Kawża C-539/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Intenzjoni mmanifestata mill-Qorti tal-Awdituri li twettaq verifiki fi Stat Membru — Rifjut minn dan l-Istat Membru — Setgħat tal-Qorti tal-Awdituri — Artikolu 248 KE — Verifika tal-kooperazzjoni tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud — Regolament (KE) Nru 1798/2003 — Dħul tal-Komunità — Riżorsi proprji li joriġinaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Sistema komuni ta’ skambju ta’ informazzjoni — Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud — Kompetenza ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri — Portata

(Artikolu 248(1) sa (3) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1798/2003)

Jonqos milli jwettaq li obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 248(1) sa (3) KE, Stat Membru li jopponi li l-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea twettaq verifiki fit-territorju tiegħu, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva skont ir-Regolament Nru 1798/2003, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tiegħu.

L-Artikolu 248 KE, li jippreċiża l-mod li bih il-Qorti tal-Awdituri hija mitluba twettaq il-missjoni ta’ verifika tal-kontijiet tagħha, jipprevedi li hija għandha teżamina l-kontijiet tad-dħul u tal-infiq kollu tal-Komunità, il-legalità u r-regolarità ta’ dan id-dħul u ta’ dan l-infiq kif ukoll it-tmexxija finanzjarja tajba. L-Artikolu 248(3) jawtorizza lill-Qorti tal-Awdituri twettaq verifiki fuq dokumenti, u jekk ikun il-każ, fuq il-post, b’mod partikolari fl-Istati Membri.

Issa, is-sistema ta’ riżorsi proprji stabbilita skont it-Trattat hija tabilħaqq intiża, fir-rigward tar-riżorsi mit-taxxa fuq il-valur miżjud, sabiex toħloq obbligu, fir-rigward tal-Istati Membri, li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Komunità, bħala riżorsi proprji, parti mill-ammonti li huma jiġbru bħala din it-taxxa. Peress li huma intiżi għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni imposti fuq l-Istati Membri bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament Nru 1798/2003 huma fihom infushom tali li jeżerċitaw influwenza diretta u essenzjali fuq il-ġbir effettiv tad-dħul minn din it-taxxa u, għaldaqstant, fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit Komunitarju ta’ riżorsi mit-taxxa fuq il-valur miżjud. Għaldaqstant, l-applikazzjoni effettiva, minn Stat Membru, tar-regoli fuq il-kooperazzjoni li r-Regolament Nru 1798/2003 jistabbilixxi tista’ tikkundizzjona mhux biss il-kapaċità ta’ dan l-Istat Membru li jiġġieled b’mod effettiv kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali fit-territorju tiegħu stess, iżda wkoll dik tal-Istati Membri l-oħra li jiżguraw tali ġlieda fit-territorji rispettivi tagħhom, speċjalment meta l-applikazzjoni korretta tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dawn l-Istati Membri l-oħra tiddependi fuq l-informazzjoni miżmuma minn dan l-Istat.

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-applikazzjoni effettiva, minn Stat Membru, tar-regoli fuq il-kooperazzjoni li r-Regolament Nru 1798/2003 jistabbilixxi tista’ tikkundizzjona mhux biss il-kapaċità ta’ dan l-Istat Membru li jiġġieled b’mod effettiv kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali fit-territorju tiegħu stess, iżda wkoll dik tal-Istati Membri l-oħra li jiżguraw tali ġlieda fit-territorji rispettivi tagħhom, speċjalment meta l-applikazzjoni korretta tal-VAT f’dawn l-Istati Membri l-oħra tiddependi fuq l-informazzjoni miżmuma minn dan l-Istat Membru jew li tista’ tinkiseb ħafna iktar faċilment minn dan tal-aħħar.

Il-verifika, mill-Qorti tal-Awdituri, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva skont ir-Regolament Nru 1798/2003, għaldaqstant tassew tirrigward d-dħul tal-Komunità ikkunsidrat mill-aspett tal-legalità tiegħu u tat-tmexxija finanzjarja tajba tiegħu u għaldaqstant għandha rabta diretta mas-setgħat mogħtija lil din l-istituzzjoni mill-Artikolu 248 KE.

(ara l-punti 59-61, 71, 77, 79, 81 u d-dispożittiv 1)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Novembru 2011 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Intenzjoni mmanifestata mill-Qorti tal-Awdituri li twettaq verifiki fi Stat Membru – Rifjut minn dan l-Istat Membru – Setgħat tal-Qorti tal-Awdituri – Artikolu 248 KE – Verifika tal-kooperazzjoni tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud – Regolament (KE) Nru 1798/2003 – Dħul tal-Komunità – Riżorsi proprji li joriġinaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud”

Fil-Kawża C‑539/09,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2009,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Caeiros u B. Conte, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn R. Passos u E. Waldherr, bħala aġenti,

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn R. Crowe, sussegwentement minn T. Kennedy u B. Schäfer, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn C. Blaschke u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, J. Malenovský u M. Safjan, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann (Relatur), G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, C. Toader u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2011,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi opponiet li l-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea twettaq verifiki, fil-Ġermanja, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003, tas-7 ta’ Ottubru 2003, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 392) u d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tiegħu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 248(1) sa (3) KE, l-Artikoli 140(2) u 142(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-baġit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 4, p. 74) u taħt l-Artikolu 10 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Regolament Nru 1605/2002 ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 279 KE u 183 KEEA. L-Artikolu 140(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament jipprovdi:

“1.      L-eżaminazzjoni mill-Qorti ta’ l-Awdituri dwar jekk l-introjtu kollu kienx riċevut u n-nefqa kollha kienetx minfuqha f’manjiera legali u xierqa għandha tqis id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, tal-budget, ta’ dan ir-Regolament, tar-regoli ta’ l-implimentazzjoni u l-atti l-oħrajn kollha permezz tat-Trattati.

2.      Fit-twettieq tad-doveri tagħha, il-Qorti ta’ l-Awdituri hija ntitolata li tikkonsulta, fil-manjera li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 142, id-dokumenti u l-informazzjoni kollha li jirrigwardjaw l-amministrazzjoni finanzjarja tad-dipertimenti jew tal-korpi fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet iffinanzjati jew ko-finanzjati mill-Komunitajiet. Għandha jkollha l-poter li tgħamel inkjesti dwar kwalunkwe uffiċjal responsabbli għall-operazzjoni ta’ l-introjtu jew tan-nefqa u li tuża kwalunkwe proċeduri xierqa ta’ l-awditjar fuq id-dipartimenti jew korpi msemmija hawn fuq. L-awditjar fl-Istati Membri għandu jkun imwettaq b’konnessjoni ma’ l-istituzzjonijiet nazzjonali ta’ l-awditjar jew, jekk dawn ma jkollhomx il-poteri meħtieġa, mad-dipartimenti nazzjonali responsabbli. Il-Qorti ta’ l-Awdituri u l-korpi nazzjonali ta’ l-awditjar ta’ l-Istati Membri għandhom jikkoperaw fl-ispirtu tal-fiduċja waqt li jżommu l-indipendenza tagħhom.

[...]”

