Kawża C-523/09
Rakvere Piim AS
u
Maag Piimatööstus AS
vs
Veterinaar- ja Toiduamet
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tartu ringkonnakohus)
“Politika agrikola komuni — Miżati relatati ma’ spezzjonijiet u kontrolli sanitarji tal-produzzjoni tal-ħalib”
Sommarju tas-sentenza
Approssimazzjoni tal-liġijiet — Kontroll uffiċjali tal-għalf għall-annimali u tal-prodotti tal-ikel — Finanzjament — Miżati dovuti minħabba spezzjonijiet u kontrolli sanitarji tal-produzzjoni tal-ħalib
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 882/2004, Artikolu 27(3), (4) u (6), u Anness IV, Sezzjoni B)
L-Artikolu 27(3) u (4) tar-Regolament Nru 882/2004, dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru, mingħajr ma jkollu għalfejn jadotta miżura ta’ applikazzjoni nazzjonali, jimponi miżati skont ir-rati minimi previsti fis-Sezzjoni B tal-Anness IV ta’ dan ir-regolament, minkejja li l-ispejjeż sostnuti mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-ispezzjonijiet u kontrolli sanitarji previsti mill-imsemmi regolament huma inqas minn dawn ir-rati, meta r-rekwiżiti stabbiliti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 27(6) tal-istess regolament ma jkunux sodisfatti.
(ara l-punt 29 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
7 ta’ Lulju 2011 (*)
“Politika agrikola komuni – Miżati relatati ma’ spezzjonijiet u kontrolli sanitarji tal-produzzjoni tal-ħalib”
Fil-Kawża C-523/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tartu ringkonnakohus (l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Diċembru 2009, fil-proċedura
Rakvere Piim AS,
Maag Piimatööstus AS
vs
Veterinaar- ja Toiduamet,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J.‑J. Kasel (Relatur), President tal-Awla, E. Levits u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Marcoulli u B. Schima, bħala aġenti, assistiti minn C. Ginter, avukat,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(3), (4)(a) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 200).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Rakvere Piim AS (iktar ’il quddiem “Rakvere”) u Maag Piimatööstus AS (iktar ’il quddiem “Maag”), kumpanniji rregolati mid-dritt Estonjan, u l-Veterinaar- ja Toiduamet (uffiċċju alimentari u veterinarju), dwar il-kalkolu tal-miżati dovuti għall-ispezzjonijiet u kontrolli sanitarji tal-produzzjoni tal-ħalib.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 L-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 882/2004 jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li riżorsi finanzjarji adegwati jkunu disponibbli biex jipprovdu għall-impjegati meħtieġa u riżorsi oħra għall-kontrolli uffiċjali b’kull mezz ikun x’ikun kunsidrat xieraq, inkluż permezz ta’ tassazzjoni ġenerali jew billi jiġu stabbiliti tariffi [miżati] u piżijiet.
4 L-Artikolu 27(3), (4) u (6) tar-Regolament Nru 882/2004 jipprovdu:
“Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 6, it-tariffi [il-miżati] miġbura fir-rigward ta’ l-attivitajiet speċifiċi msemmija fl-Anness IV, taqsima A, u l-Anness V, taqsima A, [ma għandhomx] ikunu aktar baxxi mir-rati minimi speċifikati fl-Anness IV, tasima B, u l-Anness V, taqsima B. Iżda, għal perjodu transitorju sa l-1 ta’ Jannar 2008, fir-rigward ta’ l-attivitajiet imsemmija fl-Anness IV, taqsima A, u l-Anness V, taqsima A, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw ir-rati applikati fil-present skond id-Direttiva 85/73/KEE.
Ir-rati fl-Anness IV, Taqsima B u l-Anness V, Taqsima B għandhom jiġu aġġornati ta’ l-anqas kull sentejn, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 62(3), u b’mod partikolari għandu jingħata kont ta’ l-inflazzjoni.
It-tariffi [Il-miżati] miġbura għall-għanijiet ta’ kontrolli uffiċjali skond il-paragrafu 1 jew 2:
a) m’għandhomx ikunu għola mill-ispejjeż magħmula mill-awtoritajiet kompetenti responsabbli b’relazzjoni mal-partiti elenkati fl-Anness VI;
u
b) jistgħu jiġu ffisati f’rata fissa fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż magħmula mill-awtoritajiet kompetenti fuq perjodu ta’ żmien partikolari jew, fejn japplika, fl-ammonti ffissati fl-Anness IV, tasima B jew fl-Anness V, taqsima B.
