Kawża C-450/09

Ulrich Schröder

vs

Finanzamt Hameln

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Niedersächsisches Finanzgericht)

“Moviment liberu tal-kapital — Tassazzjoni diretta — Taxxa fuq id-dħul mill-kiri ta’ beni immobbli — Possibbiltà ta’ tnaqqis tar-renta mħallsa lil qarib fil-kuntest ta’ wirt antiċipat — Kundizzjoni li wieħed ikun kompletament taxxabbli fl-Istat Membru inkwistjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.        Domandi preliminari — Ammissibbiltà — Neċessità li tingħata informazzjoni suffiċjenti lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv — Portata u limiti

(Artikolu 267 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23)

2.        Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-dħul — Dħul mill-kiri

(Artikolu 63 TFUE)

1.        Fid-dawl tas-separazzjoni tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, li fuqhom hija bbażata l-proċedura msemmija fl‑Artikolu 267 TFUE, ma jistax jintalab li, qabel ma tagħmel ir-rinviju lill‑Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tagħmel il-konstatazzjonijiet fattwali kollha u l-evalwazzjonijiet ta’ dritt kollha li hija mistennija tagħmel bħala parti mill-funzjoni ġudizzjarja tagħha. Fil-fatt, huwa biżżejjed li s‑suġġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-konsegwenzi prinċipali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jirriżultaw mit-talba għal deċiżjoni preliminari sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura quddiem din tal-aħħar.

(ara l-punt 19)

2.        L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġu interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tippermetti lill-persuna taxxabbli residenti li tnaqqas ir-renti, imħallsa lil xi qarib li jkun ittrasferixxa lil din il-persuna beni immobbli li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat, mid-dħul li jirriżulta mill-kiri ta’ dawn il-beni, ma tagħtix tali dritt għal tnaqqis lill-persuna taxxabbli mhux residenti, sakemm l-impenn li jitħallsu dawn ir-renti jirriżulta mit-trasferiment ta’ tali beni.

Fil-fatt, sa fejn l-impenn ta’ persuna taxxabbli mhux residenti li tħallas ir-renta lil wieħed mill-ġenituri tagħha jirriżulta mit-trasferiment li sar favuriha ta’ beni immobbli li jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, din ir-renta tikkostitwixxi spiża direttament relatata mal-operat ta’ dawn il-beni, b’tali mod li l-imsemmija persuna taxxabbli ssib ruħha, f’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ persuna taxxabbli residenti.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul, tirrifjuta lill-persuni li ma humiex residenti d-dritt li jnaqqsu tali spiża, iżda tagħti dan id-dritt lill-persuni residenti, tikser, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni valida, l-Artikolu 63 TFUE.

(ara l-punti 46, 47, 49 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

31 ta’ Marzu 2011 (*)

“Moviment liberu tal-kapital – Tassazzjoni diretta – Taxxa fuq id-dħul mill-kiri ta’ beni immobbli – Possibbiltà ta’ tnaqqis tar-renta mħallsa lil xi qarib fil-kuntest ta’ wirt antiċipat – Kundizzjoni li wieħed ikun kompletament taxxabbli fl-Istat Membru inkwistjoni”

Fil-Kawża C‑450/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa min-Niedersächsisches Finanzgericht (il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Novembru 2009, fil-proċedura

Ulrich Schröder

vs

Finanzamt Hameln,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, U. Lõhmus (Relatur), A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Novembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal U. Schröder, minn R. Geck, avukat,

–        għall-Finanzamt Hameln, minn P. Klose, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn C. Blaschke, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.‑S. Pilczer, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u W. Mölls, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tad‑9 ta’ Diċembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikoli 18 u 63 TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn U. Schröder u l‑Finanzamt Hameln dwar ir-rifjut, min-naħa ta’ dan tal-aħħar, li jawtorizzaw tnaqqis tar-renta li U. Schröder ħallas lill-ommu minn dħul li jirriżulta mill-kiri ta’ beni immobbli li qegħdin il-Ġermanja li akkwista, prinċipalment, fil-kuntest ta’ wirt antiċipat.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall‑implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [Artikolu mħassar permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU L 178, p. 5) jiddisponi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet segwenti, l-Istati Membri għandhom jabolixxu restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital li jseħħu bejn persuni residenti fl-Istati Membri. Biex jiffaċilitaw l‑applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, movimenti ta’ kapital għandhom jkunu kklassifikati skond in-Nomenklatura fl-Anness I.”

