Keywords
Summary

Keywords

1. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna illegali — Motivi ta’ difiża — Impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 10 KE, 88(2) KE u 228(2) KE)

2. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas — Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza — Sanzjonijiet pekunjarji — Skop — Għażla tas-sanzjoni xierqa

(Artikolu 228(2) KE)

3. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas — Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza — Sanzjonijiet pekunjarji — Pagamenti ta’ penalità — Kundanna għall-ħlas — Kundizzjoni — Nuqqas li jibqa’ jeżisti sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja

(Artikolu 228(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, premessa 13)

4. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas — Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza — Sanzjonijiet pekunjarji — Pagamenti ta’ penalità — Forma tal-pagamenti ta’ penalità — Determinazzjoni tal-ammont — Kriterji

(Artikolu 228(2) KE)

5. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas — Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza — Sanzjonijiet pekunjarji — Pagamenti ta’ penalità — Determinazzjoni tal-ammont — Prova tal-progress tal-eżekuzzjoni li għandha tiġi prodotta mill-Istat Membru kkonċernat

(Artikolu 228(2) KE)

6. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni u li tordna l-kanċellament tagħha — Determinazzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru — Obbligu ta’ rkupru — Portata

(Artikolu 88(2) KE; Artikoli 3(3) UE u 51 UE; Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni)

7. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas — Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza — Għajnuna mogħtija mill-Istati — Sanzjonijiet pekunjarji — Pagamenti ta’ penalità — Modalitajiet ta’ estinzjoni tal-pagamenti ta’ penalità — Benefiċjarji f’diffikultà jew f’falliment — Assenza ta’ effett

(Artikolu 228(2) KE)

8. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas — Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza — Għajnuna mogħtija mill-Istati —Sanzjonijiet pekunjarji — Pagamenti ta’ penalità — Modalitajiet ta’ estinzjoni tal-pagamenti ta’ penalità – Ordnijiet ta’ rkupru li huma s-suġġett ta’ kontestazzjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali — Obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali li jikkontestaw id-deċiżjonijiet nazzjonali li trendi ineffettiva d-deċiżjoni tal-Kummissjoni

(Artikolu 228(2) KE)

9. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas — Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza – Sanzjonijiet pekunjarji — Pagamenti ta’ penalità — Somma f’daqqa — Kumulu ta’ żewġ sanzjonijiet — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 228(2) KE)

10. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Obbligu — Dmir ta’ eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni

(Artikolu 88(2) KE)

Summary

1. Meta deċiżjoni tal-Kummissjoni li teżiġi l-kanċellazzjoni ta’ għajnuna mill‑Istat inkompatibbli mas-suq komuni ma kinitx is-suġġett ta’ kawża diretta jew meta tali azzjoni ġiet miċħuda, l-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru kontra r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa dak ibbażat fuq impossibbiltà assoluta li tiġi eżegwita b’mod korrett l-imsemmija deċiżjoni. La l-biża’ ta’ diffikultajiet interni, anki jekk insormontabbli, u lanqas il-fatt li l-Istat Membru inkwistjoni jħoss il-ħtieġa li jivverifika s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata ma jistgħu jiġġustifikaw, għal dan il-għan, li dan ma josservax l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni.

Għalhekk, id-dewmien li sar, wara l-ewwel sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mill-Istat Membru kkonċernat fl-implementazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huwa essenzjalment dovut għad-dewmien tal-intervent tiegħu biex jirrimedja d-diffikultajiet ta’ identifikazzjoni u ta’ rkupru ta’ għajnuna ddikjarata illegali, ma tistax tikkostitwixxi ġustifikazzjoni valida għal impossibbiltà assoluta ta’ natura temporanja tal‑eżekuzzjoni. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li l-Istat Membru kkonċernat informa lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet li nstabu fl-irkupru tal-imsemmija għajnuna u bis-soluzzjonijiet adottati biex jindirizzawhom.