3        L-Artikolu 142(1) tar-Regolament Nru 1605/2002 jipprovdi:

“Il-Kummissjoni, l-istituzzjoniet l-oħrajn, il-korpi li jamministraw l-introju u n-nefqa f’isem tal-Komunitajiet u l-benefiċjarji finali tal-pagamenti mill-budget għandhom jagħtu lill-Qorti ta’ l-Awdituri il-faċilitajiet kollha u jagħtuhom l-informazzjoni kollha li l-Qorti ta’ l-Awdituri tqis li tkun meħtieġa għat-twettieq tad-doveri tagħha. Huma għandhom jagħmlu għad-dispożizzjoni tal-Qorti ta’ l-Awdituri id-dokumenti kollha li jikkonċernaw l-għoti u t-twettieq ta’ kuntratti ffinanzjati mill-budget tal-Komunità u tal-kontijiet kollha tal-flus u materjali, tar-reġistri kollha tal-kontijiet u tad-dokumenti bħala sostenn, u wkoll id-dokumenti amministrattivi kollha relatati magħhom, id-dokumenti kollha relatati ma l-introjtu u n-nefqa, l-inventarji kollha, il-grafika ta’ l-organizzazzjoni kollha tad-dipartiment, li l-Qorti ta’ l-Awdituri tħoss li jkunu meħtiġa għall-awditjar tar-rapport tal-budget u l-attività finanzjarja fuq il-bażi tar-reġistri jew fuq il-post, u għall-istess skopijiet, id-dokumenti u l-informazzjoni kollha maħluqa jew maħżuna fuq medja manjetika.

Il-korpi l-oħrajn tas-servizzi jew ta’ l-awditjar intern ta’ l-amministrazzjonijiet nazzjonali kkonċernati għandhom joffru lil-Qorti ta’ l-Awdituri il-faċilitjiet kollha li hi tqis li jkunu meħtieġa għat-twettieq tad-doveri tagħha.

L-ewwel subparagrafu għandu jkun japplika wkoll għal persuni naturali jew legali li jirċievu pagamenti mill-budget tal-Komunità.”

4        Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 200), adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 269 KE u 173 KEEA, tipprovdi, fl-Artikolu 2(1)(ċ) u (d):

“Dħul minn dawn li ġejjin għandu jikkostitwixxi riżorsi tagħhom mdaħħla fil-budget ta’ l-Unjoni Ewropea:

[...]

(ċ)      l-applikazzjoni ta’ rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha biex tarmonizza l-bażijiet ta’ l-assessjar ta[t-taxxa fuq il-valur miżjud, iktar ’il quddiem il-’VAT’] skond ir-regoli tal-Komunità. Il-bażi ta’ l-assessjar li għandha titqies għal dan l-iskop m’għandhiex taqbeż il-50 % tal-[prodott gross nazzjonali , iktar ’il quddiem il-’PGN’] għal kull Stat Membru, kif definit fil-paragrafu 7;

(d)       l-applikazzjoni ta’ rata - li għandha tkun stabbilita bis-saħħa tal-proċedura tal-budget fid-dawl tat-total tad-dħul l-ieħor kollu - għas-somma tal-GNP ta’ l-Istati Membri kollha.”

5        L-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2000/597 jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-verifika tal-kontijiet u għall-iċċekkjar li huma skond il-liġi u regolari kif preskritt fl-Artikolu 248 tat-Trattat KE u l-Artikolu 160Ċ tat-Trattat Euratom, tali verifika u ċċekkjar billi huma prinċipalment konċernati ma’ l-affidabilità u l-effettività tas-sistemi nazzjonali u l-proċeduri għad-determinazzjoni tal-bażi ta’ riżorsi tagħhom li joħorġu mill-VAT u l-GNP u mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti ta’ ispezzjoni magħmula bis-saħħa ta’ l-Artikolu 279(ċ) tat-Trattat KE u l-Artikolu 183 il-punt (ċ) tat-Trattat Euratom, il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, jadotta id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex japplika din id-Deċiżjoni u biex jagħmel possibbli l-ispezzjoni tal-kollezzjoni, l-għemil disponibbli lill-Kummissjoni u l-pagament tad-dħul li hemm referenza għalih fl-Artikoli 2 u 5”.

6        Id-Deċiżjoni 2000/597 ġiet issostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom, tas-7 ta’ Ġunju 2007, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163 p. 17), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007. Skont l-Artikolu 2(1)(b) u (ċ) ta’ din l-aħħar deċiżjoni, ir-riżorsi proprji inklużi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni jkomplu jinkludu, b’mod partikolari, id-dħul li joriġina mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha għall-bażi armonizzata tal-VAT, iddeterminata skont ir-regoli tal-Komunità kif ukoll dak li joriġina mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi – li għandha tkun stabbilita fil-kuntest tal-proċedura tal-baġit fid-dawl tad-dħul l-ieħor kollu – għas-somma tad-dħul gross nazzjonali (iktar ’il quddiem id-“DGN”) tal-Istati Membri kollha.

7        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89, tad-29 ta’ Mejju 1989, dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu1, Vol. 1, p. 197) jipprovdi:

“Il-bażi tar-riżorsi tal-VAT għandhom ikunu iddeterminati mit-tranżazzjonijiet taxxabli msemmijin fl-Artikolu 2 ta[s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-’Sitt Direttiva tal-VAT’)] […]”

8        Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1553/89:

“Għal sena kalendarja partikolari, u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5 u 6, il-bażi tar-riżorsi tal-VAT għandha tkun ikkalkolata billi jkun diviż l-dħul nett totali tal-VAT miġbur minn Stat Membru matul dik is-sena bir-rata li biha l-VAT tkun applikata matul l-istess sena.

Jekk aktar minn rata waħda ta’ VAT tkun applikata fi Stat Membru, il-bażi tar-riżorsi tal-VAT għandha tkun ikkalkolata billi jkun diviż l-dħul nett totali tal-VAT miġbur bir-rata tal-medja peżata tal-VAT. […]”

9        L-ewwel żewġ premessi tar-Regolament Nru 1798/2003 jipprovdu:

“(1) L-evażjoni tat-taxxa u l-frodi li jestendu mal-fruntieri ta’ l-Istati Membri mhux biss iwasslu għal telf fil-budget imma anke jwasslu għal vjolazzjonijiet tal-prinċipji ta’ ġustizzja fiskali u jistgħu jipprovokaw distorzzjonijiet ta’ movimenti ta’ kapital u tal-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Huma għalhekk jolqtu l-attività tas-suq intern.

(2) Il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tesiġi koperazzjoni stretta bejn l-awtoritajiet amministrattivi f’kull Stat Membru li hu responsabbli għall-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet f’dak il-qasam.”

10      L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1798/2003, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li bihom l-awtoritajiet amministrattivi fl-Istati Membri responsabbli għall-applikazzjoni tal-liġijiet dwar il-VAT għall-provvisti ta’ oġġetti u servizzi, għall-akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti u għall-importazzjoni ta’ oġġetti għandhom jikkoperaw flimkien u mal-Kummissjoni biex jiżguraw konformità ma’ dawn il-liġijiet.

Għal dak il-għan, huma stabbiliti regoli u proċeduri biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri biex jikkoperaw u jibdlu informazzjoni bejniethom li tista’ tgħinhom biex jagħmlu valutazzjoni korretta tal-VAT.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli u proċeduri għall-iskambju ta’ ċerta informazzjoni b’mezzi elettroniċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ VAT fuq transazzjonijiet intra-komunitarji.

[...]”

11      L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1798/2003 jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jaħtar uffiċċju ċentrali ta’ kollegament wieħed li r-responsabbiltà prinċipali, fis-sens ta’ ħatra, hi l-kuntatti ma’ Stati Membri oħra fil-qasam tal-koperazzjoni amministrattiva

[...]”

12      L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1798/2003 li jinsab fil-Kapitolu II intitolat “Skambju ta’ informazzjoni fuq talba” jipprovdi:

“1. Fuq talba ta’ l-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, inkluża kull informazzjoni relatata ma’ każ jew każijiet speċifiċi.

