Kawża C–537/09
Ralph James Bartlett et
vs
Secretary of State for Work and Pensions
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (ir-Renju Unit))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Element ta’ ‘mobbiltà’ fl-allowance ta’ sussistenza għal persuni b’diżabbiltà (‘disability living allowance’) — Benefiċċju separat — Benefiċċju speċjali mhux kontributorju — Nuqqas ta’ esportabbiltà”
Sommarju tas-sentenza
1. Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Benefiċċji speċjali mhux kontributorji — Kunċett
(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 4(2) u Anness B)
2. Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Benefiċċji speċjali mhux kontributorji — Kunċett
(Artikolu 48 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 10a)
1. L-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 631/2004, kif ukoll bl-istess Regolament Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament Nru 647/2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-element ta’ “mobbiltà” ta’ allowance ta’ sussistenza għal persuni b’diżabbiltà jikkostitwixxi benefiċċju speċjali fi flus mhux kontributorju skont din id-dispożizzjoni, imsemmi fl-Anness IIa ta’ dawn ir-regolamenti.
(ara l-punt 33 u d-dispożittiv 1)
2. L-eżami tal-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 631/2004, kif ukoll bl-istess Regolament Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament Nru 647/2005, sa fejn dan l‑Artikolu jippermetti li l-għoti tal-element ta’ “mobbiltà” tal-allowance ta’ sussistenza għal persuni b’diżabbiltà previst minn liġi nazzjonali jkun suġġett għal kundizzjonijiet ta’ residenza u ta’ preżenza fl-Istat Membru kkonċernat, ma wera, fid-dawl tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-persuni, l-ebda element tali li jaffettwa l-validità tiegħu.
Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, dwar it-tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza, jikkostitwixxu miżuri ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 48 TFUE, meħuda għall-istabbiliment, fil-qasam tas-siġurtà soċjali, tal-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE. Fir-rigward ta’ benefiċċji speċjali mhux kontributorji msemmija fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jadotta, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 48 TFUE, dispożizzjonijiet derogatorji għall-prinċipju ta’ esportabbiltà tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali. B’mod partikolari, kundizzjoni ta’ residenza fl-Istat tal-istituzzjoni kompetenti tista’ tiġi leġittimament meħtieġa għall-għoti ta’ benefiċċji strettament marbuta mal-ambjent soċjali.
(ara l-punti 38-40, 42 u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
5 ta’ Mejju 2011 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Element ta’ ‘mobbiltà’ fl-allowance ta’ sussistenza għal persuni b’diżabbiltà (‘disability living allowance’) – Benefiċċju separat –Benefiċċju speċjali mhux kontributorju – Nuqqas ta’ esportabbiltà”
Fil-Kawża C‑537/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upper Tribunal (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Diċembru 2009, fil-proċedura
Ralph James Bartlett,
Natalio Gonzalez Ramos,
Jason Michael Taylor
vs
Secretary of State for Work and Pensions,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal N. Gonzalez Ramos, minn S. Penfold, solicitor, u S. Cox, barrister,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth u S. Ossowski, bħala aġenti, assistiti minn T. Ward, barrister,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Yerrell u V. Kreuschitz, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l‑applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendat u aġġornat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll tar-Regolament Nru 1408/71, fl-aħħar verżjoni tagħha, kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 1, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 1408/71 emendat”), u l-validità tal-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-istess regolament emendat.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-kawżi bejn R.J. Bartlett, N. Gonzales Ramos u J.M. Taylor u s-Secretary of State for Work and Pensions dwar it‑tneħħija tad-dritt tagħhom għall-element ta’ ‘mobbiltà’ fl-allowance ta’ sussistenza għal persuni b’diżabbiltà (“disability living allowance”, iktar ’il quddiem id-“DLA”) peress li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ preżenza u ta’ domiċilju fil-Gran Brittanja.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 1(t) tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-istess regolament emendat jipprovdi li:
“benefiċċji u pensjonijiet ifissru l-benefiċċji u l-pensjonijiet kollha, inklużi l‑elementi kollha li jitnisslu minnhom li jitħallsu mill-fondi pubbliċi, żidiet ta’ rivalutazzjoni u kumpensi supplementari, suġġetti għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III, u anke benefiċċji f’somma li tista’ titħallas minflok il-pensjonijiet, u pagamenti mwettqa permezz tar-rimborsament tal-kontribuzzjonijiet”.
