SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Frar 2011 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Dazju doganali – Kwota tariffarja – Kodiċi Doganali – Artikolu 239 – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Artikoli 308a, 308b u 905 – Regolament (KE) Nru 975/2003 – Tonn – Eżawriment tal-kwota – Data ta’ ftuħ – Il-Ħadd”

Fil-Kawża C‑494/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Alessandria (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Diċembru 2009, fil-proċedura

Bolton Alimentari SpA

vs

Agenzia delle Dogane – Ufficio delle Dogane di Alessandria,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby, E. Juhász, G. Arestis u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Bolton Alimentari SpA, minn M. Merola u C. Santacroce, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u D. Recchia kif ukoll minn B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2008, L 352M, p. 629, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), kif ukoll tal-Artikoli 308a sa 308c u 905 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2007, tat-28 ta’ Frar 2007 (ĠU 2008, L 327M, p. 879, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Bolton Alimentari SpA (iktar ’il quddiem “Bolton”) u l-Agenzia delle Dogane – Ufficio delle Dogane di Alessandria (iktar ’il quddiem l-“Agenzia”) dwar l-esklużjoni ta’ Bolton minn kwota tariffarja li nfetħet il-Ħadd l-1 ta’ Lulju 2007, jum li fih l-uffiċċji doganali Taljani jkunu magħluqa, u li ġiet eżawrita fl-istess jum tal-ftuħ tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li:

“1.      Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu f’sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238:

–        li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat;

–        li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat. Ħlas lura jew remissjoni jistgħu jsiru bla ħsara għal kondizzjonijiet speċjali.

2.      Dazji għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 1 malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha l-ammont tad-dazji kien ġie komunikat lid-debitur.

[…]”

4        L-Artikolu 308a tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdi li:

“1.      Ħlief fejn hemm previst mod ieħor, meta l-kwoti ta’ tariffi jkunu miftuħa b’kull dispożizzjoni tal-Komunità, dawk il-kwoti ta’ tariffi għandhom ikunu amministrati b’mod konformi ma’ l-ordni kronoloġika tad-dati ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet għal rilaxx f’ċirkolazzjoni ħielsa.

[…]

4.      Suġġett għall-paragrafu 8, allokazzjonijiet għandhom jingħataw mill-Kummissjoni fuq il-bażi tad-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni rilevanti għal rilaxx f’ċirkolazzjoni ħielsa, u sal-limitu li l-bilanċ tal-kwota rilevanti tat-tariffa hekk tippermetti. Prijorità għandha tkun stabbilita b’mod konformi ma’ l-ordni kronoloġika ta’ dawn id-dati.

5.      L-Istati Membri għandhom mingħajr dewmien jikkomunikaw mal-Kummissjoni t-talbiet kollha validi għal teħid. Dawk il-komunikazzjonijiet għandhom jinkludu d-data li għaliha hemm referenza fil-paragrafu 4, u l-ammont eżatt li tkun saret applikazzjoni għalih fuq id-dikjarazzjoni doganali rilevanti.

[…]

7.      Jekk il-kwantitajiet mitluba għal teħid minn kull kwota ta’ tariffa jkunu akbar mill-bilanċ disponibbli, allokazzjoni għandha ssir fuq bażi pro rata f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwantitajiet mitluba.

8.      Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, l-aċċettazzjoni ta’ kull dikjarazzjoni mill-awtoritajiet doganali fl-1, 2 jew [u] 3 ta’ Jannar għandu jkun meqjus bħala aċċettazzjoni fit-3 ta’ Jannar. Madankollu, jekk waħda minn dawn il-ġranet taħbat is-Sibt jew il-Ħadd, din l-aċċettazzjoni għandha tkun meqjusa bħala li seħħet fl-4 ta’ Jannar.

[…]”

5        L-Artikolu 308b tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdi li:

“1.      Il-Kummissjoni għandha tagħmel kull allokazzjoni għal kuljum tax-xogħol, ħlief:

–        ġranet li huma vakanzi għall-istituzjonijiet tal-Komunità fi Brussel, jew

[…]

2.      Bla ħsara għall-Artikolu 308a(8), kull allokazzjoni għandha tieħu akkont it-talbiet kollha li ma jkunux imwieġba li għandhom x’jaqsmu mad-dikjarazzjonijiet għal rilaxx f’ċirkolazzjoni ħielsa li kienu ġew aċċettati sal u li jinkludi t-tieni jum preċedenti, u li kienu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni.”

