iskadenza tat-terminu għall-ħlas ta’ dan l-ammont.
27 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-kliem stess tal-Artikolu 232(1)(b) tal-Kodiċi Doganali, interessi moratorji huma miġbura flimkien mad-dazji “fejn l-ammont ta’ dazju dovut ma jkunx tħallas fil-perjodu preskritt”.
28 Il-ġbir tal-interessi moratorji huwa għaldaqstant suġġett għan-nuqqas ta’ ħlas tal-ammont tad-dazji fit-terminu previst u tali ġbir ma jistax isir meta d-debitur tad-dejn doganali ħallsu fit-terminu li ngħatalu.
29 L-interessi moratorji huma intiżi għaldaqstant sabiex itaffu l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-qbiż tat-terminu għall-ħlas u, b’mod partikolari, sabiex jevitaw li d-debitur tad-dejn doganali ma jiksibx indebitament vantaġġ mill-fatt li l-ammonti dovuti taħt dan id-dejn jibqgħu għad-dispożizzjoni tiegħu lil hinn mit-terminu stabbilit għall-ħlas tiegħu. Hija f’din il-perspettiva li l-Artikolu 232(1)(b) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi li r-rata tal-interessi moratorji ma tistax tkun iktar baxxa mir-rata tal-kreditu.
30 Din l-interpretazzjoni kemm litterali kif ukoll teleoloġika hija kkonfermata mill-istruttura tal-Artikolu 232 tal-Kodiċi Doganali, sa fejn dan jipprevedi, fil-paragrafu 2(ċ) tiegħu li l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrinunzjaw għall-ġbir ta’ interessi moratorji jekk id-dazju jitħallas fi żmien ħamest ijiem minn meta jiskadi l-perijodu preskritt għall-ħlas tiegħu.
31 Issa, peress li l-ħlas tad-dejn doganali fi żmien ħamest ijiem mill-iskadenza jawtorizza lill-awtoritajiet doganali jirrinunzjaw għall-ġbir tal-interessi moratorji, il-kalkolu tagħhom għandu neċessarjament ukoll ikollu bħala punt ta’ tluq din l-iskadenza.
32 Għaldaqstant, skont l-Artikolu 232(1)(b) tal-Kodiċi Doganali, l-interessi moratorji jistgħu jinġabru biss għall-perijodu sussegwenti għall-iskadenza tat-terminu għall-ħlas tad-dejn doganali, peress li dan l-artikolu la huwa intiż sabiex jipprevjeni t-telf finanzjarju sostnut mill-awtoritajiet doganali u lanqas sabiex jikkumpensa l-vantaġġi li jirriżultaw, għall-operaturi, mid-dewmien li jkun seħħ, minħabba l-aġir ta’ dawn tal-aħħar, fid-dħul fil-kontijiet, skont dan il-kodiċi, tad-dejn doganali kif ukoll fid-determinazzjoni tal-ammont jew tad-debitur tiegħu.
33 Fil-fatt, meta d-dejn doganali jitnissel abbażi tal-Artikoli 202 sa 205, 210, 211 kif ukoll 220 tal-Kodiċi Doganali, li kollha jikkonċernaw sitwazzjonijiet li huma kkaratterizzati minn ksur mill-operatur ikkonċernat tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, la l-Kodiċi Doganali u lanqas ir-Regolament ta’ implementazzjoni ma jipprevedu miżuri partikolari, bħal żieda fid-drittijiet doganali li l-ammont tagħha jikkorrispondi għall-interessi moratorji li kienu dovuti għall-perijodu inkluż bejn it-tnissil tad-dejn doganali u d-dħul fil-kontijiet tiegħu, jew bejn id-data li fiha huwa dovut dan id-dejn imdaħħal fil-kontijiet oriġinarjament u d-dħul fil-kontijiet a posteriori ta’ dan id-dejn (ara f’dan is-sens is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Hannl-Hofstetter, C‑91/02, Ġabra p. I‑12077, punti 19 u 23).