4        Fost il-movimenti ta’ kapital elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 88/361 hemm, fit-Titolu XI ta’ dan l-anness, il-moviment ta’ kapital personali li jinkludi, b’mod partikolari, id-donazzjonijiet u l‑wirt.

 Id-dritt nazzjonali

5        L-Artikolu 1 tal-liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergestz), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (BGBl. 2002 I, p. 4210, iktar ’il quddiem l-“EStG”), jipprovdi li l-persuni fiżiċi li għandhom id‑domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja huma kompletament suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul, filwaqt li dawk li la d-domiċilju tagħhom u lanqas ir-residenza abitwali tagħhom ma hija fil‑Ġermanja huma parzjalment suġġetti għal din it-taxxa meta huma jirċievu dħul nazzjonali skont l-Artikolu 49 tal-EStG. Fost id-dħul imsemmi fl-Artikolu 49 hemm dak mill-kiri ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju Ġermaniż.

6        L-Artikolu 10 tal-EStG huwa intitolat “Spejjeż straordinarji”. L-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprovdi kif ġej:

“Jikkostitwixxu spejjeż straordinarji l-ħlasijiet segwenti, kemm-il darba dawn la jkunu spejjeż tal-operat u lanqas spejjeż professjonali:

[…]

1a.      ir-renti li jirriżultaw minn obbligi partikolari u l-ħlasijiet perjodiċi, li ma għandhomx rabta ekonomika ma’ dħul li jitħalla barra mill-bażi tal-istima fiskali; [...]”

7        L-Artikolu 50 tal-EStG fih dispożizzjonijiet speċjali għall-persuni taxxabbli li huma parzjalment suġġetti għat-taxxa. Skont il-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-persuni taxxabbli li huma parzjalment suġġetti għat-taxxa jistgħu jnaqqsu l ispejjeż tal-operat (l-Artikolu 4(4) sa (8)) jew l-ispejjeż professjonali (l-Artikolu 9) biss jekk dawn l-ispejjeż ikollhom rabta ekonomika mad-dħul Ġermaniż. […] [I]d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu […] 10 […] ma humiex applikabbli. […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        U. Schröder huwa ċittadin Ġermaniż residenti fil-Belġju, fejn huwa impjegat.

9        Permezz ta’ att notarili tas-27 ta’ April 1992, huwa akkwista mingħand il-ġenituri tiegħu proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja, li kienet suġġetta għal riżerva ta’ użufrutt favur tagħhom. Permezz tal-att notarili tat-2 ta’ Diċembru 2002, ġew ittrasferiti, mingħand l-omm, beni immobbli oħra li jinsabu fil-Ġermanja lil U. Schröder u lil ħuh b’titolu ta’ wirt antiċipat. Id-drittijiet użufruttwarji li ommhom kellha sa dak iż-żmien fuq diversi beni immobbli ġew ikkonvertiti f’renta, skont liema kemm U. Schröder kif ukoll ħuh kellhom iħallsu EUR 1 000 fix-xahar mill-1 ta’ Diċembru 2002.

10      Fl-2002, U. Schröder irċieva, fil-Ġermanja, dħul ta’ EUR 2 785 mill‑kiri tal-proprjetà akkwistata fl-1992 u ta’ EUR 749.50 minn proprjetà miżmuma f’komunjoni ma’ ħuh.

11      Il-Finanzamt Hameln ibbaża l-avviż tat-taxxa ta’ U. Schröder għas‑sena 2002 fuq is-somma riżultanti mill-għadd ta’ dawn iż-żewġ ammonti u rrifjuta li jikkunsidra r-renta ta’ EUR 1 000 imħallsa minnu f’Diċembru 2002.