6        Skont l-Artikolu 308c tar-Regolament ta’ Implementazzjoni:

“1.      Kwota ta’ tariffa għandha tkun ikkonsidrata kritika hekk kif 90 % tal-volum inizjali jkun użat, jew skond id-diskrezzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, kwota ta’ tariffa għandha tkun ikkonsidrata kritika mid-data tal-ftuħ tagħha f’wieħed mill-każi li ġejjin:

[…]

c)      kwota ta’ tariffa ekwivalenti miftuħa fis-sentejn ta’ qabel li ġiet użata kollha fl-aħħar jew qabel l-aħħar ġurnata tat-tielet xahar tal-perjodu tagħha ta’ kwota jew li kellha volum inizjali ogħla mill-kwota tat-tariffa in kwistjoni.

[…]”

7        L-Artikolu 899 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdi:

“1.      Meta l-awtorità doganali li tieħdu d-deċiżjoni tistabbilixxi li applikazzjoni għal rifużjoni jew remissjoni ippreżentata lilha permezz ta’ l-Artikolu 239(2) tal-Kodiċi [doganali]:

–        tkun ibbażata fuq bażi li tikkorrespondi għal waħda miċ-ċirkostanzi referuti fl-Artikoli 900 sa 903, u li dawn ma jkunux jirriżultaw minn qerq jew negliġenza ovvja minn naħa tal-persuna kkonċernata, hi għandha tgħamel ir-rifużjoni jew ir-remissjoni ta’ l-ammont tad-dazji kkonċernati ta’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni,

–        tkun ibbażata fuq il-bażi li jikkorrespondu ma waħda miċ-ċirkostanzi referuti fl-Artikolu 904, hi m’għandhiex tagħmel ir-rifużjoni jew ir-remissjoni ta’ l-ammont ikkonċernat tad-dazji ta’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni.

2.      Fil-każi l-oħrajn, apparti milli f’dawk li fihom id-dossier għandu jkun ippreżentat lill-Kummissjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 905, l-awtorità doganali li tieħu d-deċiżjoni għandha hija nnifisha tiddeċiedi li tagħti r-rifużjoni jew ir-remissjoni tad-dazji ta’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni meta jkun hemm sitwazzjoni speċjali li tirriżulta minn ċirkostanzi li fihom l-ebda qerq jew negliġenza ovvja ma tista tkun attribwita għall-persuna kkonċernata.

Meta l-Artikolu 905(2), it-tieni nċiż, ikun applikabbli, l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jiddeċiedu li jawtorizzaw ir-rifużjoni jew ir-remissjoni tad-dazji f’dak il-każ sat-tmiem tal-proċedura inizzjata b’konformità ma l-Artikoli 906 sa 909.

[…]”

8        Skont l-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni:

“1.      Meta l-applikazzjoni għal rifużjoni jew remissjoni ippreżentata pemezz ta’ l-Artikolu 239(2) tal-Kodiċi [doganali] tkun sostnuta b’evidenza li tista tikkostitwixxi sitwazzjoni speċjali li tirriżulta minn ċirkostanzi li fihom l-ebda qerq jew negliġenza ovvja ma tista tkun attribwita lill-persuna kkonċernata, l-Istat Membru li lilu l-awtorità doganali li tieħu d-deċiżjoni tkun tappartieni għandha titrasmetti l-każ lill-Kummissjoni sabiex tkun imwettqa permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 906 sa 909 meta:

–        l-aworità tikkonsidra li sitwazzjoni speċjali tkun ir-riżultat li l-Kummissjoni tkun naqset fl-obligazzjonijiet tagħha,

[…]

2.      B’dana kollu, il-każi referuti fil-paragrafu 1 m’għandhomx ikunu trasmessi meta:

–        il-Kummissjoni tkun diħa [diġà] adottat deċiżjoni permezz tal-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikoli 906 sa 909 dwar każ li jinvolvi kwestjonijiet komparabbli fil-fatt u fil-liġi,

–        il-Kummissjoni tkun diġa tikkonsidra każ li jinvolvi kwestjonijiet komparabbli fil-fatt u fil-liġi.

[…]”

9        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/2003, tal-5 ta’ Ġunju 2003, li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tat-tariffa għall-importazzjoni tat-tonn tal-bott koperti mill-kodiċi NM 1604 14 11, 1604 14 18 u 1604 20 70 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 419) jipprovdi:

“Mill-1 ta’ Lulju 2003, l-importazzjonijiet ta’ laned tat-tonn koperti mill-kodiċi NM 1604 14 11, 1604 14 18 u 1604 20 70 li joriġinaw minn kwalunkwe pajjiż għandhom ikunu eliġibbli għal rata ta’ tariffa ta’ 12 fil-mija fil-limiti tal-kwota tat-tariffa miftuħa skond dan ir-Regolament.”