(ara l-punti 30, 31)

2. Fil-kuntest tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 228(2) KE, hija l-Qorti tal‑Ġustizzja, li għandha, f’kull kawża u skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża mressqa quddiemha kif ukoll skont il-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha li jkun meħtieġ, tadotta s-sanzjonijiet pekunjarji li jkunu xierqa sabiex tiggarantixxi l-iktar eżekuzzjoni rapida possibbli tas‑sentenza li tkun preċedentement ikkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u sabiex tipprevjeni li ksur simili tad-dritt tal-Unjoni jerġa’ jseħħ. Għalhekk, il-proposti tal-Kummissjoni ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss bażi ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, il-linji gwida bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mibdija minn din l-istituzzjoni.

Barra minn hekk, il-kuntest legali u fattwali ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat jista’ jkun indikatur li l-prevenzjoni effettiva tar‑rikorrenza fil-futur ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni huwa tali li jeħtieġ l‑adozzjoni ta’ miżura dissważiva.

(ara l-punti 35-37, 89)

3. L-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, bħala prinċipju, hija ġġustifikata biss sakemm jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq in‑nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti sal-eżami tal-fatti mill‑Qorti tal-Ġustizzja.

Dan huwa l-każ, fil-kuntest ta’ proċedura li hija intiża għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi l-irkupru ta’ għajnuna illegali, meta, fid-data tal-għeluq tal-proċedura orali, l-Istat Membru li ta l-imsemmija għajnuna jkun għadu ma rkuprax parti sostanzjali minnha, u b’hekk jinħoloq ostaklu għal kompetizzjoni effettiva kif previst mill-premessa 13 tar‑Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE.

Il-kundanna ta’ dan l-Istat Membru għall-pagamenti ta’ penalità tikkostitwixxi għalhekk mezz finanzjarju adegwat sabiex dan tal-aħħar jiġi mħeġġeġ jadotta l‑miżuri neċessarji sabiex itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni kompluta tad deċiżjoni tal‑Kummissjoni kif ukoll tas-sentenza preċedenti li stabbilixxiet in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mogħtija fil-konfront tiegħu.

(ara l-punti 42, 44, 45)

4. Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-qasam, hija l-Qorti tal‑Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ikkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal‑Istat Membru kkonċernat.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterji ta’ bażi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura obbligatorja tal-pagamenti ta’ penalità fid-dawl tal-applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, it-tul tal-ksur, il-grad ta’ gravità tiegħu, u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall‑applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi pubbliċi u privati kif ukoll l-urġenza sabiex l‑Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu.

Fir-rigward ta’ kawża dwar in-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi għall-irkupru tal-għajnuna mħallsa, skont sistema ta’ għajnuna illegali, hemm lok li, bil-għan li tiġi ddeterminata l-forma tal‑pagamenti ta’ penalità, tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tal‑operazzjonijiet li permezz tagħhom tiġi rkuprata l-imsemmija għajnuna, invokata minn Stat Membru li jagħti l-għajnuna.

Jekk ikun jidher li ser ikun partikolarment diffiċli għal dan l-Istat Membru biex jikseb, f’terminu qasir, eżekuzzjoni sħiħa tad-deċiżjoni tal‑Kummissjoni u, għalhekk, tas-sentenza preċedenti li stabbilixxiet in‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mogħtija fil-konfront tiegħu, peress li l‑operazzjonijiet li jaqgħu taħtha jirrigwardaw numru kbir ta’ impriżi, l‑iffissar ta’ pagamenti ta’ penalità li ma jkunux fissi iżda li jieħdu inkunsiderazzjoni l‑progress eventwali li jagħmel Stat Membru fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu tidher xierqa fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ u, għalhekk, proporzjonata man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat.

Għalhekk, il-ħlas perjodiku ta’ somma kkalkolata billi jiġi mmultiplikat ammont bażiku bil-perċentwali tal-għajnuna illegali li l-irkupru tagħha jkun għadu ma ġietx effettwat jew li ma jkunx ġie ipprovat meta mqabbel mal-ammonti kollha li jkunu għadhom ma nġabrux mid-data meta tingħata s-sentenza għandu jiġi kkunsidrat bħala xieraq.

