Keywords
Summary

Keywords

1. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Provvisti ta’ oġġetti

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 5)

2. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Provvisti ta’ servizzi

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 6)

3. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa għal ċerti provvisti ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi

(Diretiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 12(3)(a) u Anness H)

Summary

1. L-Artikolu 5 tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 92/111, għandu jiġu interpretat fis-sens li l-forniment ta’ platti jew ta’ ikel reċentement ippreparati lesti għall-konsum immedjat fi stands jew vetturi li joffru l-ikel jew f’intrajjet taċ-ċinema jikkostitwixxi provvista ta’ oġġetti fis-sens tal-imsemmi artikolu meta eżami kwalitattiv tat-tranżazzjoni kollha jiżvela li l-elementi tal-provvista ta’ servizz li jippreċedu u jakkumpanjaw il-provvista tal-ikel ma jkunux predominanti.

F’dan ir-rigward, peress illi l-preparazzjoni tal-prodott finali sħun fi stands jew vetturi li joffru l-ikel hija limitata, essenzjalment, għall-azzjonijiet fil-qosor u standardizzati, u li, ġeneralment, jsiru mhux fuq ordni ta’ klijent partikolari, iżda b’mod kostanti jew regolari skont it-talba prevedibbli b’mod ġenerali, hija ma tikkostitwixxix l-element predominanti tat-tranżazzjoni inkwistjoni u ma tistax waħidha tagħti lil dik it-tranżazzjoni n-natura ta’ provvista ta’ servizzi.

Barra minn hekk, is-sempliċi preżenza ta’ għamara fl-intrajjet taċ-ċinema maħsuba, b’mod mhux esklużiv, sabiex tiffaċilita possibbilment il-konsum ta’ tali ikel, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala element ta’ provvista ta’ servizzi ta’ natura li tagħti lit-tranżazzjoni fl-intier tagħha l-kwalità ta’ provvista ta’ servizzi.

(ara l-punti 68, 73, 81 u d-dispożittiv 1)

2. L-Artikolu 6 tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 92/111, għandu jiġu interpretat fis-sens li ħlief fil-każ fejn fornitur tal-ikel li jikkunsinna fid-djar jintrabat li jforni platti standardizzati mingħajr ebda element ieħor ta’ provvista ta’ servizzi addizzjonali jew meta ċirkustanzi partikolari oħra juru li l-provvista tal-platti tirrappreżenta l-element predominanti tat-tranżazzjoni, l-attivitajiet ta’ fornitur tal-ikel li jikkunsinna fid-djar jikkostitwixxu provvisti ta’ servizzi fis-sens tal-imsemmi artikolu.

Fil-fatt, b’mod differenti mill-platti pprovduti fi stands, vetturi li joffru l-ikel u ċinejiet, il-platti pprovduti fid-djar ma humiex, ġeneralment, ir-riżultat ta’ sempliċi preparazzjoni standardizzata, iżda jinkludu dimensjoni notevolment ikbar ta’ provvista ta’ servizzi u jirrikjedu xogħol u sengħa superjuri.

(ara l-punti 77, 81 u d-dispożittiv 1)

3. Skont l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 92/111, ir-rati mnaqqsa tal-VAT jistgħu jiġu applikati biss għall-provvisti ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi previsti fl-Anness H ta’ din id-direttiva.

Fil-każ ta’ provvisti ta’ oġġetti, il-kunċett ta’ “affarijiet ta’ l-ikel” li jinsab fil-Kategorija 1 tal-Anness H tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll il-platti u l-ikliet li ġew imsajra, mixwija, moqlija jew ippreparati b’mod ieħor bil-ħsieb li jiġu kkonsmati immedjatament. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ssemmi l-affarijiet tal-ikel b’mod ġenerali u ma tagħmel l-ebda distinzjoni jew restrizzjoni bbażata fuq it-tip ta’ kummerċ, fuq il-mod tal-bejgħ, fuq l-imballaġġ, fuq il-preparazzjoni jew fuq it-temperatura.

(ara l-punti 84, 85, 88 u d-dispożittiv 2)