2. Għall-iskop ta’ trasmissjoni ta’ l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità rikjesta għandha tirranġa għat-tmexxija ta’ kull inkjesta amministrattiva neċessarja biex tinkiseb din l-informazzjoni.

3. It-talba msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tinkludi talba raġonevoli għal inkjesta amministrattiva speċifika. [...]

[...]”

13      Il-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1798/2003 intitolat “Skambju ta’ informazzjoni mingħajr talba minn qabel” jipprevedi l-iskambju awtomatiku ta’ ċerta informazzjoni.

14      Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V ta’ dan ir-regolament jipprovdu li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi database elettronika li fiha għandha tiġi rreġistrata u pproċessata diversa informazzjoni relatata mat-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, kif ukoll database elettronika li tinkludi reġistru tal-persuni li nagħtalhom numru tal-VAT f’dan l-Istat Membru. Dawn id-dispożizzjonijiet jiddefinixxu wkoll il-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru tista’ tikseb l-aċċess għal din l-informazzjoni.

15      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1925/2004, tad-29 ta’ Ottubru 2004, li jiffissa l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003 (ĠU L 322M , p. 37) huwa b’mod partikolari intiż sabiex jispeċifika l-kategoriji ta’ informazzjoni li għandha tiġi skambjata mingħajr talba minn qabel, kif ukoll il-frekwenza li biha dan l-iskambju għandu jsir, u sabiex jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-iskambju, b’mod elettroniku, ta’ informazzjoni kkomunikata skont ir-Regolament Nru 1798/2003.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

16      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ġunju 2006, il-Qorti tal-Awdituri informat lill-Qorti tal-Awdituri Federali Ġermaniża bl-intenzjoni tagħha li tmur il-Ġermanja, bejn l-10 u t-13 ta’ Ottubru 2006, sabiex twettaq, skont l-Artikolu 248 KE, diversi verifiki relatati mar-riżorsi proprji li joriġinaw mill-VAT (iktar ’il quddiem ir-“riżorsi mill-VAT”) u dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa tal-VAT skont ir-Regolament Nru 1798/2003. L-għan mogħti kien, minn naħa, li jiġi vverifikat jekk ir-Repubblika Federali Ġermaniża kinitx stabbilixxiet l-istrutturi amministrattivi u organizzazzjonali neċessarji għal din il-kooperazzjoni amministrattiva u, min-naħa l-oħra, li jiġi eżaminat kif kienet taħdem din il-kooperazzjoni fil-każ ta’ talbiet għal informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament.

17      Din il-verifika kellha prinċipalment titwettaq fl-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament u, skont in-neċessità, fid-dipartimenti nazzjonali implikati fil-kooperazzjoni amministrattiva. F’din l-istess ittra, il-Qorti tal-Awdituri talbet lill-Qorti tal-Awdituri Federali Ġermaniża tindikalha jekk hija kellhiex l-intenzjoni tipparteċipa f’din il-verika skont l-Artikolu 248(3) KE.

18      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Settembru 2006, il-Qorti tal-Awdituri bagħtet lill-Qorti tal-Awdituri Federali Ġermaniża dokument b’iktar dettalji dwar il-programm tal-missjoni ta’ verifika prevista u talbet li tintbagħat minn qabel ċerta informazzjoni. Il-Qorti tal-Awdituri Federali Ġermaniża kienet mitluba tibagħat dan il-programm u din it-talba għal informazzjoni minn qabel lill-uffiċju ċentrali ta’ kollegament.

19      Skont dan il-programm, il-missjoni ta’ kontroll kellha tikkonċerna l-organizzazzjoni, it-tgħammir u l-funzjonament tal-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament, it-trasmissjoni jew ir-riċezzjoni ta’ talbiet għal informazzjoni u l-ipproċessar tagħhom, l-iskambju ta’ informazzjoni mingħajr talba minn qabel kif ukoll ir-reġistrazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fuq l-operazzjonijiet intra-Komunitarji permezz tad-database elettronika tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni tal-VAT (VIES) (“VAT Information Exchange System”, iktar ’il quddiem il-“VIES”), imsemmija fil-Kapitolu V tar-Regolament Nru 1798/2003. Dan il-programm kien jipprevedi wkoll li jiġu eżaminati l-problemi ta’ natura legali li jostakolaw il-kooperazzjoni amministrattiva u l-miżuri legali adottati sabiex dawn jiġu solvuti, kif ukoll il-miżuri l-oħra kollha li ġew adottati bil-għan li titejjeb l-imsemmija kooperazzjoni u għall-prevenzjoni tal-frodi, bħall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-ġlieda kontra l-frodi, il-fehim bilaterali fuq l-iskambju ta’ informazzjoni, l-annullament ta’ numri tal-VAT, il-preżenza ta’ aġenti tal-awtorità rikorrenti matul il-verifiki mwettqa mill-awtorità mitluba u l-verifiki simultanji mwettqa f’diversi Stati Membri li l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament Nru 1798/2003 jipprevedu, jew l-użu tal-possibbiltajiet offruti mill-programm Fiscalis [ara d-Deċiżjoni Nru 2235/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Diċembru 2002, li tadotta programm tal-Komunità biex tittejjeb l-operazzjoni ta’ sistemi ta’ tassazzjoni fis-suq intern (il-programm Fiscalis 2003-2007) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 364)].

20      B’ittra tat-18 ta’ Settembru 2006, il-Qorti tal-Awdituri Federali Ġermaniża indikat li hija kienet se tipparteċipa f’din il-verifika.

21      Fin-nuqqas ta’ trasmissjoni lill-Qorti tal-Awdituri tad-dokumenti mitluba fid-dawl ta’ din il-verifika u ta’ konfirmazzjoni tad-data prevista għal din il-verifika mill-uffiċċju ta’ kollegament, fil-5 ta’ Ottubru 2006, il-Qorti tal-Awdituri informat lill-Qorti tal-Awdituri Federali Ġermaniża li l-missjoni ta’ verifika kienet ġiet proposta għall-perijodu ta’ bejn l-14 u s-17 ta’ Novembru 2006.

22      Peress li l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament naqas għal darb’oħra milli jikkonferma dawn id-dati l-ġodda, il-Qorti tal-Awdituri, permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Novembru 2006 indirizzata lill-Ministeru Federali Ġermaniż tal-Finanzi, ipproponiet li l-verifiki proposti jsiru bejn l-4 u s-7 ta’ Diċembru 2006. F’din l-ittra, il-Qorti tal-Awdituri indikat li tali verifiki kienu diġà twettqu f’seba’ Stati Membri oħra u enfasizzat li l-għan ma kienx li jiġu vverifikati l-operazzjonjiet taxxabbli u l-applikazzjoni tajba tal-VAT, iżda li jiġi żgurat trattament effikaċi u korrett tat-talbiet għal informazzjoni mibgħuta jew riċevuti fil-kuntest tal-VIES.

23      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Diċembru 2006, il-Ministeru Federali tal-Finanzi oppona li fil-Ġermanja titwettaq din il-verifika, billi sostna li din ma kienet ibbażata fuq ebda bażi legali valida.

24      Wara li ġiet informata b’dan ir-rifjut mill-Qorti tal-Awdituri u billi kkunsidrat li din tal-aħħar kellha d-dritt tipproċedi bil-verifika proposta u li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet kisret l-obbligi tagħha billi opponiet li din il-verifika ssir fit-territorju tagħha, il-Kummissjoni, fit-23 ta’ Settembru 2008, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru fejn stiednitu, skont l-Artikolu 226 KE, jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għal din it-talba permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 2008.