12      U. Schröder appella minn dan ir-rifjut quddiem in‑Niedersächsisches Finanzgericht. Din tikkonstata li l-possibbiltà li għandha persuna, bħal ħu U. Schröder, li tgħix fil-Ġermanja u li għalhekk hija kompletament taxxabbli fuq id-dħul f’dak il-pajjiż, sabiex tnaqqas tali renta mid-dħul taxxabbli bħala kategorija ta’ spejjeż straordinarji taħt l‑Artikolu 10(1)(1a) tal-EStG kif stabbilit fil-ġurisprudenza tal‑Bundesfinanzhof. Fil-fatt, din tal-aħħar tikkunsidra li, fir‑rigward ta’ beni immobbli ttrasferiti b’titolu ta’ wirt antiċipat, il-korrispettivi miftiehma, bħalma huma r-renti, ma jikkostitwixxux operazzjonijiet bi ħlas jew ħlas parzjali u jeskludu kompletament lil dawn il-korrispettivi mill-kalkolu tad-dħul.

13      Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, persuna bħal U. Schröder, li bħala persuna mhux residenti hija biss parzjalment suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja ma tkunx intitolata li tnaqqas din ir-renta mid-dħul taxxabbli tagħha peress li l-Artikolu 50(1) tal-EStG jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-EStG fil-konfront tiegħu.

14      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità ta’ dan it-trattament fiskali differenti bejn persuni taxxabbli residenti u persuni taxxabbli mhux residenti mad-dritt tal‑Unjoni u, b’mod partikolari, mal‑Artikolu 63 TFUE.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Niedersächsisches Finanzgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Huwa kuntrarju għall-Artikoli [63TFUE] u [18 TFUE] li qarib parzjalment suġġett għat-taxxa fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jistax inaqqas mid-dħul tiegħu l-kirjiet imħallsa fuq proprjetà immobbli [ma jistax inaqqas ir-renti mħallsa mid-dħul tiegħu mill-beni immobbli], bħala spejjeż straordinarji, filwaqt li persuna suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul kollu tagħha tista’?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

16      Il-Gvern Ġermaniż isostni li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibili, peress li l-qorti tar-rinviju ma ddefinixxitx, b’mod suffiċjenti, il-kuntest fattwali u l-kuntest ġuridiku, b’mod partikolari sabiex l-Istati Membri jieħdu deċiżjoni informata dwar din il‑proċedura. Fil-fatt, minn naħa, hija ma pprovdietx id-dettalji kollha dwar il-modalitajiet ta’ kif saru ċ-ċessjonijiet tal-beni immobbli favur U. Schröder, l-estinzjoni tad-drittijiet tal-użufrutt eżistenti u l-ħlas tar-renta ta’ kull xahar. Min-naħa l-oħra, ma pprovdietx indikazzjonijiet suffiċjenti dwar il-kontenut u l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-ispejjeż straordinarji skont l-Artikolu 10 tal-EStG u dwar dak li jiddistingwi dawn l‑ispejjeż mill-ispejjeż tal-operat u l‑ispejjeż professjonali. Mingħajr kjarifika bħal din, ir-rabta bejn ċerti spejjeż ta’ persuna taxxabbli mhux residenti u d-dħul taxxabbli ta’ dan tal-aħħar ma tistax tiġi evalwata għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza jew le ta’ diskriminazzjoni illeċita kontra din il-persuna taxxabbli.

17      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rifjut mill‑Qorti tal‑Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l‑interpretazzjoni mitluba tad‑dritt tal‑Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar‑realtà jew mas‑suġġett tal‑kawża prinċipali, meta l‑problema tkun ta’ natura ipotetika jew, inkella, meta l‑Qorti tal‑Ġustizzja ma jkollhiex għad‑dispożizzjoni tagħha punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad‑domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, Ġabra. p. I‑4921, punt 61, kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2010, Schmelz, C‑97/09, Ġabra p. I‑0000, punt 29).

18      Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-informazzjoni li għandha tingħata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ deċiżjoni tar-rinviju, jeħtieġ li jiġi mfakkar li din l‑informazzjoni ma sservix biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal‑Ġustizzja tagħti risposti utli lill-qorti tar-rinviju, iżda għandha wkoll tagħti lill-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-partijiet l-oħra interessati, il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l‑Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għal dawn il-finijiet, huwa neċessarju li l-qorti nazzjonali tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, għall-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom dawn id-domandi huma bbażati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C‑345/06, Ġabra p. I‑1659, punti 30 u 31, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin Internazzjonali, C‑42/07, Ġabra p. I‑7633, punt 40).