10      Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 975/2003:

“Il-kwota ta’ tariffa għandha tinfetaħ kull sena għal perjodu inizjali ta’ ħames snin. Il-volum tagħha għall-ewwel sentejn għandhu ikun iffissat kif ġej:

–        25 000 tunnellata mill-1 ta’ Lulju 2003 sat-30 ta’ Ġunju 2004,

–        25 750 tunnellata mill-1 ta’ Lulju 2004 sat-30 Ġunju 2005.”

11      L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jista’ jiġi rivedut matul it-tieni sena wara li l-kwota tat-tariffa tiġi miftuħa sabiex jiġi addattat il-volum tal-kwota skont il-bzonnijiet tas-suq tal-Komunità. Jekk, madankollu, din ir-reviżjoni ma tkunx lesta tlett xhur qabel it-30 ta’ Ġunju 2005, il-kwota tiġi awtomatikament estiża għal sena oħra għal volum ta’ 25 750 tunnellata. Imbagħad il-kwota ta’ tariffa tiġi estiża regolarment għal sena kull darba u għall-istess volum kemm-il darba ma’ tkunx adottata reviżjoni mhux iktar tard minn tlett xhur qabel l-egħluq tal-kwota attwali.”

12      L-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Il-Kummissjoni ser tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali […] mwaqqaf skond l-Artikolu 247a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Xi kwoti tariffarji li Bolton kisbet fis-snin 2005 u 2006 għall-importazzjoni tat-tonn tal-bott mit-Tajlandja, infetħu skont ir-Regolament Nru 975/2003.

14      Sabiex tibbenefika minn kwota tariffarja għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008, Bolton ippreżentat dikjarazzjonijiet għal rilaxx f’ċirkolazzjoni libera għat-tonn tal-bott mit-Tajlandja li ġew aċċettati mill-uffiċċji doganali Taljani biss fit-2 ta’ Lulju minħabba l-għeluq tal-uffiċċji tagħhom fil-Ħdud.

15      Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, din ipproċediet, fl-4 ta’ Lulju 2007, bl-attribuzzjoni tal-kwota tariffarja inkwistjoni skont l-ordni kronoloġika tad-dati ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali. Wara l-attribuzzjoni tal-kwota tariffarja għat-talbiet għal teħid li d-dikjarazzjonijiet tagħhom kienu ġew aċċettati fl-1 ta’ Lulju 2007, din il-kwota tariffarja ġiet eżawrita fl-istess jum tal-ftuħ tagħha. Minħabba dan il-fatt, it-talba għal teħid ta’ Bolton ma ġietx ikkunsidrata u din kellha konsegwentement tħallas id-dazju kollu applikabbli għall-importazzjoni effettwata.

16      Hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, fis-16 ta’ Lulju 2007 l-Agenzia talbet lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi għar-regolarizzazzjoni tat-talbiet għal teħid li kienu ġew esklużi mill-attribuzzjoni tal-kwota tariffarja minħabba l-fatt li huma kienu ġew aċċettati mill-uffiċċji doganali Taljani biss it-Tnejn 2 ta’ Lulju 2007. F’dan ir-rigward, l-Agenzia rreferiet għall-ftehim amministrattiv li jirrigwarda l-ġestjoni tal-kwoti tariffarji adottati mill-kumitat tal-Kodiċi Doganali fit-30 ta’ Ottubru 2007 (TAXUD/3439/2006-rev.1IT, iktar ’il quddiem il-“ftehim amministrattiv”). Hija sostniet li, skont il-punt 15 tal-imsemmi ftehim, id-dikjarazzjonijiet aċċettati l-Ħadd l-1 ta’ Lulju 2007, minn awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra, kellhom jiġu ttrattati, mill-Kummissjoni, flimkien ma’ dawk aċċettati, fl-Italja, it-Tnejn 2 ta’ Lulju 2007. Barra minn hekk, hija rreferiet għall-fatt li b’analoġija, kellu jkun neċessarju li tapplika għas-sitwazzjoni preżenti d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 308a(8) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni dwar it-trattament tat-talbiet aċċettati fl-ewwel tlett ijiem tas-sena.

17      Fis-16 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni rrispondiet, b’ittra TAXUD B4 D (2007) 9241 (iktar ’il quddiem il-“memorandum TAXUD”), li kien impossibbli li sseħħ regolarizzazzjoni tat-talbiet għal teħid li kellhom id-data ta’ aċċettazzjoni tat-2 ta’ Lulju 2007. L-attribuzzjonijiet tal-kwoti tariffarji kienu jseħħu skont l-Artikolu 308a(4) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni permezz tal-ordni kronoloġika u l-ftehim amministrattiv ma jbiddilx dan.