25      Fit-23 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja opinjoni motivata u stiednet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha, fi żmien xahrejn minn meta tirċievi din l-opinjoni.

26      Billi ma kinitx sodisfatta bir-risposta li dan l-Istat Membru bagħtilha fit-22 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

 L-argumenti relatati mal-kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri fil-qasam tal-verifika tad-dħul

27      Skont il-Kummissjoni, mill-Artikolu 248 KE jirriżulta li l-missjoni tal-Qorti tal-Awdituri, fil-kapaċità tagħha ta’ awditur estern indipendenti, hija li tivverifika jekk l-operazzjonijiet finanzjarji relatati mal-ġbir u mal-użu tal-fondi tal-Komunità ġewx irreġistrati u ppreżentati korrettament, eżegwiti b’mod legali u regolari u ġestiti b’mod ekonomiku, effiċjenti u effikaċi, kif ukoll li tagħmel rakkommandazzjonijiet sabiex ittejjeb il-ġestjoni finanzjarja tal-Komunità.

28      Fid-dawl tan-natura essenzjali ta’ din il-missjoni u sabiex jiġi żgurat l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni, il-kompetenzi ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ u jkopru l-oqsma kollha kif ukoll il-korpi kollha li għandhom rabta diretta mad-dħul jew mal-infiq tal-Komunità.

29      Issa, il-ġbir tad-dħul mill-VAT għandu tali rabta mar-riżorsi mill-VAT tal-Komunità. Fil-fatt, dħul minn din it-taxxa miġbur skont is-Sitt Direttiva tal-VAT jipprovdi punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-ammont ta’ dawn ir-riżorsi.

30      Ir-Regolament Nru 1798/2003, minkejja li ma jirregolax direttament il-ġbir tad-dħul tal-Komunità, jikkundizzjona l-legalità u r-regolarità tar-riżorsi mill-VAT, peress li l-kooperazzjoni li dan ir-regolament jistabbilixxi hija intiża sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment korrett tal-VAT u b’hekk il-Komunità tkun tista’ tiddisponi effettivment minn dawn ir-riżorsi.

31      Barra minn hekk, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 248(3) KE u mit-tielet u mir-raba’ sentenzi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 140(2) u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 142(1) tar-Regolament Nru 1605/2002 u, b’mod iktar ġenerali, mid-dmir ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 10 KE jirriżulta li, f’każ ta’ verifiki li għandhom isiru fl-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom jagħtu l-appoġġ totali tagħhom lill-Qorti tal-Awdituri fit-twettiq tal-missjoni tagħha. Billi opponiet li l-Qorti tal-Awdituri twettaq il-verifika kontenzjuża fil-Ġermanja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha f’dan ir-rigward.

32      Il-Parlament Ewropew isostni li l-indipendenza tal-Qorti tal-Awdituri stabbilita fl-Artikolu 247(2) u (4) KE, kif ukoll is-setgħa ġenerali mogħtija lil din l-istituzzjoni mill-Artikolu 248(4) KE li tippreżenta osservazzjonijiet u rapporti speċjali fuq inizjattiva tagħha stess, jimplikaw li din hija libera tiddetermina s-suġġett tal-verifiki tagħha fil-kuntest tal-verifika tal-finanzi tal-Komunità, u li din il-libertà ma tistax tiġi kkundizzjonata minn leġiżlazzjoni sekondarja.

33      Interpretazzjoni restrittiva tas-setgħat tal-Qorti tal-Awdituri hija inqas u inqas iġġustifikata peress li x-xogħol tagħha joffri għajnuna preċiża kemm lill-awtorità tal-baġit kif ukoll lill-leġiżlatur Komunitarju, hekk kif jixhed, fir-rigward tal-verifika kontenzjuża, il-kontenut tar-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 8/2007, li minnha rriżulta (ĠU 2008, C 20, p. 1). Barra minn hekk, peress li l-Qorti tal-Awdituri għandha biss setgħat ta’ verifika u ta’ opinjoni, il-kwistjoni tal-bażi ġuridika tal-attivitajiet tagħha ma tqumx bl-istess manjiera bħal dik li tikkonċerna l-azzjoni normattiva tal-Komunità.

34      Il-frodi u l-evażjoni fil-qasam tal-VAT, kif ukoll id-distorzjonijiet li dawn jikkawżaw bejn l-Istati Membri, jaffettwaw il-bilanċ ġenerali tas-sistema ta’ riżorsi proprji, peress li kull tnaqqis fir-riżorsi mill-VAT għandu jiġi kkumpensat b’żieda fir-riżorsi proprji bbażati fuq id-DGN. Peress li l-kwalità tal-kooperazzjoni li jistabbilixxi f’dan ir-rigward ir-Regolament Nru 1798/2003 għandha tippermetti li jiġi żvelat frodi u peress li l-ġbir tad-dħul mill-VAT addizzjonali għaldaqstant iżid il-bażi li fuqha huma kkalkolati r-riżorsi mill-VAT, l-osservanza ta’ dan ir-regolament tabilħaqq tikkundizzjona l-legalità u r-regolarità tad-dħul tal-Komunità.

35      Il-Qorti tal-Awdituri ssostni li, peress li l-missjoni tagħha u l-kompetenzi tagħha huma mogħtija lilha mill-Artikoli 246 KE u 248 KE, hija libera li tiddefinixxi l-politika ta’ verifika tagħha, b’osservanza tad-dritt primarju u bla ħsara għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju ma jistgħu jillimitaw dawn il-kompetenzi jew jidderogaw minnhom.

36      Is-setgħa ta’ verifika tagħha tkopri l-osservanza ta’ kull dispożizzjoni li taqa’ taħt id-dritt Komunitarju li għandha effett fuq l-infiq jew id-dħul tal-Komunità, sabiex tipprovdi, permezz ta’ rapport annwali u speċjali li hija tibagħat lill-Parlament u lill-Kunsill, bażi li tippermetti li jinżammu dibattiti fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza u ta’ tfittxija ta’ titjib. Il-Qorti tal-Awdituri hija, b’mod partikolari awtorizzata, fil-kuntest tar-rapporti speċjali, tagħżel tema jew qasam li jaqa’ taħt il-kompetenzi tagħha, li fir-rigward tagħha hija tistenna li tkun tista’ tagħmel proposti għal titjib fir-rigward tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-miżuri Komunitarji kkonċernati.

37      L-interpretazzjoni proposta mill-Gvern Ġermaniż, li tirristrinġi l-kompetenza tal-Qorti tal-Awdirturi għal verifiki finanzjarji ta’ tip limitat, mingħajr ma tippermettilha tagħmel verifiki ta’ performanza abbażi ta’ kriterji bbażati fuq il-leġiżlazzjoni u fuq il-prinċipji ta’ tmexxija finanzjarja tajba, tirrendi mingħajr effett utli l-Artikolu 248(2) KE, sa fejn din id-dispożizzjoni tirreferi għall-aministrazzjoni tajba tad-dħul u tal-infiq.

38      Minn dak li ntqal jirriżulta li, għall-finijiet, minn naħa, li tiżgura ruħha mill-ġbir effettiv tad-dħul mill-VAT u mill-amminsitrazzjoni finanzjarja tajba fil-qasam tar-riżorsi mill-VAT li jirriżultaw minnha u, min-naħa l-oħra, sabiex tkun tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet eventwali, il-Qorti tal-Awdituri tista’, b’mod partikolari teżamina jekk is-sistema ta’ kooperazzjoni prevista mir-Regolament Nru 1798/2003 taħdimx korrettament u b’mod effikaċi.