(ara l-punti 47-49, 52, 53, 56, 57, 93)

5. Għall-kalkolu ta’ pagamenti ta’ penalità imposti fuq Stat Membru li ma jkunx eżegwixxa sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li timponilu jirkupra għajnuna mogħtija illegalment, l-imsemmi rkupru jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biss bil‑kundizzjoni li l-Kummissjoni tkun ġiet informata b’dan u tkun tista’ tevalwa n‑natura xierqa tal-prova kkomunikata f’dan ir-rigward.

Fil-fatt, fil-qasam tal-irkupru ta’ għajnuna illegali, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jipproduċi quddiem il-Kummissjoni l-prova tal-irkupru tal-imsemmija għajnuna, kif jirriżulta mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, sabiex tiżgura konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

Barra minn hekk, għajr fil-każijiet fejn l-għajnuna illegali tiġi rrimborsata mill-impriża benefiċjarja, in-natura tal-prova meħtieġa għandha tiġi adattata għal partikolaritajiet tas-sitwazzjonijiet fattwali ffaċċjati mill-Istat Membru inkwistjoni fl-operazzjonijiet tiegħu ta’ rkupru.

(ara l-punti 50, 53, 71)

6. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat f’dak li jirrigwarda il-kompetizzjoni u partikolarment dawk relatati mal-għajnuna mill-Istat, li huma l‑espressjoni ta’ waħda mill-missjonijiet ewlenin mogħtija lill-Unjoni Ewropea, għandhom natura fundamentali kif jirriżulta mill-Artikolu 3(3) TUE, jiġifieri l-istabbiliment ta’ suq intern u mill Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni li, skont l‑Artikolu 51 TFUE, jagħmel parti integrali mit-Trattati u li jipprovdi li s-suq intern jinkludi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta.

F’dan ir-rigward, l-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni għandu l-għan li jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill‑vantaġġ kompetittiv li l-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna ħa fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu, u b’hekk jistabbilixxi mill-ġdid is‑sitwazzjoni ta’ qabel il-ħlas tal-imsemmija għajnuna.

Barra minn hekk, l-irkupru jissanzjona mhux biss in-natura inkompatibbli tal-għajnuna inkwistjoni, iżda wkoll in-nuqqas tal-Istat Membru li jwettaq l-obbligu doppju msemmi fl‑Artikolu 108(3) TFUE, skont liema dan l‑Istat, min-naħa waħda, għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-pjanijiet sabiex tingħata jew tinbidel għajnuna u, min-naħa l-oħra, ma jistax jeżegwixxi l-miżuri proposti qabel ma din il-proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali.

(ara l-punti 60-62)

7. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità, fil-qasam tal-irkupru tal-għajnuna illegali, n-natura tal-prova meħtieġa għandha tiġi adattata għall-partikolaritajiet tas-sitwazzjonijiet fattwali ffaċċjati mill-Istat Membru inkwistjoni fl-operazzjonijiet tiegħu ta’ rkupru.

Fir-rigward tal-ipoteżi li l-għajnuna inkwistjoni għandha tiġi rkuprata minn impriżi fi stat ta’ falliment jew suġġetti għall-proċedura ta’ falliment fejn l‑għan huwa li ssir il-likwidazzjoni tal-attiv u l-clearance tal-passiv, il-fatt li impriżi jkunu f’diffikultà jew f’falliment ma jaffettwax l-obbligu ta’ rkupru. Fil-fatt, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni ta’ qabel u l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal‑kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna mogħtija illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jinkisbu billi d-dejn relatat mal-ħlas lura tal‑għajnuna kkonċernata jiġi inkluż fl-iskeda tal-passiv.

F’dan ir-rigward, huwa l-Istat Membru inkwistjoni li għandu jipproduċi quddiem il‑Kummissjoni l-prova ta’ inklużjoni tad-debiti inkwistjoni fil‑kuntest ta’ proċeduri ta’ falliment. Fin-nuqqas li jagħmel hekk, huwa dan l‑Istat Membru li għandu jipproduċi kwalunkwe prova sabiex jistabbilixxi li huwa uża d-diliġenza kollha dovuta għal dan il-għan. B’mod partikolari, fil-każ fejn it-talba għal inklużjoni ta’ debiti tkun ġiet miċħuda, huwa għandu jerġa’ jipproduċi l-prova li huwa għamel, skont id-dritt nazzjonali, kull proċedura tali li tikkontesta l-imsemmi rifjut.