18      Bolton talbet ir-rimbors tal-ammont supplementari tad-drittijiet li hija kienet imġiegħla tħallas għall-importazzjonijiet tagħha billi invokat il-fatt li hija ma kellhiex l-opportunità tikkompeti mal-importaturi l-oħra tal-Unjoni għall-ammissjoni tal-kwota tariffarja inkwistjoni fuq bażi ekwa u nondiskriminatorja. Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2008, id-Direzione regionale per il Piemonte e la Valle d’Aosta – Ufficio delle Dogane di Alessandria irrifjutat ir-rimbors mitlub. Għall-finijiet tal-annullament ta’ din id-deċiżjoni, Bolton appellat quddiem il-qorti tar-rinviju.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Commissione tributaria provinciale di Alessandria ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 239 tal-[Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha l-Istat Membru jsostni li l-Kummissjoni […] ma tistax tinżamm responsabbli għal ebda irregolarità kif ukoll li ma jirriżultawx l-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 905(1) tar-[Regolament ta’ Implementazzjoni] l-imsemmi Stat jista’ jiddeċiedi b’mod awtonomu fir-rigward tat-talba għar-rimbors tad-debitur, fis-sens tal-Artikolu 899(2) tar-[Regolament ta’ Implementazzjoni]?

2)      Fil-każ illi r-risposta għad-domanda preċedenti hija pożittiva, il-frażi ‛sitwazzjoni partikolari’, li tinsab fl-Artikolu 293 tal-[Kodiċi Doganali], tista’ tintuża sabiex importatur Komunitarju jiġi eskluż minn kwota tariffarja, li d-data ta’ ħruġ tagħha jaħbat il-Ħadd, peress illi l-uffiċċji doganali tal-Istat Membru tar-rinviju huma magħluqa nhar ta’ Ħadd?

3)      L-Artikoli 308a sa 308c tar-[Regolament ta’ Implementazzjoni], kif ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-[ftehim amministrattiv], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru jmissu talab lill-Kummissjoni minn qabel għas-sospensjoni tal-kwota tariffarja inkwistjoni sabiex l-importaturi Taljani jiġu ttrattati b’mod ekwu u nondiskriminatorju meta mqabbla ma’ importaturi ta’ Stati Membri oħra?

4)      L-esklużjoni ta’ Bolton […] mill-kwota deċiża mill-Kummissjoni u l-memorandum TAXUD jistgħu jitqiesu bħala miżuri skont l-Artikoli 308a sa 308c tar-[Regolament ta’ Implementazzjoni] u skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim amministrattiv […] u li huma għaldaqstant validi?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

20      Il-Gvern Taljan ikkunsidra r-rinviju għal deċiżjoni preliminari inammissibbli. Bolton kellha tikkontesta quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li permezz tagħha hija eskluditha mill-kwota tariffarja kif ukoll il-memorandum TAXUD li kkonferma din il-pożizzjoni. Skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, Ġabra p. I‑833), ma jistax jiġi ammess li Bolton tinvoka quddiem il-qrati nazzjonali allegati żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

21      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-ewwel u t-tielet domandi ma jirrigwardawx il-validità tal-atti li joħorġu mill-Kummissjoni, iżda jittrattaw biss l-obbligi tal-awtoritajiet nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. B’hekk, il-possibbiltà eventwali, għal Bolton, hekk kif imressqa mill-Gvern Taljan, li tipproċedi quddiem il-Qorti Ġenerali jista’ jkollha biss effett fuq l-ammissibbiltà tar-raba’ domanda u mhux fuq dik ta’ talba għal deċiżjoni preliminari kollha kemm hi.

22      Għal dak li jirrigwarda iktar preċiżament l-ammissibbiltà tar-raba’ domanda, għandu jingħad li għalkemm huwa ċertament minnu li l-possibbiltà li individwu jsostni quddiem il-qorti li tkun qeda titratta l-invalidità tad-dispożizzjonijiet kontenuti f’atti tal-Unjoni tippresupponi li din il-parti ma tiddisponix mid-dritt li tintroduċi, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn id-dispożizzjonijiet li hija subiet il-konsegwenzi tagħhom mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob l-annullament tagħhom (ara s-sentenzi TWD Textilwerke Deggendorf, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23, kif ukoll tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C‑550/09, Ġabra p. I‑6209, punti 45 u 46).

23      Madankollu, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li rikors dirett għandu jkun mingħajr dubju ammissibbli (ara s-sentenza E u F, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, fil-każ preżenti, l-elementi mressqa fit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll dawk fornuti mill-Gvern Taljan ma jippermettux lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li tali rikors dirett kien ikun mingħajr dubju ammissibbli.