4 L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-istess regolament emendat jistabbilixxi li:
“Dan ir-Regolament jkun japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali:
a) il-benefiċċji tal-mard u tal-maternità;
b) il-benefiċċji ta’ l-invalidità, inklużi dawk intenzjonati għall-manteniment u l-miljorament tal-kapaċità tal-qliegħ;
[...]”
5 L-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li:
“Dan ir-Regolament ikun japplika wkoll għall-benefiċċji speċjali non-kontributorji li hemm ipprovduti taħt il-leġislazzjoni jew skemi oħra barra dawk li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 1 jew esklużi minħabba l-paragrafu 4, fejn tali benefiċċji huma intenzjonati:
a) jew biex jipprovdu assigurazzjoni supplimentari, sostituta, jew anċillari kontra r-riskji koperti mill-friegħi tas-sigurtà soċjali li għalihom saret riferenza fil-paragrafu 1 (a) sa (h);
b) bħala protezzjoni speċifika biss għall-persuni b’diżabbiltà.”
6 L-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71 emendat jipprovdi li:
“Dan l-Artikolu għandu japplika għall-benefiċċji ta’ flus speċjali [benefiċċji speċjali fi flus] u mhux kontributorji provduti f’liġi li, minħabba l’ambitu personali tagħha, l-għanijiet tagħha u/jew il-kundizzjonijiet għal dritt taħtha, għandha l-karatteristiċi kemm tal-liġi dwar is-sigurtà soċjali msemmija fil-paragrafu 1 kif ukoll ta’ assistenza soċjali.
Benefiċċji ta’ flus speċjali [benefiċċji speċjali fi flus] u mhux kontributorji’ tfisser dawk li:
a) huma ntiżi sabiex jipprovdu jew:
i) assigurazzjoni supplimentari, sostituttiva jew anċillari kontra r-riskji koperti mill-oqsma tas-sigurtà soċjali msemmija fil-paragrafu 1, u li jiggarantixxu lill-persuni kkonċernati dħul minimu għas-sussistenza waqt li jittieħed kont tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru ikkonċernat; jew
ii) protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabbiltà, li jkollha x’taqsam mill-qrib ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna msemmija fl-Istat Membru kkonċernat, u
b) fejn il-finanzjament ikun derivat esklużivament minn tassazzjoni obbligatorja maħsuba sabiex tkopri l-infiq ġenerali pubbliku u l-kondizzjonijiet sabiex jipprovdu u jikkalkolaw il-benefiċċji mhumiex dipendenti minn kwalunkwe kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madankollu, il-benefiċċji provduti sabiex jiġi supplimentat benefiċċju kontributorju m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala benefiċċji kontributorji għal din ir-raġuni waħedha; u
ċ) huma elenkati fl-Anness IIa.”
7 L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-istess regolament emendat jistabbilixxi li:
“Barra fejn hu pprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament il-benefiċċji [fi flus] għall-invalidità, għax-xjuħija u għall-ħlas tas-superstiti, il-pensjoni għall-inċidenti fuq ix-xogħol jew għall-mard u l-mewt okkupazzjonali akkwistati taħt il-leġislazzjoni ta’ wieħed jew iktar Stati Membri ma jkunu suġġetti għall-ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, tneħħija jew konfiska minħabba l-fatt li r-reċipjent jabita fit-territorju ta’ Stat membru għajr dak li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas.”
8 Madankollu, l-Artikolu 10a(1) tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-istess regolament emendat jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 u tat-Titolu III ta’ dawn ir-regolamenti ma japplikawx fil-konfront ta’ benefiċċji speċjali fi flus mhux kontributorji msemmija fl-Artikolu 4(2a) tal-imsemmija regolamenti u li l‑persuni kkonċernati jibbenefikaw minn dawn il-benefiċċji biss fit-territorju tal-Istat Membru li fih jirrisjedu u taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, sakemm dawn il-benefiċċji jkunu mniżżla fl-Anness IIa tal-istess regolamenti.