39      Il-biża’, espressa mill-Gvern Ġermaniż, li l-imsemmija istituzzjoni tippretendi li tikkontrolla l-politika ekonomika tal-Istati Membri sa fejn din tikkontribbwixxi għall-ħolqien tad-DGN li jinsab huwa stess fil-bażi tal-kalkolu ta’ riżors proprju tal-Unjoni, lanqas ma hija fondata inkwantu, b’differenza għall-qasam tal-VAT, li fih l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju japplikaw għall-Istati Membri fir-rigward tal-ġbir tad-dħul, tali obbligi ma jeżistux fir-rgiward tal-mod li bih l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jmexxu l-politika ekonomika tagħhom.

40      Fir-rigward tal-argument tal-Gvern Ġermaniż dwar ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Qorti tal-Awdituri huma tal-opinjoni li dan il-prinċipju japplika għall-eżerċizzju ta’ kompetenzi ta’ natura normattiva, iżda mhux fir-rigward ta’ kompetenzi ta’ verifika jew ta’ opinjoni bħal dawk tal-Qorti tal-Awdituri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri jenfasizzaw li l-kompetenzi ta’ din tal-aħħar, sa fejn dawn jikkonċernaw l-integralità tad-dħul u tal-infiq tal-Komunità, jaqaw taħt kompetenza esklużiva li ġiet mogħtija lilha mit-Trattat, b’mod partikolari bil-għan li tipprovdi kjarifika lill-awtorita tal-baġit tal-Komunità fil-kuntest tal-verifika tal-eżekuzzjoni tal-baġit, anki jekk dawn il-kompetenzi ma jirriżultawx mill-kunċett ta’ kompetenza kondiviża u ma jistgħux ikunu affettwati mill-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali huma wkoll awtorizzati jeżerċitaw ċerti verifiki.

41      Skont il-Kummissjoni, in-natura transkonfinali tal-kooperazzjoni stabbilita bir-Regolament Nru 1798/2003 tiġġustifika f’kwalunkwe każ, l-intervent tal-Qorti tal-Awdituri, li l-kompetenza tagħha testendi, b’differenza minn dik tal-qrati nazzjonali, għall-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, is-sistema komuni ta’ riżorsi proprji teżiġi li jiġi żgurat b’mod ċentralizzat li kull Stat Membru jikkontribwixxi debitament għall-finanzjament tal-baġit tal-Komunità.

42      Skont il-Gvern Ġermaniż, il-kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri hija, anki hekk din hija kompetenza ta’ verfika u mhux ta’ deċiżjoni, kompletament limitata mit-Trattat, inkluż fir-rigward tar-redazzjoni ta’ rapport speċjali. Issa, l-Artikolu 248(1) sa (3) KE jindika li din il-kompetenza tikkonċerna biss il-kontijiet, il-legalità kif ukoll ir-regolarità tad-dħul u tal-infiq tal-Komunità.

43      F’dan ir-rigward, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġbir tad-dħul mill-VAT organizzata mir-Regolament Nru 1798/2003 ma għandha ebda rabta diretta jew suffiċjenti mad-dħul tal-Komunità. Id-dħul mill-VAT fil-fatt jaqa’ taħt il-baġit nazzjonali u għandu jiġi ddistingwit mir-riżorsi mill-VAT li, waħdehom, jikkostitwixxu dħul tal-Komunità.

44      Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2000/597 u mill-Artikoli 2 et seq. tar-Regolament Nru 1553/89, l-ammont tad-dħul mill-VAT effettivament miġubur jikkostitwixxi sempliċiment forma ta’ unita fissa ta’ kont li minnha l-ammont tad-dħul mill-VAT huwa stabbilit, wara kalkolu separat li jinkludi diversi estrapolazzjonijiet, korrezzjonijiet jew tpaċijiet.

45      Il-fatt li tnaqqis fid-dħul mill-VAT jimplika li jkun hemm iktar użu tar-riżorsi proprji bbażati fuq id-DGN tal-Istati Membri lanqas ma jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata estensjoni tas-setgħat ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri għal dan id-dħul.

46      Hekk kif jikkonferma l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2000/597, biss id-determinazzjoni korretta mill-Istati Membri tad-dħul mill-VAT miġbur u l-eżattezza tal-kalkoli tad-dħul mill-VAT magħmula mill-ewwel sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tar-riżorsi mill-VAT jistgħu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri. Min-naħa l-oħra, dan ma japplikax fil-każ tal-istrutturi tal-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali u tal-proċeduri għall-ġbir tal-VAT applikati minn dawn l-awtoritajiet, li jaqgħu biss taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Għaldaqstant, il-kompetenza ta’ verifika fir-rigward ta’ dawn l-istrutturi u ta’ dawn il-proċeduri tista’ taqa’ biss taħt il-korpi nazzjonali kompetenti.

47      Barra minn hekk deċiżjoni mod ieħor tkun twassal għal li jiġi ammess, fir-rigward tar-riżorsi proprji kkalkolati abbażi tad-DGN, li l-kompetenza ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri testendi wkoll għall-politika ekonomika tal-Istati Membri.

48      Sussidjarjament, il-Gvern Ġermaniż isostni wkoll li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà għandu, huwa wkoll, iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-verifka tal-operazzjonijiet ta’ ġbir tal-VAT u għaldaqstant, tal-kooperazzjoni amministrattiva f’dan il-qasam, lanqas ma taqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri, iżda taħt dik tal-qrati tal-awdituri nazzjonali. Verifika tas-sitwazzjonijiet transkonfinali msemmija fir-Regolament Nru 1798/2003 tista’ fil-fatt faċilment issir permezz ta’ azzjoni komuni ta’ dawn il-qrati.

 L-argumenti relatati mal-kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri fil-qasam tal-verifika tal-infiq

49      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni sostniet li l-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1798/2003 wasslet għal infiq mill-baġit tal-Unjoni, b’mod li l-verifika kontenzjuża hija ġġustifikata wkoll fir-rigward tal-kompetenzi li l-Qorti tal-Awdituri għandha fil-qasam ta’ verifika tal-infiq. Dan l-argument huwa wkoll difiż mill-Qorti tal-Awdituri li ssostni, b’mod partikolari, li mill-programm ta’ missjoni mibgħut lill-awtoritajiet Ġermaniżi, deskritt fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-verifika proposta kienet tikkonċerna r-reġistrazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni kemm permezz tan-netwerk CCN/CSI, kif ukoll permezz tan-netwerk VIES li t-tnejn li huma jibbenefikaw minn finanzjament Komunitarju, taħt il-programm Fiscalis.

50      Il-Gvern Ġermaniż isostni li dan l-argument huwa inammissibbli peress li ma kienx inkluż fir-rikors u għalhekk ma jistax jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni fl-istadju tar-replika. Fil-fatt, peress li l-Istat konvenut kien ġie mċaħħad mill-possibbiltà li jirrispondi għal dawn l-argumenti fir-risposta tiegħu, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu42(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jeskludi tali estenzjoni tas-suġġett tar-rikors. Barra minn hekk mill-Artikolu 93(4) ta’ dawn ir-regoli jirriżulta li, bħala intervenjenti, il-Qorti tal-Awdituri ma tistax tirrimedja għall-inammissibbiltà parzjali tar-rikors marbuta ma’ nuqqas tar-rikorrenti.

