Approssimazzjoni tal-liġijiet — Insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) — Projbizzjoni — Manipulazzjoni tas-suq — Iffissar tal-prezzijiet ta’ strument finanzjarju wieħed jew iktar f’livell anormali jew artifiċjali — Kunċett
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/6, it-tieni inċiż tal-Artikolu 1(2)(a) u Artikolu 5)
It-tieni inċiż tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2003/6/KE dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq), għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex il-prezz ta’ strument finanzjarju wieħed jew iktar ikun jista’ jitqies li ġie ffissat f’livell anormali jew artifiċjali, ma huwiex meħtieġ li dan il-prezz jibqa’ f’livell anormali jew artifiċjali għal iktar minn ċertu tul ta’ żmien.
F’dan ir-rigward, l-għan tad-Direttiva 2003/6, kif inhu mfakkar b’mod partikolari fil-premessi 2 u 12 tagħha, huwa li tiġi żgurata l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni u li tissaħħaħ il-fiduċja tal-investituri f’dawn is-swieq. Din il-fiduċja għandha tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-investituri jitqiegħdu fuq bażi ugwali u jkunu protetti kontra l-użu illegali ta’ informazzjoni privileġġjata u l-manipulazzjonijiet tal-prezzijiet. L-għanijiet li b’hekk issegwi d-direttiva msemmija jkunu kompromessi jekk aġir bħal dak imsemmi fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva jkun jista’ jevita l-projbizzjoni ta’ manipulazzjonijiet tas-suq stabbilita fl-Artikolu 5 tagħha għas-sempliċi raġuni li jkun jikkonċerna tranżazzjoni waħda u, għalhekk, azzjoni waħda mniżżla fuq il-Borża, mingħajr ma l-prezz tal-istrument jew tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati jkun żamm livell anormali jew artifiċjali għal iktar minn ċertu tul ta’ żmien.
(ara l-punti 27, 29, 30 u d-dispożittiv)