24      Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, id-“deċiżjoni” tal-Kummissjoni li permezz tagħha, skont il-Gvern Taljan, Bolton ġiet eskluża mill-kwota tariffarja, għandu jiġi kkonstatat li la t-talba għal deċiżjoni preliminari u lanqas l-osservazzjonijiet tal-partijiet ma juru jekk, meta u b’liema mod, din id-deċiżjoni kienet ġiet ikkomunikata lil Bolton. Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjoni ma ġietx prodotta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod li din il-qorti ma hijiex f’pożizzjoni li tivverifika jekk Bolton kinitx id-destinatarja, jew jekk dan ma kienx il-każ, jekk l-imsemmija kumpannija kinitx direttament u individwalment ikkonċernata minn din fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tevalwa jekk rikors ta’ Bolton, dirett kontra din l-istess deċiżjoni, kinitx mingħajr dubju ammissibbli.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli kollha kemm huma.

 Fuq il-mertu

 Fuq ir-raba’ domanda

26      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi essenzjalment, jekk l-Artikoli 308a sa 308c tar-Regolament ta’ Implementazzjoni kif ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim amministrattiv għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li l-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni li teskludi operatur ta’ kwota tariffarja minħabba l-fatt li din il-kwota ġiet eżawrita fl-istess jum tal-ftuħ tagħha li kien il-Ħadd, jum ta’ għeluq tal-uffiċċji doganali fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-operatur inkwistjoni.

27      Skont l-Artikolu 308a(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, il-kwoti tariffarji huma amministrati “ħlief fejn hemm previst mod ieħor” skont l-ordni kronoloġika tad-dati ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet għal rilaxx f’ċirkolazzjoni libera.

28      L-Artikolu 308a(4) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdi li l-allokazzjonijiet jingħataw, “suġġett għall-paragrafu 8”, mill-Kummissjoni fuq il-bażi tad-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni rilevanti għal rilaxx f’ċirkolazzjoni libera. Fit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, ġie ppreċiżat li prijorità hija stabbilita skont l-ordni kronoloġika ta’ dawn id-dati ta’ aċċettazzjoni.

29      Skont l-imsemmi paragrafu 8, id-dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx f’ċirkolazzjoni libera mill-awtoritajiet doganali fl-1, fit-2 u fit-3 ta’ Jannar, huma meqjusa, għall-finijiet tal-imsemmi Artikolu 308a, li ġew aċċettati fit-3 ta’ Jannar. Dan l-istess paragrafu 8 jispeċifika li jekk wieħed minn dawn il-jiem ikunu s-Sibt jew il-Ħadd, id-dikjarazzjonijiet kollha huma kkunsidrati li ġew aċċettati fl-4 ta’ Jannar.

30      Mill-kliem stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, bħala regola ġenerali, l-allokazzjonijiet huma mogħtija skont l-ordni kronoloġika tad-dati ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx f’ċirkolazzjoni libera, independentement mill-jum tal-ġimgħa li fih ġew aċċettati dawn id-dikjarazzjonijiet.

31      Barra minn hekk, it-tieni sentenza tal-Artikolu 308a(8) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tipprovdi speċifikament regola derogatorja għal każ fejn l-1, it-2 u t-3 ta’ Jannar ikunu s-Sibt jew il-Ħadd, din ir-regola tippresupponi neċessarjament l-eżistenza ta’ regola ġenerali li fiha l-ordni kronoloġika hija stabbilita biss fuq il-bażi tad-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx f’ċirkolazzjoni libera indipendentement mill-jum tal-ġimgħa li fiha ġiet aċċettata din id-dikjarazzjoni.

32      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-istruttura tal-Artikolu 308a tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, fejn ir-raba’ paragrafu ta’ dan l-artikolu jispeċifika li deroga għal din ir-regola ġenerali hija prevista biss f’ċirkustanzi previsti fil-paragrafu 8 tal-imsemmi artikolu, jiġifieri għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx f’ċirkolazzjoni libera aċċettati fl-1, fit-2 jew fit-3 ta’ Jannar.

33      Iċ-ċirkustanza li, skont il-punt 15 tal-ftehim amministrattiv, id-dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx f’ċirkolazzjoni libera aċċettati mill-awtoritajiet doganali nazzjonali fil-Ħdud huma ttrattati mill-Kummissjoni t-Tnejn ma tpoġġix fid-dubju r-riżultat li jirriżulta espressament u b’mod inekwivoku mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 308a tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. Fil-fatt, il-ftehim amministrattiv minnu stess ma jidderogax ir-regoli stabbiliti f’dan l-artikolu u konsegwentement ma jistax jiġi interpretat b’mod li jmur kontra dan l-artikolu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, Ġabra p. I‑6619, punt 61, kif ukoll tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑369/07, Ġabra p. I‑5703, punt 112).