51      Fuq il-mertu, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-verifika proposta mill-Qorti tal-Awdituri u, għaldaqstant, l-oġġezzjoni għal din il-verifika mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kienu totalment mhux konnessi ma’ verifika tal-infiq tal-Komunità. Barra minn hekk, xewqa li jiġi vverifikat l-infiq ma tistax tiġġustifika l-verifika kontenzjuża fl-intier tagħha, peress li din tikkonċerna wkoll numru ta’ elementi li l-finanzjament tagħhom jaqa’ biss taħt il-baġit tal-Istati Membri.

52      Il-Kummissjoni ssostni li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajjma mill-Gvern Ġermaniż għandha tiġi miċħuda. Minn naħa, l-argumenti inkwistjoni ġew invokati waqt il-proċedura prekontenzjuża, u għalhekk id-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja huma ggarantiti. Min-naħa l-oħra, dawn l-argumenti ma kellhomx l-effett li jwessgħu s-suġġett tar-rikors. Barra minn hekk, kemm il-Kummissjoni, kif ukoll il-Qorti tal-Awdituri jsostnu li intervenjent jibqa’ liberu li jinvoka argumenti li ma ġewx ippreżentati mill-parti li huwa jkun qed isostni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53      Qabel xejn, għandu jitfakkar li l-oppożizzjoni manifestata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-post tal-missjoni ta’ verfika proposta mill-Qorti tal-Awdituri tmur lura għall-aħħar tas-sena 2006. Barra minn hekk, u hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza eventwali ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata abbażi tas-sitwazzjoni fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni. Issa, fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri, dan it-terminu skada f’Mejju 2009.

54      Minn dan li jippreċedi jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tat-Trattati li fid-dawl tagħhom għandu jiġi evalwat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni huma dawk li jippreċedu d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

55      Sussegwentement għal din il-preċiżjoni, hemm lok li, l-ewwel nett, li jiġi eżaminat l-allegat nuqqas tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 248(1) sa (3) KE.

56      F’dan ir-rigward hemm lok li jitfakkar li t-Trattati stabilixxew sistema ta’ tqassim ta’ kompetenzi bejn id-diversi istituzzjonijiet tal-Komunità, li tagħti lil kull istituzzjoni l-missjoni tagħha fl-istruttura istituzzjonali tal-Komunità u fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilha (sentenza tat-22 ta’ Mejju 1990, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑70/88, Ġabra p. I‑2041, punt 21).

57      Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1)(KE), il-Qorti tal-Awdituri, li ngħatat l-istatus ta’ istituzzjoni mit-Trattat ta’ Maastricht, għandha, bħall-istituzzjonijiet l-oħra, taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha mit-Trattat KE.

58      Il-kompitu tal-Qorti tal-Awdituri huwa inizjalment espress fi kliem ġenerali ħafna fl-Artikolu 246 KE li jipprevedi li din l-istituzzjoni għandha twettaq il-verifka tal-kontijiet.

59      L-Artikolu 248 KE, li jiddettalja dan il-kompitu u jispjega l-mod li bih il-Qorti tal-Awdituri hija mitluba twettqu, jipprevedi b’mod partikolari, fil-paragrafu 1, li l-Qorti tal-Awdituri għandha teżamina l-kontijiet tad-dħul u tal-infiq kollu tal-Komunità u li hija għandha tipprovdi lill-Parlament u lill-Kunsill b’dikjarazzjoni li biha tiċċertifika l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, dikjarazzjoni li tista’ tiġi ssuplementata b’evalwazzjonijiet speċifiċi għal kull qasam sinjifikattiv tal-attività Komunitarja.

60      L-Artikolu 248(2) KE jippreċiża, b’mod partikolari, li l-Qorti tal-Awdituri għandha teżamina l-legalità u r-regolarità tad-dħul u tal-infiq u għandha tiżgura li t-tmexxija finanzjarja kienet tajba, billi tindika, hija u tagħmel dan, b’mod partikolari kull irregolarità.

61      L-Artikolu 248(3) KE jawtorizza lill-Qorti tal-Awdituri twettaq verifiki fuq dokumenti, u jekk ikun il-każ, fuq il-post, b’mod partikolari fl-Istati Membri flimkien mal-korpi nazzjonali tal-verifika jew, jekk dawn ma għandhomx il-kompetenzi neċessarji, flimkien mad-dipartimenti nazzjonali kompetenti.

62      L-Artikolu 248(4) KE jipprevedi, b’mod partikolari, li l-Qorti tal-Awdituri għandha tħejji rapport annwali li hija għandha tibagħat lill-istituzzjonijiet l-oħra u li huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mat-tweġibiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet għall-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri. Din tal-aħħar tista’, bl-istess mod, tippreżenta f’kull mument l-osservazzjonijiet tagħha, b’mod partikolari fil-forma ta’ rapporti speċjali, fuq kwistjonijiet partikolari u tagħti opinjonijiet fuq it-talba ta’ waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Komunità. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tikkontribwixxi sabiex titjieb it-tmexxija finanzjarja tal-Komunità billi tipprovdi għat-trasmissjoni ta’ rapporti lill-istituzzjonijiet u għal dawn tal-aħħar biex iwieġbu għalihom (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, C‑315/99 P, Ġabra p. I‑5281, punt 27). Tali rapporti huma intiżi sabiex jipprovdu kjarifika lill-awtorità tal-baġit mitluba tagħti kwittanza għall-kontijiet kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, lill-korpi pubbliċi kollha li jistgħu jikkontribwixxu sabiex jirrimedjaw għall-lakuni eventwali jew għan-nuqqas ta’ funzjonament osservati mill-Qorti tal-Awdirtui f’dawn l-oqsma.

63      F’dan il-każ, il-verifika proposta mill-Qorti tal-Awdituri kienet intiża, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li l-istrutturi u l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni amministrattiva previsti fir-Regolament Nru 1798/2003 fil-qasam tal-VAT kienu stabbiliti u kienu qed jiffunzjonaw tajjeb, u l-konstatazzjonijiet kellhom, sussegwentement, jippermettu li eventwalment jiġu fformulati, f’rapport speċjali, rakommandazzjonijiet intiżi sabiex tiġi żgurata effikaċja aħjar ta’ dawn l-istrutturi u mekkaniżmi.

64      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 269 KE, il-baġit għandu, salv kull dħul ieħor, ikun kompeltament iffinanzjat minn riżorsi proprji.

65      Fiż-żmien li fih l-awtoritajiet Ġermaniżi opponew għaż-żamma tal-verifika kontenzjuża, is-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej kien ġiet stabbilità bid-Deċiżjoni 2000/597. Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-deċiżjoni, dawn ir-riżorsi proprji jinkludu b’mod partikolari d-dħul li joriġina mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi għall-bażi armonizzata tal-VAT, iddeterminata skont ir-regoli tal-Komunità. Dan jibqa’ l-każ taħt l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2007/436, fis-seħħ fiż-żmien li fih skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni.

66      Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1553/89, il-bażi tar-riżorsi mill-VAT hija stabbilità abbażi ta’ operazzjonijiet taxxabbli msemmija fl-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva tal-VAT. Wara l-1 ta’ Jannar 2007 din id-direttiva ġiet issostitwita bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

67      Bla ħsara għal diversi aġġustamenti previsti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 3 tiegħu jipprovdi li l-bażi tar-riżorsi mill-VAT tinkiseb billi jiġi diviż it-total tad-dħul nett mill-VAT miġbur mill-Istat Membru matul dik is-sena bir-rata li biha din it-taxxa hija miġbura matul din l-istess sena; rata medja peżata hija użata għall-finijiet ta’ din id-diviżjoni meta diversi rati ta’ VAT huma applikati fi Stat Membru.