9 Id-DLA tissemma fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-istess regolament emendat li jagħmel riferiment għall-Artikolu 10a(1) ta’ dawn ir-regolamenti.
Id-dritt nazzjonali
10 L-Artikolu 63 tal-Liġi dwar il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali tal-1992 (Social Security Contributions and Benefits Act 1992, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1992”) jipprovdi li:
“Il-benefiċċji mhux kontributorji fis-sens tal-Parti III ta’ din il-liġi huma s‑segwenti:
a) l-allowance għall-assistenza;
b) l-allowance fil-każ ta’ inkapaċità serja (li tiżdied skont l-età jew minħabba adulti jew tfal dipendenti);
c) l-allowance għall-kura ta’ persuni b’invalidità (li tiżdied minħabba adulti dipendenti);
d) [id-DLA];
[...]”
11 L-Artikolu 71 tal-Liġi tal-1992 bit-titolu “Allowance ta’ sussistenza għal persuni b’diżabbiltà”, jiddeskrivi s-sistema tad-DLA b’dan il-mod:
“1) [Id-DLA] għandha tikkonsisti minn element ta’ dipendenza u element ta’ mobbiltà.
2) Persuna li għandha dritt [għad-DLA] jista’ jkollha d-dritt għal wieħed mill-elementi jew għat-tnejn li huma.
3) Persuna tista’ tingħata wieħed mill-elementi għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat; madankollu, jekk hija tibbenefika miż-żewġ elementi [tad-DLA], hija ma tistax tibbenefika minnhom għal żminijiet determinati differenti.
4) Ir-rata fil-ġimgħa [tad-DLA] imħallsa lil persuna għal ġimgħa li fiha hija bbenefikat minn element wieħed hija r-rata fil-ġimgħa applikabbli għal dan l-element kif stabbilit skont din il-liġi jew skont r-regolamenti adottati taħt din il-liġi.
5) Ir-rata fil-ġimgħa [tad-DLA] imħallsa lil persuna għal ġimgħa li fiha hija bbenefikat miż-żewġ elementi hija t-total tar-rati fil-ġimgħa applikabbli għaż-żewġ elementi hekk stabbiliti.
6) Persuna għandha d-dritt [għad-DLA] biss jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ residenza u ta’ preżenza fil-Gran Brittanja.”
12 L-Artikolu 73 tal-Liġi tal-1992 jippreċiża l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA kif ġej:
“1) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, persuna għandha d-dritt għall-element ta’ mobbiltà [tad-DLA] għal kull perijodu li matulu hija tkun qabżet l-età rikjesta u:
a) tkun issofri minn diżabbiltà fiżika li twaqqafha milli timxi jew li twaqqafha fil-prattika milli tagħmel dan; jew
b) tkun taqa’ taħt il-paragrafu 2 iktar ’l isfel; jew
c) tkun taqa’ taħt il-paragrafu 3 iktar ’l isfel; jew
d) tkun tista’ timxi iżda jkollha diżabbiltà fiżika jew mentali tant serja li, irrispettivament minn kull kapaċità li tuża, fuq l-inizjattiva tagħha stess, rotot li huma familjari lilha, hija ma tistax tapprofitta minn din il-fakultà barra mid-dar tagħha mingħajr l-assistenza jew is-sorveljanza kważi kontinwa ta’ persuna oħra.
1 A) Fis-sens tal-paragrafu 1 iktar ’il fuq, ‘età rikjesta’ tfisser:
a) għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (c) ta’ dan il-paragrafu, l-età ta’ 3 snin;
b) għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (d) ta’ dan il‑paragrafu, l-età ta’ 5 snin;
2) Persuna taqa’ taħt dan il-paragrafu jekk:
a) hija kemm għamja u truxa; u
b) tissodisfa kull kundizzjoni oħra li tista’ tiġi stabbilita.
3) Persuna taqa’ taħt dan il-paragrafu jekk:
a) issofri minn diżabbiltà mentali serja;
b) għandha problemi serji ta’ komportament; u
c) tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 72(1)(b) u (c) iktar ’il fuq.
[...]
8) Persuna għandha d-dritt għall-element ta’ mobbiltà għal perijodu speċifiku biss jekk, matul il-parti l-kbira ta’ dan il-perijodu, il-kundizzjoni tagħha tippermettilha li tibbenefika kultant minn tagħmir li jiffaċilita l-movimenti tagħha.