[...]
6. Fejn, minħabba s-sistemi ta’ verifiki proprji u traċċabilità implimentati minn-negozju fl-ikel u l-għalf kif ukoll fil-livell tal-konformità misjuba matul kontrolli uffiċjali, għal ċertu tip ta’ għalf jew ikel jew attivitajiet, il-kontrolli uffiċjali għandhom jitwettqu bi frekwenza mnaqqsa jew biex jingħata kont tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 5(b) sa (d), l-Istati Membri jistgħu jiffissaw it-tariffa [il-miżati] ta’ kontroll uffiċjali taħt ir-rati minimi msemmija fil-paragrafu 4(b), kemm-il draba l-Istat Membru konċernat jipprovdi lill-Kummissjoni b’rapport li jispeċifika:
a) it-tip ta’ għalf jew ikel jew attività konċernata;
b) il-kontrolli mwettqa fin-negozju ta’ għalf u ikel konċernat;
u
(ċ) il-metodu għall-kalkolu tat-tnaqqis fit-tariffa [tal-miżata].”
5 Skont is-Sezzjoni B tal-Anness IV tar-Regolament Nru 882/2004, ir-rati minimi ta’ miżati jew ta’ taxxi applikabbli għall-produzzjoni tal-ħalib huma stabbiliti għal “Euro 1 kull 30 tunellata metrika u Euro 0,5 kull tunellata metrika”.
6 L-Anness VI tar-Regolament Nru 882/2004 jipprovdi li l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ħlas huma:
“1. Is-salarji ta’ l-impjegati nvoluti fil-kontrolli uffiċjali.
2. L-ispejjeż ta’ l-impjegati nvoluti fil-kontrolli uffiċjali, inklużi faċilitajiet, għodda, tagħmir, taħriġ, vjaġġar u nefqiet assoċjati.
3. L-ispejjeż ta’ l-analiżi tal-laboratorju u t-teħid ta’ kampjuni.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 Skont l-Artikolu 35(1) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-attivitajiet veterinarji (veterinaarkorralduse seadus) (RT I 1999, 58, 608), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fi RT I 2008, 30, 191, applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali:
“Il-miżata tal-kontroll veterinarju (iktar ’il quddiem il-“miżata ta’ kontroll”) għandha tkun is-somma dovuta, skont il-liġi preżenti, għall-eżekuzzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll veterinarju tal-annimali jew ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, għall-eżami tal-applikazzjonijiet f’dan il-qasam u għall-ħruġ ta’ dokumenti, b’kunsiderazzjoni għal dak li jipprovdu l-Artikoli 27 sa 29 tar-Regolament [Nru 882/2004]. Il-miżata ta’ kontroll għandha titħallas f’kont temporanju tal-Veterinaar- ja Toiduamet li jagħmel parti mill-kont ta’ grupp tat-Teżor tal-Ministru tal-Finanzi. L-ispejjeż tal-implementazzjoni tal-kontroll veterinarju jinkludu dawk relatati mal-preżenza ta’ aġent ta’ kontroll li jwettaq kontrolli fuq bastiment fabbrika.”
8 L-Artikolu 35 tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-attivitajiet veterinarji, li jikkonċerna l-iffissar ta’ miżata ta’ kontroll u l-ammont ta’ miżati ta’ kontroll, jipprovdi:
“(1) L-ammont ta’ miżata ta’ kontroll huwa kkalkolat abbażi tal-ispejjeż tal-persunal u tan-negozju sostnuti għall-eżekuzzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll veterinarju mill-Veterinaar- ja Toiduamet fuq annimali u prodotti li joriġinaw mill-annimali.
(2) Il-miżata ta’ kontroll għall-miżuri ta’ kontroll veterinarju elenkati mir-Regolament [Nru 882/2004] għandha tinġabar kif ġej:
[...]
3) fir-rigward tal-produzzjoni tal-ħalib, l-operatur għandu jħallas il-miżata ta’ kontroll għall-miżuri ta’ kontroll veterinarju skont il-kwantità ta’ ħalib ipproċessat;
[...]
(3) L-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll veterinarju, elenkati fl-artikolu preżenti, fil-punti 1 sa 6 tal-paragrafu 2, tagħti lok għall-ġbir ta’ miżata ta’ kontroll skont ir-rata minima stabbilita fis-Sezzjoni B tal-Anness IV u fis-Sezzjoni B tal-Anness V tar-Regolament [Nru 882/2004].