68      Dawn l-aġġustamenti jinkludu b’mod partikolari dak li jirriżulta mill-preċiżjoni li tinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1553/89, li abbażi tagħha, sabiex jiġi applikat l-ewwel paragrafu ta’ dan l-istess artikolu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għad-determinazzjoni tar-riżorsi mill-VAT, l-operazzjonijiet li l-Istati Membri jkomplu jeżentaw bis-saħħa tal-Artikolu 28(3)(b) tas-Sitt Direttiva tal-VAT. F’dan ir-rigward, it-tieni inċiż tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1553/89 b’mod partikolari jipprovdi li, sabiex jiġi applikat it-tielet inċiż tal-Artikolu2(2) ta’ dan l-istess Regolament, l-Istati Membri għandhom jikkalkolaw il-bażi tar-riżorsi mill-VAT daqs li kieku dawn l-operazzjonijiet kienu ntaxxati, u dan sabiex dawn l-Istati Membri jitqiegħdu fuq l-istess livell bħall-Istati Membri l-oħra li ma għażlux li jeżentaw settur partikolari (ara s-sentenza tat-23 ta’ Mejju 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑251/88, Ġabra p. I‑2107, punt 14).

69      F’dawn l-aspetti differenti, huwa ċertament veru li d-dħul li joriġina mill-ħlas tal-VAT jibqa’, fil-biċċa l-kbira tiegħu, dħul fiskali nazzjonali inkluż fil-baġit tal-Istati Membri, b’mod li perċentwali żgħir biss ta’ dan id-dħul jiġi inkluż fil-bagit Komunitarju bħala riżorsi proprji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑414/97, Ġabra p. I‑5585, punt 23).

70      Huwa wkoll veru, hekk kif sostna l-Gvern Ġermaniż, li l-kalkolu tal-ammont tar-riżorsi mill-VAT ma jikkonsistix biss f’perċentwali ta’ dħul mill-VAT effettivment miġbur, iżda tali kalkolu jinvolvi diversi korrezzjonijiet skont, b’mod partikolari, l-għanijiet imfakkra fil-punt 68 ta’ din is-sentenza.

71      Madankollu tali konstatazzjonijiet ma jbidlux il-fatt li s-sistema ta’ riżorsi proprji stabbilita skont it-Trattat hija tabilħaqq intiża, fir-rigward tar-riżorsi mill-VAT, sbaiex toħloq obbligu, fir-rigward tal-Istati Membri, li jqegħdu għad-dispożizzjoni tal-Komunità, bħala riżorsi proprji, parti mill-ammonti li huma jiġbru bħala VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 1990, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑30/89, Ġabra p. I‑691, punt 23). Dawn il-konstatazzjonijiet lanqas ma jaffettwaw il-fatt li l-Istati Membri huma obbligati, sabiex jiżguraw ġbir effettiv ta’ dan id-dħul mill-VAT u sabiex ikunu jistgħu, skont kif meħtieġ mid-Deċiżjonijiet 2000/597 jew 2007/436 u mir-Regolament Nru 1553/89, iqegħdu għad-dispożizzjoni tal-baġit Komunitarju riżorsi mill-VAT korrispondenti, josservaw id-diversi regoli tad-dritt Komunitarju relatati ma’ dan il-ġbir, bħal dawk inklużi fis-Sitt Direttiva tal-VAT u fid-Direttiva tal-VAT, jew ukoll fir-Regolament Nru 1798/2003. F’dan ir-rigward is-sitwazzjoni hija sinjifikattivament differenti minn dik li tapplika għar-riżorsi proprji bbażati fuq id-DGN tal-Istati Memebri.

72      Għaldaqstant hemm rabta diretta bejn, minn naħa, il-ġbir tad-dħul mill-VAT skont id-dritt Komunitarju applikabbli u, min-naħa l-oħra, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit Komunitarju tar-riżorsi mill-VAT korrispondenti, peress li kull lakuna fil-ġbir ta’ dawn tal-ewwel potenzjalment tikkawża tnaqqis fit-tieni.

73      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari kkonstatat li, meta Stat Membru naqas milli jissuġġetta għall-VAT tip ta’ operazzjoni bi ksur tar-rekwiżiti li jirriżultaw mis-Sitt Direttiva tal-VAT, tali ksur jista’ wkoll jammonta għal nuqqas ta’ dan l-Istat li jwettaq l-obbligu tiegħu li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, bħala riżorsi mill-VAT, l-ammonti li jikkorrispondu għat-taxxa li kien immissha nġabret fuq dawn l-operazzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑276/97, Ġabra p. I‑6251, punti 49, 56, 61 u 70; Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑358/97, Ġabra p. I‑6301, punti 58, 65, 69 u 78, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑359/97, Ġabra p. I‑6355, punti 70, 77 u 87).

74      Bl-istess mod, wara li osservat li mill-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva, kif ukoll mill-Artikolu 10 KE jirriżulta li kull Stat Membru għandu l-obbligu li jadotta l-liġijiet u l-miżuri amministrattivi neċessarji sabiex jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT kollu dovut fit-territorju tiegħu u wara li ppreċiżat li, fil-kuntest tas-sistema komuni ta’ VAT, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-osservanza tal-obbligi li għalihom huma suġġetti l-persuni taxxabbli u li huma jibbenefikaw, f’dan ir-rigward, minn ċertu flessibbiltà fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ kif għandhom jużaw il-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu żiedet li din il-flessibbiltà hija, madankollu, limitata, b’mod partikolari, mill-obbligu li jiġi ggarantit ġbir effettiv tar-riżorsi proprji tal-Komunità (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑132/06, Ġabra p. I‑5457, punti 37 sa 39).

75      Fost l-għanijiet tal-Kunsill waqt l-adozzjoni tas-Sitt Direttiva tal-VAT, hemm fost oħrajn, hekk kif jirriużlta b’mod partikolari mill-ħdax-il premessa tagħha, sussegwentement riprodotta fil-premessa 35 tad-Direttiva tal-VAT, dak li jiġi żgurat li r-riżorsi proprji tal-Komunità huma miġbura b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, “Goed Wonen ”, C‑326/99, Ġabra p. I‑6831, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Barra minn hekk, għandu wkoll jitfakkar li kull tnaqqis fir-riżorsi mill-VAT għandu jiġi kkumpensat permezz ta’ tnaqqis fl-infiq jew permezz ta’ żieda fir-riżorsi proprji bbażati fuq id-DGN, fatt li huwa tali li jaffettwa l-bilanċ ġenerali tas-sistema ta’ riżorsi proprji intiża sabiex tkopri l-infiq tal-Komunità.

77      Speċifikament, fir-rigward tar-Regolament Nru 1798/2003, hemm lok li jiġi rrilevat li, peress li huma intiżi għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fil-qasam tal-VAT fl-Istati Membri kollha, il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni imposti fuq l-Istati Membri bis-saħħa ta’ dan ir-regolament huma fihom infushom tali li jeżerċitaw influwenza diretta u essenzjali fuq il-ġbir effettiv tad-dħul mill-VAT u, għaldaqstant, fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit Komunitarju ta’ riżorsi mill-VAT.

78      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li parti sostanzjali tal-frodi fil-qasam tal-VAT isseħħ fil-mument ta’ kummerċ intra-Komunitarju veru jew allegat u, min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement iddeċidiet li l-għajnuna reċiproka u l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri kkonċernati hija ta’ importanza fundamentali sabiex, b’mod partikolari, jiġi evitat li l-akkwisti intra-Komunitarji jaħarbu mill-ħlas tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, R. C‑285/09, Ġabra p. I‑0000, punt 52).