9) Persuna għandha d-dritt għall-element ta’ mobbiltà [tad-DLA] biss jekk:
a) matul:
i) it-tliet xhur li jippreċedu immedjatament id-data li fiha l-għoti ta’ dan l-element jidħol fis-seħħ; jew
ii) kull perijodu ieħor ta’ tliet xhur li jista’ jiġi stabbilit,
hija tissodisfa jew tista’ tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, punti (a) sa (d) iktar ’il fuq; u
b) hija tista’ tkompli tissodisfa waħda minn dawn il-kundizzjonijiet matul:
i) is-sitt xhur wara din id-data; jew
ii) (fil-każ li l-mewt tagħha huwa prevedibbli fi żmien sitt xhur minn din id-data) il-perijodu inkluż bejn din id-data u d-data tal-mewt.
[...]
10) Għandhom jiġu stabbiliti żewġ rati fil-ġimgħa għall-element ta’ mobbiltà.
[...]”
13 Ir-Regolament tas-sigurtà soċjali dwar l-allowance ta’ sussistenza għal persuni b’diżabbiltà tal-1991 [Social Security (Disability Living Allowance) Regulations 1991, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-1991”] jippreċiżaw b’mod partikolari fl-Artikolu 2(1)(a) tiegħu l-kundizzjonijiet ta’ residenza u ta’ preżenza fil-Gran Brittanja previsti fl-Artikolu 71(6) tal-Liġi tal-1992.
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
14 Il-kawżi prinċipali jirrigwardaw rikorsi għal annullament ippreżentati minn R.J. Bartlett, N. Gonzales Ramos u J.M. Taylor kontra d-deċiżjonijiet tas-Secretary of State for Work and Pensions li permezz tagħhom dan tal-aħħar neħħielhom id-dritt tagħhom għad-DLA peress li ma jissodisfawx iktar il‑kundizzjonijiet ta’ residenza u ta’ preżenza fil-Gran Brittanja. Dawn id‑deċiżjonijiet ġew adottati rispettivament fit-13 ta’ Mejju 2005, fit-28 ta’ Frar 2002 u fit-8 ta’ Settembru 2005.
15 Fl-ewwel istanza, il-qrati kompetenti ċaħdu r-rikorsi tar-rikorrenti. Bi tliet kawżi mressqa quddiemha, l-Upper Tribunal issostni li, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑299/05, Ġabra p. I‑8695), l-element ta’ “dipendenza” tad-DLA għandu jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju ta’ mard fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 emendat, li l-għoti tiegħu ma jistax, għaldaqstant, ikun suġġett għal tali kundizzjonijiet.
16 Għal dak li jirrigwarda l-element ta’ “mobbiltà” ta’ dan il-benefiċċju, l-Upper Tribunal issostni li, peress li l-għoti tiegħu ma huwiex suġġett għal kriterju ta’ riżorsi u lanqas ma jiggarantixxi dħul minimu ta’ sussistenza, dan jidher li huwa iktar benefiċċju ta’ sigurtà soċjali milli benefiċċju speċjali mhux kontributorju.
17 L-Upper Tribunal tenfasizza li, f’kull każ, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss dwar ir-Regolament Nru 1408/71 emendat, li japplika mill-5 ta’ Mejju 2005, u li din is-sentenza ma tistax tippreġudika l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71.
18 Konsegwentement, l-Upper Tribunal iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) a) L-element ta’ mobbiltà [tad-DLA] taħt l-Artikoli 71 sa 76 [tal-Liġi tal-1992] jista’, għal perijodi li matulhom japplika r-Regolament [Nru 1408/71], jiġi kklassifikat separatament [mid-DLA] fl-intier tiegħu [tagħha], bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament jew bħala benefiċċju speċjali mhux kontributorju skont l‑Artikolu 4[(2a)] jew b’xi mod ieħor?
b) Jekk ir-risposta għad-domanda (a) hija fl-affermattiv, liema hija l‑kategorija korretta?
c) Jekk ir-risposta għad-domanda (a) hija fin-negattiv, liema hija l‑kategorija korretta [għad-DLA]?