19      Madanakollu, fid-dawl tas-separazzjoni tal‑funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, li fuqhom hija bbażata l-proċedura msemmija fl‑Artikolu 267 TFUE, ma jistax jintalab li, qabel ma tagħmel ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tagħmel il‑konstatazzjonijiet fattwali kollha u l-evalwazzjonijiet ta’ dritt kollha li hija mistennija tagħmel bħala parti mill-funzjoni ġudizzjarja tagħha. Fil‑fatt, huwa biżżejjed li s-suġġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-konsegwenzi prinċipali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jirriżultaw mit-talba għal deċiżjoni preliminari sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skont l‑Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċeduri quddiem din tal-aħħar (ara s‑sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitati iktar ’il fuq, punt 41, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2010, VEBIC, C‑439/08, Ġabra p. I‑0000, punt 47).

20      F’dan il-każ, kif intqal fil-punti 8 sa 13 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni tar-rinviju indikat b’mod ċar, min-naħa l-waħda, il-provenjenza tal‑beni immobbli li għandu U. Schröder fil-Ġermanja kif ukoll l-oriġini tar-renta li għandu jħallas lil ommu u, min-naħa l-oħra, l-effett tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni dwar in-nuqqas ta’ possibilità ta’ tnaqqis ta’ din ir-renta mid-dħul taxxabbli tiegħu. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li l-eżitu tal-kawża li għandha quddiemha jiddependi fuq jekk id-differenza fit-trattament bejn persuna taxxabbli residenti u persuna taxxabbli mhux residenti hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

21      Dawn l-elementi huma biżżejjed sabiex jiġi spjegat is-suġġett tal-kawża prinċipali u l-kwistjonijiet prinċipali tagħha għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju. Għandu jiġi osservat wkoll li l-Gvern Franċiż u l‑Kummissjoni Ewropea kienu kapaċi jissottomettu lill‑Qorti tal-Ġustizzja osservazzjonijiet dettaljati bil-miktub dwar id-domanda magħmula.

22      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies li hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

23      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l‑Artikoli 18 u 63 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tippermetti lill-persuna taxxabbli residenti li tnaqqas ir-renti, imħallsa lil xi qarib li jkun ittrasferixxa lil din il-persuna beni immobbli li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat, mid-dħul li jirriżulta mill-kiri ta’ dawn il-beni, ma tagħtix tali dritt għal tnaqqis lill-persuna taxxabbli mhux residenti.

24      Fl-ewwel lok, għandha tiġi identifikata d-dispożizzjoni tat-Trattat FUE applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali.

25      Fir-rigward tal-Artikolu 63 TFUE, hija ġurisprudenza stabbilita li, fin-nuqqas, fit-Trattat, ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “moviment tal-kapital” fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, in-nomenklatura li tikkostitwixxi l-Anness I tad-Direttiva 88/361 jibqa’ jkollha valur indikattiv, anki jekk din ġiet adottata abbażi tal-Artikoli 69 u 70(1) tat‑Trattat KEE (l-Artikoli 67 sa 73 tat-Trattat KEE ġew issostitwiti bl-Artikoli 73 B sa 73 G tat-Trattat KE, li huma stess saru l-Artikoli 56 KE sa 60 KE) peress li huwa mifhum li, skont it-tielet paragrafu tal-introduzzjoni ta’ dan l-anness, in-nomenklatura li hemm fih ma hijiex eżawrjenti fir-rigward tal-kunċett ta’ moviment tal-kapital (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C‑318/07, Ġabra p. I‑359, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata aktar ’il fuq; tas‑17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome, C‑182/08, Ġabra p. I‑8591, punt 39; tal-15 ta’ Ottubru 2009, Busley u Cibrian Fernandez, C‑35/08, Ġabra p. I‑9807, punt 17, kif ukoll tal‑10 ta’ Frar 2011, Missionswerk Werner Heukelbach, C‑25/10, Ġabra p. I‑0000, punt 15).

26      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-wirt, li jaqa’ taħt it-Titolu XI tal-Anness I tad-Direttiva 88/361, intitolat “Movimenti ta’ kapital personali”, jikkostitwixxi moviment ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE, ħlief f’dawk il-każijiet fejn l-elementi kostitwenti tiegħu jkunu limitati għal Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, Persche, punt 27; Busley u Cibrian Fernandez, punt 18, kif ukoll Missionswerk Werner Heukelbach, punt 16).