34      Bl-istess mod, hija irrilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 308a tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, iċ-ċirkustanza, invokata minn Bolton, li l-Kummissjoni kienet, fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, konxja bl-għeluq fil-Ħdud tal-uffiċċji doganali fl-Italja u li kien hemm ir-riskju li l-kwota inkwistjoni tkun eżawrita mill-ewwel jiem tal-ftuħ tagħha.

35      Skont Bolton, il-Kummissjoni kellha tmexxi l-ftuħ ta’ dawn il-kwoti għat-Tnejn, jiġifieri titratta t-talbiet għal teħid aċċettati fl-Italja t-Tnejn flimkien ma’ dawk aċċettati fi Stati Membri oħra fil-Ħdud sabiex jiġi b’hekk żgurat aċċess nondiskriminatorju għall-kwoti inkwistjoni lill-operaturi kollha tal-Unjoni.

36      Issa, għandu jingħad li l-għeluq fil-Ħdud tal-uffiċċji doganali fl-Italja ma huwiex attribwibbli lill-Kummissjoni u li hija ma hijiex, minħabba dan il-fatt biss, obbligata tirrimedja għal trattament differenti tal-operaturi Taljani li jirriżulta mill-fatt li l-jiem ta’ ftuħ tal-uffiċċji doganali fl-Italja huma differenti minn dawk fi Stati Membri oħra.

37      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikoli 308a sa 308c tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux li l-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni li teskludi lil operatur minn kwota tariffarja minħabba l-fatt li din il-kwota ġiet eżawrita fl-istess jum tal-ftuħ tagħha li jkun il-Ħadd, jum ta’ għeluq tal-uffiċċji doganali fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-operatur inkwistjoni.

 Fuq it-tielet domanda

38      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi essenzjalment, jekk l-Artikoli 308a sa 308c tar-Regolament ta’ Implementazzjoni u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim amministrattiv għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jimponu fuq Stat Membru l-obbligu li jitlob lill-Kummissjoni s-sospensjoni ta’ kwota tariffarja sabiex jiġi żgurat it-trattament ekwu u nondiskriminatorju tal-importaturi meta l-ftuħ ta’ din il-kwota tariffarja jkun il-Ħadd, jum li fih l-uffiċċji doganali fl-Istat Membru kkonċernat ikunu magħluqa, u meta hemm ir-riskju li l-imsemmija kwota tiġi eżawrita fl-istess jum tal-ftuħ tagħha peress li l-uffiċċji doganali fi Stati Membri oħra jkunu miftuħa fil-Ħdud.

39      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-obbligu eventwali ta’ Stat Membru li jitlob is-sospensjoni ta’ kwota tariffarja tippresupponi li l-Kummissjoni tkun effettivament f’pożizzjoni li tissospendi l-ftuħ ta’ kwota tariffarja minħabba l-għeluq fil-Ħdud tal-uffiċċji doganali fi Stat Membru.

40      Issa, l-Artikoli 308a sa 308c tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ma jipprovdux għas-sospensjoni tal-ftuħ ta’ kwota tariffarja f’ċirkustanzi bħal dawn.

41      Barra minn hekk, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, sospensjoni bħal din ta’ kwota tariffarja tistax tiġi awtorizzata għaliex dan ikun neċessarjament jimplika li l-ftuħ ta’ kwota fl-Unjoni kollha jkun jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi partikolari eżistenti fi Stat Membru wieħed.

42      Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-regoli tal-ftehim amministrattiv, għandu jitfakkar li, kif intqal fil-punt 33 tas-sentenza preżenti, huma ma jistgħux jagħmlu eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

43      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikoli 308a sa 308c tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jimponux fuq Stat Membru l-obbligu li jitlob lill-Kummissjoni s-sospensjoni ta’ kwota tariffarja sabiex jiġi żgurat it-trattament xieraq u nondiskriminatorju tal-importaturi meta l-ftuħ ta’ din il-kwota tariffarja jkun il-Ħadd, jum ta’ għeluq tal-uffiċċji doganali fl-Istat Membru kkonċernat, u meta hemm ir-riskju li l-imsemmija kwota tiġi eżawrita fl-istess jum tal-ftuħ tagħha peress li l-uffiċċji doganali fi Stati Membri oħra jkunu miftuħa fil-Ħdud.

 Fuq l-ewwel domanda

44      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-awtorità doganali ta’ Stat Membru tistax tiddeċiedi hija nnifisha fuq it-talba għar-rimbors prevista fl-Artikolu 239(2) tal-Kodiċi Doganali meta din l-awtorità tikkunsidra li l-ebda irregolarità ma tista’ tiġi attribwita lill-Kummissjoni u li t-talba inkwistjoni ma taqa’ fl-ebda wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 905(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 899(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, l-awtoritajiet doganali nazzjonali huma kompetenti sabiex jiddeċiedu jekk għandux jingħata jew le ir-rimbors tad-dazji fil-każijiet l-oħra kollha, jiġifieri barra mill-każijiet previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li ma humiex rilevanti fil-każ preżenti, “apparti milli f’dawk li fihom il-fajl għandu jkun ippreżentat lill-Kummissjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 905”.