79      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-applikazzjoni effettiva, minn Stat Membru, tar-regoli fuq il-kooperazzjoni li r-Regolament Nru 1798/2003 jistabbilixxi tista’ tikkundizzjona mhux biss il-kapaċità ta’ dan l-Istat Membru li jiġġieled b’mod effettiv kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali fit-territorju tiegħu stess, iżda wkoll dik tal-Istati Membri l-oħra li jiżguraw tali ġlieda fit-territorji rispettivi tagħhom, speċjalment meta l-applikazzjoni korretta tal-VAT f’dawn l-Istati Membri l-oħra tiddependi fuq l-informazzjoni miżmuma minn dan l-Istat Membru jew li tista’ tinkiseb ħafna iktar faċilment minn dan tal-aħħar.

80      Minn dan li jippreċedi jirriżulta li kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali bħal dik stabbilita bir-Regolament Nru 1798/2003 hija tali li tikkontribbwixxi, jekk mwettqa b’mod effikaċi u skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, għal tnaqqis fil-frodi u għall-ġbir effettiv tad-dħul mill-VAT kif ukoll, f’miżura korrispondenti, għaż-żamma tar-riżorsi mill-VAT fuq il-livell meħtieġ skont id-diversi atti leġiżlattivi Komunitarji applikabbli, u għaldaqstant, għaż-żamma tal-bilanċ ġenerali tar-riżorsi proprji.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi aċċettat li l-Qorti tal-Awdituri kellha kompetenza biex twettaq il-verifika kontenzjuża proposta peress li din il-verifika kellha tikkonċerna l-kooperazzjoni amministrattiva skont ir-Regolament Nru 1798/2003, kienet tassew tirrigwarda d-dħul tal-Komunità ikkunsidrat mill-aspett tal-legalità tiegħu u tat-tmexxija finanzjarja tajba tiegħu u għaldaqstant kellha rabta diretta mas-setgħat mogħtija lil din l-istituzzjoni mill-Artikolu 248 KE.

82      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, sa fejn tali konstatazzjoni hija ddettata minn dan l-artikolu, din ma tistax tiġi kkonfutata b’mod partikolari bil-preċiżjoni li tinstab fl-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2000/597, li abbażi tagħha din id-dispożizzjoni hija bla ħsara għall-verifika tal-kontijiet u għall-verifiki ta’ konformità u ta’ regolarità previsti fl-Artikolu 248 KE, verifiki li jikkonċernaw essenzjalment l-affidabbiltà u l-effikaċja tal-proċeduri u tas-sistemi nazzjonali għad-determinazzjoni tal-bażi għar-riżorsi mill-VAT. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, sa dan iż-żmien, din il-preċiżjoni tneħħiet mill-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2007/436.

83      Barra minn hekk, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 81 ta’ din is-sentenza, il-verifika kontenzjuża proposta taqa’ kollha kemm hi taħt il-kompetenza li l-Qorti tal-Awdituri għandha fil-qasam tal-verifika tad-dħul, ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kwistjoni dwar jekk, u eventwalment sa fejn, din il-verifika setgħet ukoll tkun iġġustifikata taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri fil-qasam tal-verifika tal-infiq, u għaldaqstant, lanqas li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-argumenti rilevanti żviluppati mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Awdituri.

84      Barra minn hekk, lanqas ma huwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni, fil-kuntest ta’ din il-kawża, fuq il-kwistjoni dwar jekk, u eventwalment sa fejn, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà invokat, sussidjarjament, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanzja fid-difiża tagħha jista’ jiġi applikat, fil-qasam tal-verifiki, sabiex jiġu sseparati l-interventi rispettivi tal-Qorti tal-Awdituri u tal-korpi ta’ verifka nazzjonali. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, anki fuq il-preżunzjoni li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà għandu jiġi applikat f’dan il-każ, id-dimensjoni transkonfinali tal-kooperazzjoni amministrattiva fir-rigward tal-VAT stabbilita bir-Regolament Nru 1798/2003 f’kull każ twassal sabiex jitqies li l-verfika kontenzjuża hija konformi ma’ dan il-prinċipju. Fil-fatt, peress li tali verifika hija intiża sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-kooperazzjoni li fiha jipparteċipaw amministrazzjonijiet tal-Istati Membri kollha, funzjonament tajjeb li għalhekk parzjalment jiddependi fuq il-kapaċità ta’ kull waħda minn dawn l-amministrazzjonijiet li tiġġieled kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fit-territorju tagħha, din il-verifika hija neċessarjament mwettqa aħjar b’mod ċentralizzat, fuq il-livell tal-Komunità, mill-Qorti tal-Awdituri, peress li, b’mod partikolari, il-kamp ta’ kompetenza ta’ din tal-aħħar jestendi, b’differenza min dak tal-qrati tal-awdituri nazzjonali, għall-Istati Membri kollha.

85      Peress li minn dan kollu li jippreċedi jirriżulta li l-Qorti tal-Awdituri kellha l-kompetenza, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 248 KE, sbiex twettaq verfika bħall-verifika kontenzjuża, għandu jiġi kkonstatat li, billi opponiet it-twettiq ta’ din il-verifika fit-territorju tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dan l-artikolu, b’mod partikolari taħt il-paragrafu 3 tiegħu.

86      Minn dan jirriżulta li dan il-kap tar-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi milqugħ.

87      It-tieni nett, fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 10 KE, invokat ukoll mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed, min-naħa l-oħra, li jiġi osservat li ma hemmx lok li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ġenerali inklużi fid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, nuqqas li huwa distint min-nuqqas ikkonstatat tat-twettiq tal‑obbligi iktar speċifiċi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha taħt l‑Artikolu 248 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑334/08, Ġabra p. I‑6869), punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, u hekk kif ġie mfakkar, l-Artikolu 248(3) KE jipprevedi espressament li l-verifiki li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu jistgħu, jekk ikun neċessarju, isiru fuq il-post fl-Istati Membri, u tali verifiki jsiru flimkien mal-korpi nazzjonali tal-verfika jew mad-dipartimenti nazzjonali kompetenti mitluba, f’każ bħal dan, jikkooperaw mal-Qorti tal-Awdituri fi spirtu ta’ fiduċja.

88      It-tielet nett, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata nuqqas ta’ twettiq, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tal-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 140(2) u 142(1) tar-Regolament Nru 1605/2002.

89      F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-prova fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obligu li hija tallega, la ppruvat tispjega kif in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija takkuża lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bih fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandu eventwalment jiġi distint minn dak li hija qed titlob il-konstatazzjoni tiegħu fir-rigward tal-Artikolu 248(1) sa (3) KE u lanqas, barra minn hekk, sa fejn l-attitudni adottata minn dan l-Istat Membru tista’, fir-rigward tal-kliem preċiż li bih inkitbu dawn l-Artikoli 140(2) u 142(1), tikkostitwixxi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

90      Minn dan jirriżulta li dan il-kap tar-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

91      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi opponiet li l-Qorti tal-Awdituri twettaq verifiki fil-Ġemanja, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva skont ir-Regolament Nru 1798/2003 u d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tiegħu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 248(1) sa (3) KE.

 Fuq l-ispejjeż

92      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Parlament, u l-Qorti tal-Awdituri, intervenjenti, għandhom jbatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi opponiet li l-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea twettaq verifiki fil-Ġemanja, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003, tas-7 ta’ Ottubru 2003, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tiegħu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 248(1) sa (3) KE.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

4)      Il-Parlament Ewropew u l-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.