27      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-trasferiment ta’ beni immobbli li jinsabu fil-Ġermanja, meta dawn jiġu mogħtija b’titolu ta’ donazzjoni jew ta’ wirt antiċipat, lil persuna naturali li għandha r-residenza tagħha fil‑Belġju jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 63 TFUE.

28      Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 18 TFUE, li jistabbilixxi prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċ‑ċittadinanza, għandu jiġi mfakkar li din id‑dispożizzjoni hija intiża li tapplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati bid‑dritt tal‑Unjoni li fir‑rigward tagħhom it‑Trattat FUE ma jipprovdix regoli speċifiċi dwar in‑nondiskriminazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 2007, Hollmann, C‑443/06, Ġabra p. I‑8491, punt 28 u l‑ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq; tal‑21 ta’ Jannar 2010, SGI, C‑311/08, Ġabra p. I‑0000, punt 31, kif ukoll Missionswerk Werner Heukelbach, ċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

29      Billi d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital kienu applikabbli u jipprovdu regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni, l‑Artikolu 18 TFUE għalhekk ma japplikax fil-kawża prinċipali (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hollmann, punt 29, u Missionswerk Werner Heukelbach, punt 19).

30      Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li l-miżuri pprojbiti mill‑Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-moviment tal‑kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu dawk li ma humiex residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu r‑residenti fl-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stat Membru jew li jżommu tali investiment (ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2009, STEKO Industriemontage, C‑377/07, Ġabra p. I‑299, punti 23 u 24 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata aktar ’il fuq).

31      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali, persuna li ma għandhiex la d-domiċilju u lanqas r-residenza abitwali tagħha fil‑Ġermanja hija, skont l-Artikolu 49 tal-EStG, suġġetta għat-taxxa f’dak l-Istat Membru fuq id-dħul li jirriżulta mill-kiri ta’ beni immobbli li jinsabu fit-territorju Ġermaniż. Kuntrarjament għall-persuna taxxabbli residenti, tali persuna taxxabbli mhux residenti ma tistax, taħt l‑Artikolu 50 tal‑EStG, tnaqqas minn dan id-dħul renta, bħal dik imħallsa minn U. Schröder lill-ommu b’titolu ta’ wirt antiċipat, bħala spiża straordinarja skont l-Artikolu 10(1)(1a) tal‑EStG.

32      It-trattament fiskali inqas favorevoli rriżervat għall-persuni mhux residenti tista’ tiskoraġġixxi lil dawn tal-aħħar milli jakkwistaw jew iżommu beni immobbli li jinsabu fil-Ġermanja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2005, Blanckaert, C‑512/03, Ġabra p. I‑7685, punt 39). Dan it-trattament jista’ wkoll jiddisswadi lir-residenti Ġermaniżi milli jinnominaw bħala benefiċjarji ta’ wirt antiċipat xi persuni li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor għajr il-Ġermanja (ara, b’analoġija, Missionswerk Heukelbach Werner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

33      Leġiżlazzjoni bħal din tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE.

34      Huwa minnu li, skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, l-Artikolu 63 ma għandhux jippreġudika d-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu, fil‑leġiżlazzjoni fiskali tagħhom, distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli li ma humiex fl-istess sitwazzjoni għal dak li jirrigwarda r-residenza tagħhom.

35      Madankollu, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn it-trattamenti mhux ugwali permessi skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjonijiet arbitrarji jew ir-restrizzjonijiet moħbija pprojbiti mill-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu. Fil-fatt, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħmel distinzjoni bejn il‑persuni taxxabbli residenti u l-persuni taxxabbli mhux residenti, tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, id-differenza fit-trattament għandha tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew li tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, sabiex tkun iġġustifikata, id-differenza fit-trattament ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l‑għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Persche, iċċitata aktar ’il, punt 41, u tat‑22 ta’ April 2010, Mattner, C‑510/08, Ġabra p. I‑3553, punt 34).

36      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali s-sitwazzjoni tal-persuni li ma humiex residenti hijiex paragunabbli ma’ dik tal-persuni residenti.