Fir-rigward tal-ipoteżi li l-għajnuna illegali inkwistjoni għandha tiġi rkuprata mill-impriża li fil-konfront tagħhom ġew adottati mingħajr suċċess, miżuri protettivi u ta’ eżekuzzjoni individwali, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jadotta, imbagħad jikkomunika lill-Kummissjoni, kull miżura biex jikseb ir-rimbors tal-għajnuna illegali u, jekk meħtieġ, dawk intiżi biex jipprovokaw il-likwidazzjoni tagħhom, b’tali mod li jkun jista’ jsostni d-debiti fuq l-attivi ta’ dawn l-impriżi. Għalhekk, huwa l-Istat Membru li għandu jipproduċi prova, l-ewwel nett, ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment kontra l-impriżi kkonċernati u, it-tieni nett, tal‑inklużjoni tad-debiti mal-passiv ta’ dawn.

Fir-rigward tal-ipoteżi li l-għajnuna illegali inkwistjoni għandha tiġi rkuprata minn impriżi li għebu, il-prova tal-kanċellazzjoni tagħhom mir‑reġistri hija biżżejjed biex tipprova l-ineżistenza tagħhom, u għalhekk, l-impossibbiltà li tiġi rkuprata din l-għajnuna.

(ara l‑punti 71, 74, 76, 77)

8. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità, fil-qasam tal-irkupru ta’ għajnuna illegali, meta l-ordnijiet ta’ rkupru tal-għajnuna illegali mħallsa minn Stat Mmbru jkunu s-suġġett ta’ kawża quddiem il-qrati nazzjonali, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu, skont il-ħtieġa għall-irkupru effettiv ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, jikkontesta kull deċiżjoni nazzjonali li tagħmel ineffettiva d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, speċjalment għal raġunijiet li jirrigwardaw, bħal f’dan il-każ, l‑applikazzjoni tar-regoli tal-preskrizzjoni jew ta’ prova.

(ara l-punt 78)

9. Fid-dawl tal-għanijiet tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 228(2) KE, il‑Qorti tal-Ġustizzja tista’, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li ġiet mogħtija lilha fl-imsemmi artikolu, timponi, b’mod kumulattiv, pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa.

Id-deċiżjoni ta’ jekk tiġix imposta somma f’daqqa jew le, għandha f’kull każ, tibqa’ l-espressjoni tal-elementi kollha rilevanti li jkollhom x’jaqsmu kemm mal-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-atitudni stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċeduri mressqa abbażi tal-Artikolu 228 KE. F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li timponi tali sanzjoni jew le.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li timponi ħlas ta’ somma f’daqqa, hija għandha, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tiffissah b’mod li jkun, minn naħa, adatt għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonat għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, kif ukoll għall-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm b’mod partikolari elementi bħat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu illi jippersisti wara d-data tas-sentenza li tkun ikkonstatatu u l-gravità tal‑ksur. Barra minn hekk, il-prevenzjoni effettiva tar-rikorrenza fil-futur ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni huwa tali li jeħtieġ l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva.

(ara l-punti 82, 83, 89, 93, 94)

10. Fil-qasam tal-irkupru ta’ għajnuna illegali, l-Istat Membru għandu jirnexxilu jirkupra b’mod effettiv is-somom dovuti peress li rkupru tardiv, wara t-termini previsti, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-Trattat. F’dan il‑kuntest, Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet, prattiċi jew ċirkustanzi tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, il-ġustifikazzjonijiet invokati minn dan l-Istat Membru bbażati fuq diffikultajiet interni, marbuta mal-kumplessità tal-miżuri li kellhom jiġu implementati biex jiġu identifikati l-benefiċjarji tal-għajnuna illegali inkwistjoni u biex tiġi rkuprata din l-għajnuna minn dawn, ma jistgħux jintlaqgħu.

(ara l-punti 86, 87)