d) Jekk ir-risposti għad-domandi (b) u (c) huma li l-element ta’ mobbiltà għandu jiġi kklassifikat bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali, il‑benefiċċju inkwistjoni huwa benefiċċju ta’ mard skont l‑Artikolu 4(1)(a) [tar-Regolament Nru 1408/71] jew benefiċċju ta’ invalidità skont l-Artikolu 4(1)(b) [ta’ dan ir-regolament]?
e) Ir-risposti għall-kwalunkwe domanda hawn fuq imsemmija huma affettwati mil-limitazzjoni ratione temporis stipulat[i] fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza [Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq]?
2) a) L-element ta’ mobbiltà [tad-DLA] taħt l-Artikoli 71 sa 76 [tal-Liġi tal-1992] jista’, għal perijodi li matulhom japplika r-Regolament [Nru 1408/71 emendat], jiġi kklassifikat separatament [mid-DLA] fl-intier tiegħu [tagħha], bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali skont l‑Artikolu 4(1) tar-Regolament jew bħala benefiċċju speċjali mhux kontributorju skont l-Artikolu 4[(2a)] jew b’xi mod ieħor?
b) Jekk ir-risposta għad-domanda (a) hija fl-affermattiv, liema hija l‑kategorija korretta?
c) Jekk ir-risposta għad-domanda (a) hija fin-negattiv, liema hija l‑kategorija korretta [għad-DLA]?
d) Jekk ir-risposti għad-domandi (b) u (c) hija li l-element ta’ mobbiltà għandu jiġi kklassifikat bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali, il‑benefiċċju inkwistjoni huwa benefiċċju ta’ mard skont l‑Artikolu 4(1)(a) [tar-Regolament Nru 1408/71 emendat] jew benefiċċju ta’ invalidità skont l-Artikolu 4(1)(b) [ta’ dan ir‑regolament]?
3) Jekk bħala risposti għad-domandi preċedenti l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li l-element ta’ mobbiltà għandu jiġi kklassifikat korrettament bħala benefiċċju speċjali mhux kontributorju, jeżistu regoli jew prinċipji oħra Komunitarji li huma rilevanti għall-kwistjoni dwar jekk ir-Renju Unit [tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq] għandux id-dritt li juża xi waħda mill-kundizzjonijiet ta’ residenza jew ta’ preżenza msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) [tar-Regolamenti tal-1991] f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni f’dawn il‑kawżi?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel żewġ domandi
19 Permezz tal-ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-istess regolament emendat għandux jiġi interpretat fis-sens li l-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA jikkostitwixxi benefiċċju speċjali fi flus mhux kontributorju skont din id-dispożizzjoni.
20 Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, hemm lok, l-ewwel nett, li jiġi stabbilit jekk l-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA jistax jitqies bħala “benefiċċju” fih innifsu skont l-Artikolu 1(t) tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-istess regolament emendat.
21 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 69 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li l-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA jista’ jiġi individwalizzat u jista’ jissemma fil-lista li tidher fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71 emendat jekk ir-Renju Unit jiddeċiedi li joħloq allowance li tikkonċerna biss dan l-element. Minn dan jirriżulta li l-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA jikkostitwixxi fih innifsu “benefiċċju” skont l-Artikolu 1(t) tar-Regolament Nru 1408/71 emendat.
22 Tali konstatazzjoni għandha ssir ukoll u għall-istess raġunijiet fir-rigward tar-Regolament Nru 1408/71 fil-verżjoni preċedenti tagħha.
23 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA jista’ jikkostitwixxi wkoll “benefiċċju” skont l-Artikolu 1(t) tar-Regolament Nru 1408/71.
24 Sussegwentement, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex ikkontestat li l‑element ta’ “mobbiltà” tad-DLA għandu natura mhux kontributorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74), u lanqas li jikkostitwixxi benefiċċju fi flus.