(4) L-operaturi li jinnegozjaw fil-qasam tal-annimali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali, minbarra dawk l-operaturi ta’ kwantitajiet żgħar fis-sens tal-Artikolu 26(3) tal-Liġi dwar il-prodotti tal-ikel [toiduseadus], għandhom iħallsu miżata għad-determinazzjoni tas-sustanzi perikolużi dwar l-annimali u prodotti li joriġinaw mill-annimali, kif ġej:
[...]
3) Xerrej tal-ħalib – 35 ċenteżmu għal 1 000 litru ta’ ħalib;
[...]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 Bejn Frar 2008 u Jannar 2009, il-Veterinaar- ja Toiduamet adotta, fir-rigward ta’ Rakvere u ta’ Maag, diversi deċiżjonijiet dwar l-irkupru tal-miżata ta’ kontroll dovuta minħabba l-produzzjoni tal-ħalib.
10 Insostenn tar-rikorsi ppreżentati minn Rakvere u Maag fir-rigward ta’ dawn id-deċiżjonijiet quddiem it-Tartu halduskohus (tribunal amministrattiv ta’ Tartu), dawn il-kumpanniji sostnew li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-miżata ta’ kontroll jmorru kontra, inter alia, ir-Regolament Nru 882/2004, peress li l-miżati miġbura eċċedew l-ispejjeż attwali tal-kontrolli.
11 Peress li dawn ir-rikorsi ġew miċħuda, Rakvere u Maag appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju. Quddiem din il-qorti, huma sostnew, b’mod partikolari, li skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, negozjatur li fir-rigward tiegħu ġiet innotifikata deċiżjoni dwar l-irkupru tal-miżata ta’ kontroll ma għandu ebda possibbiltà jivverifika jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni tipprovdix effettivament l-adozzjoni, fir-rigward tiegħu, ta’ deċiżjoni dwar l-irkupru ta’ miżata għall-kontrolli li saru u li jikkorrispondi għall-ammont mitlub mingħandu. Ma’ dan hemm ukoll il-fatt li l-imsemmi ammont jirriżulta minn regolament tal-Unjoni li ma huwiex direttament applikabbli u li jista’ jiġi emendat indipendentement mir-rieda tal-leġiżlatur nazzjonali. Jekk l-imsemmi leġiżlatur għandu huwa stess jistabbilixxi r-rata tal-miżata ta’ kontroll skont is-setgħa diskrezzjonali tad-dritt tal-Unjoni, is-sempliċi rinviju għar-rata “minima”, prevista mir-Regolament Nru 882/2004, ma hijiex kompatibbli mar-rekwiżiti tal-kostituzzjoni Estonjana.
12 Il-Veterinaar- ja Toiduamet isostni, b’mod partikolari, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiddetermina l-elementi kollha tal-miżata ta’ kontroll jew direttament jew inkella permezz ta’ riferiment għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 882/2004. L-elementi kollha tal-miżata ta’ kontroll huma previsti bil-liġi kif ukoll bir-Regolament Nru 882/2004, iżda ebda waħda minnhom ma taqa’ taħt il-prassi amministrattiva. Ir-riferimenti għar-regolament tal-Unjoni stabbiliti mil-liġi ma għandhomx effett li jrendu l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kontra l-kostituzzjoni Estonjana, peress li r-regolamenti tal-Unjoni jagħmlu parti kbira mis-sistema legali nazzjonali.
13 Fit-18 ta’ Settembru 2009, Maag infurmat lill-qorti tar-rinviju li Rakvere ma kinitx għadha teżisti minħabba li din il-kumpannija kienet ingħaqdet magħha. Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 2009, it-Tartu ringkonnakohus awtorizza lil Maag tkompli bil-proċeduri minflok Rakvere.
14 Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-Tartu ringkonnakohus tistaqsi minn naħa, jekk il-liġi dwar l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet veterinarji, bħala miżura ta’ eżekuzzjoni, hijiex konformi mar-Regolament Nru 882/2004 u, min-naħa l-oħra, dwar il-portata tal-marġni diskrezzjonali li għandhom il-leġiżlaturi nazzjonali waqt l-applikazzjoni tal-imsemmi regolament. Huma jistaqsu, barra minn hekk, jekk, fil-każ inkwistjoni, il-limiti ta’ din il-marġni diskrezzjonali ġietx osservata u jekk il-leġiżlatur nazzjonali setax validament jibbaża ruħu fuq ir-rati minimi previsti mir-Regolament Nru 882/2004, minkejja li dawn jeċċedu l-ispejjeż attwali tal-kontrolli.