46      Issa, peress li l-awtorità doganali Taljana kompetenti kkunsidrat li s-sitwazzjoni partikolari li fiha tinsab Bolton ma tirriżultax minn nuqqas tal-Kummissjoni milli twettaq l-obbligi tagħha u li t-talba għar-rimbors inkwistjoni ma hijiex koperta mill-eżempji l-oħra li jidhru fl-Artikolu 905(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, minn dan neċessarjament jirriżulta li l-awtorità doganali Taljana, li rċeviet it-talba ta’ Bolton skont l-Artikolu 239(2) tal-Kodiċi Doganali, kienet kompetenti sabiex tiddeċiedi jekk ir-rimbors mitlub kellux jingħata jew le.

47      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li, f’każijiet minbarra dawk previsti fl-Artikolu 899(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, l-awtorità doganali ta’ Stat Membru hija kompetenti li tiddeċiedi hija nnifisha fuq it-talba għar-rimbors prevista fl-Artikolu 239(2) tal-Kodiċi Doganali meta din l-awtorità tikkunsidra li l-ebda irregolarità ma tista’ tiġi attribwita lill-Kummissjoni u li t-talba inkwistjoni ma taqa’ fl-ebda wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 905(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

48      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprovdi għall-esklużjoni ta’ importatur tal-Unjoni minn kwota tariffarja li d-data tal-ftuħ tagħha tkun il-Ħadd minħabba l-għeluq fil-Ħdud tal-uffiċċji doganali fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-importatur.

49      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu preliminarjament jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali jistax bħala prinċipju, japplika fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

50      Fil-fatt, skont il-Gvern Taljan, l-applikazzjoni tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali hija eskluża peress li hija jkollha bħala konsegwenza li tkabbar il-kwota tariffarja lil hinn mil-limitu kwantitattiv hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 2 u 6 tar-Regolament Nru 975/2003, jiġifieri 25 750 tunnellata.

51      Ċertament, fil-kawża prinċipali, ir-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni, skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, jimplika li, minkejja l-eżawriment tal-kwota tariffarja inkwistjoni, l-importazzjonijiet li saru mill-importaturi bħal Bolton ikunu, minħabba r-rimbors tad-differenza bejn id-dazji normali fuq l-importazzjoni u dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-rata preferenzjali valida għal din il-kwota tariffarja, effettivament suġġetti għal din ir-rata preferenzjali.

52      Issa, konsegwenza bħal din ma teskludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, hekk kif jirriżulta minn analiżi tal-kliem, tal-istruttura u tal-finalità ta’ din id-dispożizzjoni.

53      L-ewwel nett, il-kliem tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali ma jagħti l-ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi dedott li l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu tkun eskluża f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

54      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali jammonta għal klawżola ġenerali ta’ ekwità (sentenzi tat-3 ta’ April 2008, Militzer & Münch, C‑230/06, Ġabra p. I‑1895, punt 50, kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il‑Kummissjoni, C‑204/07 P, Ġabra p. I‑6135, punt 85).

55      Issa, peress li l-importaturi stabbiliti fi Stat Membru fejn l-uffiċċji doganali huma magħluqa fil-jum tal-ftuħ ta’ kwota tariffarja jinsabu f’sitwazzjoni fejn huwa impossibbli li jiġu aċċettati d-dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx f’ċirkolazzjoni libera fl-istess jum bħall-operaturi li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra, huwa konformi mal-ekwità li din is-sitwazzjoni sfavorevoli tiġi rimedjata permezz tal-applikazzjoni tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali.

56      Fl-aħħar nett, jekk jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni ma tistax tapplika f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni ma kinitx tippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni żvantaġġuża li fiha jinsabu operaturi fi Stat Membru meta kkomparati mal-kompetituri tagħhom stabbiliti fi Stati Membri oħra, u dan imur kontra l-għan tal-imsemmija dispożizzjoni.

57      Konsegwentement, il-konsegwenzi ekonomiċi deskritti fil-punti 50 u 51 tas-sentenza preżenti u li jirriżultaw inevitabbilment mill-applikazzjoni tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali ma jpoġġux fid-dubju, bħala prinċipju, l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

58      Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-applikazzjoni tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali humiex sodisfatti fil-kawża prinċipali, għandu jingħad li, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-kawża li tkun tressqet quddiemha, filwaqt li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħtiha l-istruzzjonijiet kollha neċessarji għal dan il-għan fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2010, Genc, C‑14/09, Ġabra p. I‑931, punt 31).