25 Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA għandux natura speċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-DLA tista’ tiġi kkunsidrata bħala li fiha element ta’ “għajnuna soċjali” u li l-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA “jista’” jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju speċjali mhux kontributorju li jista’ jiġi inkluż legalment fil-lista li tinsab fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71 emendat bħala benefiċċju mhux esportabbli (ara s‑sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 67 u 74). Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja, li annullat l‑inklużjoni tad-DLA fil-lista li tidher f’dan l-Anness, iddeċidiet li żżomm provviżorjament fis-seħħ l-effetti ta’ tali inklużjoni għal dak li jirrigwarda biss il‑parti ta’ “mobbiltà” tad-DLA bil-għan li jittieħdu, fi żmien raġjonevoli, il‑miżuri xierqa sabiex jiżguraw l-inklużjoni tagħha fl-imsemmi anness (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75). Minn dan jirriżulta li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA jista’ jkollu natura speċjali fis-sens tal-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71 emendat.
26 Għandu jitfakkar ukoll li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali natura speċjali ta’ benefiċċju hija ddefinita mill-għan tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Kersbergen-Lap u Dams-Shipper, C‑154/05, Ġabra p. I‑6249, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 F’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat li, hekk kif isostnu kemm il-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, l-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA huwa intiż sabiex jiżgura l-protezzjoni speċifika lill-persuni b’dizabbiltà fis-sens tal-Artikolu 4(2a)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 u tar-Regolament Nru 1408/71 emendat peress li l-għan tiegħu huwa biss li jippromwovi l‑awtonomija u l-integrazzjoni soċjali ta’ dawn il-persuni kif ukoll, sa fejn possibbli, li jgħin dawn tal-aħħar ikollhom ħajja simili għall-persuni mingħajr diżabbiltà. Għaldaqstant, hija d-diżabbiltà fiha nnifisha li tagħti d-dritt għal dan il‑benefiċċju u li tippermetti, skont il-livell ta’ diffikultà ta’ mobbiltà li tiffaċċja l‑persuna kkonċernata, li jiġi ddeterminat l-ammont tal-benefiċċju mogħti.
28 Mill-osservazzjonijiet magħmula matul is-seduta jirriżulta li l-ammont tal-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA, li huwa bbażat fuq l-ispejjeż marbuta mal-problemi ta’ mobbiltà tal-persuna benefiċjarja fl-Istat Membru kkonċernat, huwa marbut strettament mal-ambjent soċjali ta’ din il-persuna f’dan l-Istat.
29 Barra minn hekk, jirriżulta b’mod sussidjarju mill-elementi tal-proċess u mill-osservazzjonijiet magħmula matul is-seduta li, fil-prattika, l-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA jingħata ħafna drabi lil persuni li jsofru minn diżabbiltà li taffettwa l-mobbiltà tagħhom b’mod sinjifikattiv u, neċessarjament, jirriżulta li, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdix għal kriterju ta’ riżorsi, dan il‑benefiċċju jingħata fil-parti l-kbira tal-każijiet lil persuni li ma jistgħux jaħdmu minħabba d-diżabbiltà tagħhom.
30 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA għandu jiġi kkunsidrat bħala speċjali fis-sens kemm tal-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71 emendat kif ukoll tal-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71.
31 Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni li, kif isostni N. Gonzales Ramos, tali benefiċċju ma jistax jiġi kkunsidrat iktar bħala li jissemma fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71 emendat, peress li r-Renju Unit ma adottax fit-terminu raġonevoli mogħti lilu mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, il-miżuri neċessarji għal dan il‑għan, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru adotta f’kull każ il‑miżuri inkwistjoni. Fil-fatt, l-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA jidher fost il‑benefiċċji msemmija fl-Anness X tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU L 284, p. 43).
32 Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li l-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jissemma fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71 abbażi tal-fatt li ma jidhirx separatament iżda permezz tar-referenza għad-DLA li minnu jagħmel parti, peress li d-DLA dejjem kellha żewġ elementi identifikati b’mod ċar fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
33 Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel żewġ domandi hija li l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-istess regolament emendat għandu jiġi interpretat fis-sens li l-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA jikkostitwixxi benefiċċju speċjali fi flus mhux kontributorju fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, imsemmi fl-Anness IIa ta’ dawn ir-regolamenti.