15 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tartu Ringkonnakohus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 27(4)(a) tar-Regolament [Nru 882/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li imprenditur jintalab, għall-attivitajiet imsemmija fit-Taqsima A tal-Anness IV ta’ dan ir-regolament, ir-rati minimi tat-tariffi previsti fit-Taqsima B tal-Anness IV ta’ dan ir-regolament, anki meta l-ispejjeż imġarrba mill-awtoritajiet kompetenti responsabbli fir-rigward tal-elementi elenkati fl-Anness VI ta’ dan ir-regolament huma inqas mir-rati minimi ċċitati iktar ’il fuq?
2) Fil-kundizzjonijiet imsemmija fid-domanda preċedenti, Stat Membru għandu dritt li jintroduċi, għall-attivitajiet imsemmija fit-Taqsima A tal-Anness IV tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq, tariffi inqas mir-rati minimi previsti fit-Taqsima B tal-Anness IV ta’ dan ir-regolament, meta l-ispejjeż imġarrba mill-awtoritajiet kompetenti responsabbli fir-rigward tal-elementi elenkati fl-Anness VI ta’ dan ir-regolament huma inqas mir-rati minimi ċċitati iktar ’il fuq, mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 27(6) ta’ dan ir-regolament?”
Fuq id-domandi preliminari
16 Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 27(3) u (4) tar-Regolament Nru 882/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru li, mingħajr ma jkollu għalfejn jadotta miżura ta’ applikazzjoni nazzjonali, jimponi miżati bir-rata minima prevista fis-Sezzjoni B tal-Anness IV tal-imsemmi regolament, minkejja li l-ispejjeż sostnuti mill-awtoritajiet kompetenti marbuta mal-ispezzjonijiet u kontrolli sanitarji previsti mill-imsemmi regolament huma inqas minn dawn ir-rati, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 27(6) tal-istess regolament huma sodisfatti.
17 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, kemm minħabba n-natura tagħhom kif ukoll il-funzjoni tagħhom fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għandhom, b’mod ġenerali, effett immedjat fis-sistemi legali nazzjonali mingħajr ma jkun meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni (ara sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1972, Leonesio, 93/71, Ġabra p. 287, punt 5, u tal-24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer, C‑278/02, Ġabra p. I‑6171, punt 25).
18 Huwa minnu li ċerti dispożizzjonijiet ta’ regolamenti jistgħu madankollu jeħtieġu, sabiex jiġu implementati, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni min-naħa tal-Istati Membri (sentenza Handlbauer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).
19 Huwa għalhekk neċessarju li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 27(3) u (4) tar-Regolament Nru 882/2004 kif ukoll is-Sezzjoni B tal-Anness IV tal-imsemmi regolament jagħtux, fir-rigward tal-iffissar tar-rati minimi msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, marġni diskrezzjonali lill-Istati Membri jew jekk jeħtieġux li dawn jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni addizzjonali.
20 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 27(3) tar-Regolament Nru 882/2004 jipprovdi li l-miżati li l-Istati Membri jiġbru skont dan ir-regolament ma għandhomx ikunu inqas mir-rati minimi stabbiliti, b’mod partikolari, fis-Sezzjoni B tal-Anness IV tal-imsemmi regolament.
21 Minn naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 882/2004 jipprovdi, fis-Sezzjoni B tal-Anness IV, rati minimi applikabbli għall-ispeċi ta’ annimali differenti li, fir-rigward tan-natura preċiża u kompleta tagħhom, ma jeħtieġu l-adozzjoni ta’ ebda miżura ta’ applikazzjoni addizzjonali min-naħa tal-Istati Membri.
22 Minn dan isegwi li r-rati minimi hekk stabbiliti għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu rati bażiċi li, fil-prinċipju, ma jistgħux jidderogaw minnhom l-Istati Membri.
23 Il-fatt li, skont l-Artikolu 27(4)(a) tar-Regolament Nru 882/2004, il-miżati miġbura mill-Istati Membri ma għandhomx jeċċedu l-ispejjeż sostnuti mill-awtoritajiet kompetenti responsabbli fir-rigward ta’ kontrolli, ma huwiex ta’ natura li jinvalida l-interpretazzjoni preċedenti, sa fejn l-imsemmija dispożizzjoni għandha tinftiehem bħala li tistabbilixxi r-rata massima biss għall-miżati mhux fissi li jistgħu jiġu imposti mill-Istati Membri.