34 Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 232(1)(b) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-interessi moratorji relatati mal-ammont tad-dazji doganali li jkunu għadhom iridu jiġu rkuprati jistgħu jinġabru, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, biss għall-perijodu sussegwenti għall-iskadenza tat-terminu għall-ħlas ta’ dan l-ammont.
Fuq it-tieni domanda
35 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolament ta’ implementazzjoni, l-Artikolu 214(3) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jimponu fuq id-debitur tad-dejn doganali interessi kumpensatorji għall-perijodu bejn id-data tad-dikjarazzjoni doganali inizjali u d-data tad-dħul fil-kontijiet sussegwenti tiegħu.
36 Issa, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Artikolu 214(3) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi esspressament li l-każijiet u l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-interessi kumpensatorji “għandhom jiġu definiti fid-dispożizzjonijiet adottati taħt il-proċedura tal-kumitat”.
37 L-applikazzjoni tal-interessi kumpensatorji hija prevista biss, skont l-Artikolu 519(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, fil-każ ta’ tnissil ta’ dejn doganali fir-rigward ta’ prodotti li jikkumpensaw jew ta’ oġġetti importati taħt ipproċessar ’il ġewwa jew importazzjoni temporanja.
38 Għaldaqstant, l-amministrazzjoni doganali ma tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 214(3) tal-Kodiċi Doganali sabiex tapplika interessi kumpensatorji fil-kuntest ta’ sistemi doganali oħra.
39 Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolament ta’ implementazzjoni, l-Artikolu 214(3) tal-Kodiċi Doganali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jimponu fuq id-debitur tad-dejn doganali interessi kumpensatorji għall-perijodu bejn id-data tad-dikjarazzjoni doganali inizjali u d-data tad-dħul fil-kontijiet sussegwenti tiegħu.
Fuq it-tielet domanda
40 Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li l-awtoritajiet nazzjonali japplikaw fir-rigward ta’ ksur dognalai sanzjoni li ma hijiex espressament prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
41 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-ksur doganali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom adattati. Huma madankollu obbligati jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2000, de Andrade, C‑213/99, Ġabra p. I‑11083, punt 20, u Hannl-Hofstetter, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).
42 Issa, fost dawn il-prinċipju hemm dak tal-legalità tar-reati u tal-pieni (ara s-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, Ġabra p. I‑3633, punt 46). Dan il-prinċipju jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni li jirreprimuh. Din il-kundizzjoni tkun sodisfatta meta l-persuna suġġetta għal-liġi tkun tista’ tkun taf mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u jekk ikun hemm bżonn bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha mogħtija mill-qrati, liemi atti u ommissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tagħha (ara s-sentenzi Advocaten voor de Wereld, iċċitata iktar ’il fuq punt 50, u tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, C‑266/06 P, punt 39).
43 Fid-dawl ta’ dan li jippreċedi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju tal-legalità tar-reati u tal-pieni jipprekludu li l-awtoritajiet nazzjonali japplikaw fir-rigward ta’ ksur doganali sanzjoni li ma hijiex espressament prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Fuq l-ispejjeż
44 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 232(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-interessi moratorji relatati mal-ammont tad-dazji doganali li jkunu għadhom iridu jiġu rkuprati jistgħu jinġabru, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, biss għall-perijodu sussegwenti għall-iskadenza tat-terminu għall-ħlas ta’ dan l-ammont.
2) Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2007, tat-28 ta’ Frar 2007, l-Artikolu 214(3) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1791/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jimponu fuq id-debitur tad-dejn doganali interessi kumpensatorji għall-perijodu bejn id-data tad-dikjarazzjoni doganali inizjali u d-data tad-dħul fil-kontijiet sussegwenti tiegħu.
3) Il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni jipprekludu li l-awtoritajiet nazzjonali japplikaw fir-rigward ta’ ksur doganali sanzjoni li ma hijiex espressament prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.