Fuq it-tielet domanda
34 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità, fid-dawl tar-“regoli jew prinċipji oħra Komunitarji”, tal-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-istess regolament emendat, sa fejn jippermetti li l-għoti tal-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA jkun suġġett, fil-każ fejn dan jikkostitwixxi benefiċċju speċjali mhux kontributorju fis-sens tal-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-istess regolament emendat, għal kundizzjonijiet ta’ residenza u ta’ preżenza fil-Gran Brittanja.
35 Il-qorti tar-rinviju ma tagħti ebda indikazzjoni dwar id-dispożizzjoni jew id‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom għandha ssir din l‑evalwazzjoni.
36 F’ċirkustanzi simili, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li mill-elementi kollha mogħtija mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, hija għandha tasal għall-elementi tad-dritt tal-Unjoni rilevanti, b’riferiment għas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ April 1988, Bekaert, 204/87, Ġabra p. 2029, punt 7 u l-ġurisprudenza ċċitata).
37 F’dan ir-rigward, għandhom jiġu kkunsidrati r-regoli dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u dawk dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni.
38 Dwar l-ewwel aspett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 dwar it-tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza jikkostitwixxu miżuri skont l-Artikolu 42 KE (li sar l-Artikolu 48 TFUE) meħuda għall-istabbiliment, fil-qasam tas-siġurtà soċjali, tal-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikolu 39 KE (li sar l-Artikolu 45 TFUE) u li, fir-rigward ta’ benefiċċji speċjali mhux kontributorji msemmija fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jadotta, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 48 TFUE, dispożizzjonijiet derogatorji għall-prinċipji tal-esportabbiltà tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali. B’mod partikolari, kundizzjoni ta’ residenza fl-Istat tal-istituzzjoni kompetenti tista’ tiġi leġittimament meħtieġa għall-għoti ta’ benefiċċji strettament marbuta mal-ambjent soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Habelt et, Kawżi magħquda, C‑396/05, C‑419/05 u C‑450/05, Ġabra p. I‑11895, punti 78 u 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
39 Hekk kif ġie ppreċiżat fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel żewġ domandi, l-istess japplika għall-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA.
40 Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-istess regolament emendat, sa fejn jippermetti li l-għoti tal-element ta’ “mobbiltà” tad-DLA jkun suġġett għal kundizzjonijiet ta’ residenza u ta’ preżenza fil-Gran Brittanja, ma huwiex inkompatibbli mal-moviment liberu tal-persuni u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 48 TFUE.
41 Għal dak li jirrigwarda r-regoli dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 21 TFUE, li jistabbilixxi b’mod ġenerali d-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jivvjaġġa ġewwa u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, huwa applikat b’mod speċifiku fl-Artikolu 45 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Hendrix, C‑287/05, Ġabra p. I-6909, punt 61) u li għalhekk ma hemmx lok għall-kawża prinċipali li tingħata deċiżjoni dwar din il-kwistjoni.
42 Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta li l-eżami tat-tielet domanda ma tqajjem l-ebda element li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71 f’waħda jew oħra mill-verżjonijiet tiegħu applikabbli fil-kawżi prinċipali, sa fejn dan l‑artikolu jippermetti li l-għoti tal-element ta’ “mobbiltà” tal-allowance ta’ sussistenza għal persuni b’diżabbiltà jkun suġġett għal kundizzjonijiet ta’ residenza u ta’ preżenza fil-Gran Brittanja.
Fuq l-ispejjeż
43 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 4(2a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendat u aġġornat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, kif ukoll tar-Regolament Nru 1408/71, fl-aħħar verżjoni tagħha, kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-element ta’ “mobbiltà” tal-allowance ta’ sussistenza għal persuni b’diżabbiltà (“disability living allowance”) jikkostitwixxi benefiċċju speċjali fi flus mhux kontributorju fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, imsemmi fl-Anness IIa ta’ dawn ir-regolamenti.
2) L-eżami tat-tielet domanda ma tqajjem l-ebda element li jaffettwa l‑validità tal-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71 f’waħda jew oħra mill-verżjonijiet tiegħu applikabbli fil-kawżi prinċipali, sa fejn dan l-artikolu jippermetti li l-għoti tal-element ta’ “mobbiltà” tal-allowance ta’ sussistenza għal persuni b’diżabbiltà jkun suġġett għal kundizzjonijiet ta’ residenza u ta’ preżenza fil-Gran Brittanja.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.