24 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-miżati stabbiliti skont l-Artikolu 27(4)(b) tar-Regolament Nru 882/2004, jiġifieri abbażi ta’ rata mhux fissa, din ir-rata massima ma tistax tapplika.
25 Fil-fatt, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-miżati li r-rati fissi tagħhom huma stabbiliti abbażi tal-ispejjeż li jsostnu l-awtoritajiet kompetenti matul perijodu partikolari, għandu jiġi rrilevat li l-ammont tal-imsemmija spejjeż kienu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-iffissar ta’ dawn ir-rati. Barra minn hekk, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, miżata fissa min-natura tagħha stess teċċedi f’ċerti każijiet l-ispejjeż attwali tal-miżuri li hija intiża li tiffinanzja u hija inqas minn dawn l-ispejjeż f’każijiet oħra (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑270/07, Ġabra p. I‑1983, punt 32).
26 Fir-rigward, it-tieni nett, tal-miżati stabbiliti skont l-ammonti minimi stabbiliti fis-Sezzjoni B tal-Anness IV tar-Regolament Nru 882/2004, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddetermina dawn l-ammonti mingħajr ma rrefera b’ebda mod għall-ispejjeż effettivament sostnuti mill-awtoritajiet kompetenti. Għalhekk, dawn l-ispejjeż ma jistgħux, fil-prinċipju, jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri sabiex, b’mod ġenerali, inaqqsu l-imsemmija miżati għal-livell iżjed baxx minn dak previst fis-Sezzjoni B tal-Anness IV tar-Regolament Nru 882/2004.
27 L-interpretazzjoni li skontha l-Istati Membri ma għandhomx, fil-prinċipju, il-possibbiltà li jidderogaw b’mod ġenerali u diskrezzjonali mir-rati minimi stabbiliti fis-Sezzjoni B tal-Anness IV tar-Regolament Nru 882/2004, hija kkorroborata mill-fatt li l-eżerċizzju fakultattiv stess previst fl-Artikolu 27(6) tal-imsemmi regolament, li jippermetti lill-imsemmija Stati jistabbilixxu, għal kumpannija partikolari, l-ammont tal-miżata marbuta mal-kontroll uffiċjali fuq livell iktar baxx minn dak tar-rati minimi stabbiliti fl-imsemmi anness, huwa suġġett għal ċerti rekwiżiti. F’sitwazzjoni bħal dik deskritta mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 27(6) tar-Regolament Nru 882/2004 ma jawtorizzax, għalhekk, lil Stat Membru jistabbilixxi l-miżati inkwistjoni għal-livell inqas baxx mir-rati minimi previsti fis-Sezzjoni B tal-Anness IV tal-imsemmi regolament.
28 Isegwi li l-Artikolu 27(3) u (4) tar-Regolament Nru 882/2004 kif ukoll is-Sezzjoni B tal-Anness IV tal-imsemmi regolament ma jagħtu ebda marġni diskrezzjonali, fir-rigward tal-iffissar tar-rati minimi msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, lill-Istati Membri u lanqas jeħtieġu li dawn tal-aħħar jadottaw miżuri ta’ eżekuzzjoni.
29 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 27(3) u (4) tar-Regolament Nru 882/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, jippermetti lil Stat Membru, mingħajr ma jkollu għalfejn jadotta miżura ta’ applikazzjoni nazzjonali, jimponi miżati skont ir-rati minimi previsti fis-Sezzjoni B tal-Anness IV ta’ dan ir-regolament, minkejja li l-ispejjeż sostnuti mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-ispezzjonijiet u kontrolli sanitarji previsti mill-imsemmi regolament huma inqas minn dawn ir-rati, meta r-rekwiżiti stabbiliti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 27(6) tal-istess regolament ma jkunux sodisfatti.
Fuq l-ispejjeż
30 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 27(3) u (4) tar-Regolament Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, jippermetti lil Stat Membru, mingħajr ma jkollu għalfejn jadotta miżura ta’ applikazzjoni nazzjonali, jimponi miżati skont ir-rati minimi previsti fis-Sezzjoni B tal-Anness IV ta’ dan ir-regolament, minkejja li l-ispejjeż sostnuti mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-ispezzjonijiet u kontrolli sanitarji previsti mill-imsemmi regolament huma inqas minn dawn ir-rati, meta r-rekwiżiti stabbiliti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 27(6) tal-istess regolament ma jkunux sodisfatti.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.