37      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-qasam tat-taxxi diretti, is-sitwazzjoni tal-persuni residenti u dik tal-persuni mhux residenti fi Stat ma jistgħux, bħala regola ġenerali, jitqabblu sa fejn id‑dħul li tirċievi persuna mhux residenti fit-territorju ta’ Stat, ħafna drabi, jikkostitwixxi biss parti mid-dħul globali tagħha, iċċentralizzat fil-post tar-residenza tagħha, u li l‑kapaċità personali ta’ persuna mhux residenti li tħallas it-taxxa, li tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul kollu tagħha u tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha, tista’ tiġi evalwata iktar faċilment fil-post fejn għandha ċ-ċentru tal‑interessi personali u finanzjarji tagħha, u dan ġeneralment jikkorrispondi għar-residenza abitwali tagħha (sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker, C-279/93, Ġabra p. I‑225, punti 31 u 32; tat-12 ta’ Ġunju 2003, Gerritse, C-234/01, Ġabra p. I‑5933, punt 43, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑562/07, Ġabra p. I‑9553, punt 46).

38      Barra minn hekk, il-fatt li Stat Membru ma jagħtix, lil persuna mhux residenti, ċerti vantaġġi fiskali li jagħti lil persuna residenti ma huwiex, bħala regola ġenerali, diskriminatorju, u dan fid-dawl tad-differenzi oġġettivi bejn is-sitwazzjoni tal-persuni residenti u dik tal-persuni mhux residenti, kemm mill-aspett tas-sors tad-dħul tagħhom, kif ukoll mill-aspett tal-kapaċità personali tagħhom li jħallsu t-taxxa jew mill-aspett tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħhom (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schumacker, punt 34; Gerritse, punt 44, u Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 47).

39      F’dan il-każ, huwa minnu li d-dħul li jirriżulta matul l-2002 mill-kiri tal‑beni immobbli li għandu U. Schröder fil-Ġermanja kien biss parti żgħira mid-dħul globali li rċieva matul dik is-sena.

40      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li, għal dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-ispejjeż professjonali li jkunu marbuta direttament mal-attività li minnha jirriżulta dħul taxxabbli fi Stat Membru, il-persuni residenti u dawk mhux residenti ta’ dan tal-aħħar huma f’sitwazzjoni paragunabbli, b’tali mod li l-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat li tipprojbixxi lill-persuni mhux residenti, fl-ambitu tat-tassazzjoni, it-tnaqqis ta’ spejjeż bħal dawn, li jkun konċess, madankollu, lill-persuni residenti, tista’ tkun prinċipalment għad‑detriment taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra u għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in‑nazzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gerritse, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 u 28; tas-6 ta’ Lulju 2006, Conijn, C‑346/04, Ġabra p. I‑6137, punt 20; tat‑3 ta’ Ottubru 2006, FKP Scorpio Konzertproduktionen, C‑290/04, Ġabra p. I‑9461, punt 49; tal-15 ta’ Frar 2007, Centro Equestre da Lezíria Grande, C‑345/04, Ġabra p. I‑1425, punt 23; tal‑11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C‑11/07, Ġabra p. I‑6845, punt 50, u Arens-Sikken, C‑43/07, Ġabra p. I‑6887, punt 44).

41      Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala prinċipju, tmur kontra l-Artikolu 63 TFUE jekk ir‑renta mħallsa minn U. Schröder lill-ommu għandha tiġi kkunsidrata bħala spiża marbuta direttament mal-attività tiegħu li tikkonsisti fil-kiri ta’ beni immobbli li jinsabu fil-Ġermanja li ġew ttrasferiti lilu mill‑ġenituri tiegħu.

42      Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li ma hemmx rabta diretta f’dan il-każ. Huwa sostna li tali renta, ikklassifikata bħala spiża straordinarja skont l‑Artikolu 10(1)(1a) tal-EStG, hija differenti minn spejjeż operattivi u spejjeż professjonali li, skont l-Artikolu 50(1) tal-EstG, jistgħu jitnaqqsu fil-konfront ta’ persuna taxxabbli li hija parzjalment suġġetta sakemm dawn jikkostitwixxu l-korrispettiv tal-kisba ta’ sors ta’ dħul. Fil-fatt, il-ħlas ta’ tali renta ma huwiex konsegwenza karatteristika jew ġuridika tar-riċezzjoni ta’ dħul mill-kiri, iżda jikkostitwixxi arranġament ta’ sostenn familjari u l-ammont tiegħu kien ġie ffissat mhux fid-dawl tal-valur tal-beni ittrasferiti, iżda skont il-ħtiġijiet ta’ manteniment tal-benefiċjarju kif ukoll il-kapaċità ekonomika ġenerali tiegħu li jħallas, liema fatti jistgħu jiġu evalwati adegwatament biss mill-Istat Membru ta’ residenza ta’ dan tal-aħħar. F’dan l-istess kuntest, il-Gvern Franċiż qal li l-ammont tar-renta ma huwiex affettwat la min-nuqqas ta’ dħul mill-kiri u lanqas, bil-maqlub, mir-riċezzjoni ta’ dħul għoli ħafna.