59      Għal dan il-għan, għandu jiġi indikat li, skont l-Artikolu 239(1) tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 899(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, ir-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni jista’ jsir meta ċ-ċirkustanzi tal-kawża jammontaw għal sitwazzjoni partikolari li tirriżulta minn ċirkustanzi li la jimplikaw qerq u lanqas negliġenza manifesta minn naħa tal-parti kkonċernata.

60      Skont ġurisprudenza stabbilita, sitwazzjoni partikolari bħal din tippresupponi li l-persuna taxxabbli tinsab f’sitwazzjoni eċċezzjonali meta kkomparata ma’ operaturi oħra li jeżerċitaw l-istess attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza C.A.S. vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, għalkemm huwa ċertament minnu li Bolton tinsab fl-istess sitwazzjoni bħall-importaturi l-oħra tat-tonn stabbiliti fl-Italja. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma teskludix li jiġi kkunsidrat li kemm Bolton kif ukoll l-importaturi l-oħra tat-tonn stabbiliti fl-Italja jinstabu f’sitwazzjoni eċċezzjonali meta kkomparati mal-importaturi tat-tonn stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, peress li l-eżistenza ta’ territorju doganali komuni jimplika neċssarjament li jkunu kkunsidrati l-importaturi kkonċernati fl-Unjoni kollha.

62      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet marbuta man-nuqqas ta’ qerq u ta’ negliġenza manifesta, għandu jingħad li, fil-kawża prinċipali, ma hemm l-ebda indikazzjoni tal-eżistenza ta’ qerq frawdolenti jew ta’ negliġenza minn naħa ta’ Bolton.

63      Fl-aħħar nett, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonkludi, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, li t-talba għar-rimbors ta’ Bolton għandha tintlaqa, għandu wkoll jiġi ppreċiżat li l-ammont li għandu jiġi rrimborsat ma għandux ikun jikkorrispondi għad-differenza bejn id-dazju doganali normali u t-tariffa favorevoli valida għall-kwota tariffarja, iżda jista’ jammonta biss għal parti minn din id-differenza peress li, hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, it-talbiet għal teħid fuq il-kwota tariffarja inkwistjoni ġew ikkunsidrati biss sa limitu ta’ 73.89302 %.

64      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jipprovdi għall-esklużjoni ta’ importatur tal-Unjoni minn kwota tariffarja li d-data tal-ftuħ tagħha tkun il-Ħadd minħabba l-għeluq fil-Ħdud tal-uffiċċji doganali fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit dan l-importatur.

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 308a sa 308c tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2007, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux li l-Kummissjoni Ewropea tista’ tieħu deċiżjoni li teskludi lil operatur minn kwota tariffarja minħabba l-fatt li din il-kwota ġiet eżawrita fl-istess jum tal-ftuħ tagħha li jkun il-Ħadd, jum ta’ għeluq tal-uffiċċji doganali fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-operatur inkwistjoni.

2)      L-Artikoli 308a sa 308c tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 214/2007, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jimponux fuq Stat Membru l-obbligu li jitlob lill-Kummissjoni Ewropea s-sospensjoni ta’ kwota tariffarja sabiex jiġi żgurat it-trattament ekwu u nondiskriminatorju tal-importaturi meta l-ftuħ ta’ din il-kwota tariffarja jkun il-Ħadd, jum li fih l-uffiċċji doganali fl-Istat Membru kkonċernat ikunu magħluqa, u meta hemm ir-riskju li l-imsemmija kwota tiġi eżawrita fl-istess jum tal-ftuħ tagħha peress li l-uffiċċji doganali fi Stati Membri oħra jkunu miftuħa fil-Ħdud.

3)      F’każijiet oħra minbarra dawk previsti fl-Artikolu 899(1) tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 214/2007, l-awtorità doganali ta’ Stat Membru hija kompetenti li tiddeċiedi hija nnifisha fuq it-talba għar-rimbors prevista fl-Artikolu 239(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, meta din l-awtorità tikkunsidra li l-ebda irregolarità ma tista’ tiġi attribwita lill-Kummissjoni Ewropea u li t-talba inkwistjoni ma taqa’ fl-ebda wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 905(1) tal-imsemmi Regolament Nru 2454/93.

4)      L-Artikolu 239 tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jipprovdi għall-esklużjoni ta’ importatur tal-Unjoni Ewropea minn kwota tariffarja li d-data tal-ftuħ tagħha tkun il-Ħadd minħabba l-għeluq fil-Ħdud tal-uffiċċji doganali fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit dan l-importatur.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.