43      Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu. Jekk wieħed jassumi li l-ammont tar-renta, bħal dik imħallsa minn U. Schröder, huwa determinat abbażi tal-kapaċità tad-debitur li jħallas u tal-ħtiġijiet ta’ manteniment tal‑benefiċjarju, jibqa’ l-fatt li l-eżistenza ta’ rabta diretta fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 ta’ din is-sentenza ma tirriżultax minn xi korrelazzjoni bejn l-ammont tal-ispiża inkwistjoni u dak tad‑dħul taxxabbli, iżda mill-fatt li din l-ispiża hija inseparabbli mill-attività li tipproduċi dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Centro Eqwestre da Lezíria Grande, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

44      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li hemm rabta diretta tal-attività inkwistjoni mal-ispejjeż sostnuti minn din l-attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gerritse, punti 9 u 27, kif ukoll Centro Eqwestre da Lezíria Grande, punt 25) u li għalhekk huma neċessarji għall-eżerċizzju tagħha. Bl-istess mod, tali rabta diretta ġiet aċċettata fir-rigward ta’ spejjeż ta’ konsultazzjoni fiskali li saret għall-finijiet biex titħejja d-dikjarazzjoni fiskali, billi l-obbligu li ssir tali dikjarazzjoni jirriżulta mir-riċezzjoni tad-dħul fl-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenza Conijn, iċċitata aktar ’il fuq, punt 22).

45      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-beni immobbli ttrasferiti lil U. Schröder kienu, għall-inqas parzjalment, suġġetti għad-drittijiet ta’ użufrutt li ġew ikkonvertiti għal renta ta’ kull xahar li huwa għandu jħallas lill-ommu. Jidher għalhekk li l-impenn li jħallas din ir-renta tirriżulta mit-trasferiment ta’ dawn il-beni, billi dan l-impenn kien neċessarju sabiex U. Schröder ikun jista’ jżommhom fil-pussess tiegħu u, konsegwentement, jagħmel id‑dħul mill-kiri inkwistjoni fil-kawża prinċipali suġġett għat-taxxa fil‑Ġermanja.

46      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn l-impenn ta’ U. Schröder li jħallas ir-renta lill-ommu jirriżulta mit-trasferiment li sar favurih ta’ beni immobbli li jinsabu fil-Ġermanja, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, din ir-renta tikkostitwixxi spiża direttament relatata mal-operat ta’ dawn il-beni, b’tali mod li U. Schröder jinsab, f’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ persuna taxxabbli residenti.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-qasam ta’ taxxa fuq id-dħul, tirrifjuta lill-persuni li ma humiex residenti d-dritt li jnaqqsu tali spiża, iżda tagħti dan id-dritt lill-persuni residenti, tikser, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni valida, l-Artikolu 63 TFUE.

48      Issa, ebda raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ma ġiet invokata mill-Gvern Ġermaniż jew proposta mill-qorti tar-rinviju.

49      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġu interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tippermetti lill-persuna taxxabbli residenti li tnaqqas ir-renti, imħallsa lil xi qarib li jkun ittrasferixxa lil din il-persuna beni immobbli li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat, mid-dħul li jirriżulta mill-kiri ta’ dawn il-beni, ma tagħtix tali dritt għal tnaqqis lill-persuna taxxabbli mhux residenti, sakemm l-impenn li jitħallsu dawn ir-renti jirriżulta mit-trasferiment ta’ tali beni.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġu interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tippermetti lill-persuna taxxabbli residenti li tnaqqas ir-renti, imħallsa lil xi qarib li jkun ittrasferixxa lil din il-persuna beni immobbli li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat, mid-dħul li jirriżulta mill-kiri ta’ dawn il-beni, ma tagħtix tali dritt għal tnaqqis lill-persuna taxxabbli mhux residenti, sakemm l-impenn li jitħallsu dawn ir-renti jirriżulta mit-trasferiment ta’ tali beni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.