Keywords
Summary

Keywords

1. Politika soċjali — Ftehim qafas bejn ETUC, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Direttiva 1999/70 — Kamp ta’ applikazzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżoli 2, punt 1, u 3, punt 1)

2. Politika soċjali — Ftehim qafas bejn ETUC, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Direttiva 1999/70 — Kundizzjonijiet ta’ impjieg — Kunċett

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 4, punt 1)

3. Atti tal-istituzzjonijiet — Direttivi — Implementazzjoni mill-Istati Membri

(Artikolu 258 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Artikolu 2, subparagrafu 3)

4. Politika soċjali — Ftehim qafas bejn ETUC, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Direttiva 1999/70

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 4, punt 1)

Summary

1. Jirriżulta kemm mill-kliem tad-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, u minn dawk tal-ftehim qafas, kif ukoll mill-istruttura u l-għan tagħhom li l-preskrizzjonijiet imsemmija hemmhekk għandhom lok li japplikaw għall-kuntratti u relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien fiss konkluż mal-amministrazzjonijiet u ta’ entitajiet oħra tas-settur pubbliku.

Membru tal-persunal temporanju tal-Komunità Awtonoma ta’ Stat Membru jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni suġġettiva tad-Direttiva 1999/70, u ta’ dak li jidher fl-anness ta’ din id-direttiva.

(ara l-punti 38, 45, dispożittiv 1)

2. Allowance ta’ rtirar taqa’, sa fejn tammonta għal kundizzjoni tax-xogħol, fil-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss, li jidher fl-anness tad-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP b’mod li l-ħaddiema għal żmien fiss jistgħu jopponu trattament li, fir-rigward tal-ħlas ta’ dan l-allowance, huwa, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, inqas favorevoli minn dak li jibbenefikaw minnu l-ħaddiema b’terminu indefinit li jinsabu f’sitwazzjoni simili. In-natura temporanja tar-relazzjoni tax-xogħol ta’ ċerti aġenti pubbliċi ma tistax tammonta, fiha nnifisha, għal raġuni oġġettiva fis-sens ta’ din il-klawżola tal-ftehim qafas.

(ara l-punt 58, dispożittiv 2)

3. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP jipprovdi li, meta l-Istati Membri jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-direttiva, dawn jikkontjenu referenza għall-imsemmija direttiva fejn huma akkumpanjati minn referenza bħal din fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom.

Issa, meta direttiva tipprovdi speċifikament li d-dispożizzjonijiet tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva jikkontjenu referenza għal din jew huma akkumpanjati minn referenza bħal din fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, huwa fi kwalunkwe każ neċessarju li jiġi adottat att pożittiv ta’ traspożizzjoni. Jekk huwa minnu li l-Istati Membri jkunu jistgħu, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li jkunu kkundannati għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħhom li jirriżultaw mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, ma huwiex neċessarju li miżura nazzjonali li tonqos milli tirreferi, fl-espożizzjoni tal-motivi, għad-direttiva kkonċernata ma tistax tkun ikkunsidrata bħala miżura valida ta’ traspożizzjoni tagħha. Peress li l-Istati Membri għandhom mhux biss jittrasponu formalment id-direttivi tal-Unjoni fis-sistema legali tagħhom, iżda wkoll jiżguraw li l-obbligi tagħhom skont dawn id-direttivi jkunu totalment u f’kull ħin rispettati, ma jkunx eskluż li Stat Membru, li preċedentement pprova jittrasponi direttiva u jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni, jirrealizza, b’mod partikolari wara li l‑kawżi jkunu ġew introdotti quddiem il-qrati nazzjonali jew ta’ rikors ippreżentat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE, li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tiegħu ma ttrasponewx korrettement jew b’mod sħiħ id-dritt tal-Unjoni u għandhom, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ikunu emendati.

L-unika ċirkustanza fejn dispożizzjoni nazzjonali, ma tikkontjeni l-ebda referenza għad-Direttiva 1999/70 b’hekk ma teskludix li din id-dispożizzjoni tista’ tkun ikkunsidrata bħala miżura nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva.

(ara l-punti 61-64, 67, dispożittiv 3)

4. Il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss, li jidher fl-anness tad-Direttiva 1999/70 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, hija mingħajr kundizzjonijiet u suffiċjentement speċifika sabiex tiġi invokata kontra l-Istat minn persunal temporanju quddiem qorti nazzjonali sabiex jiġi rikonoxxut fir-rigward tagħhom il-benefiċċju tal-allowances għat-tul fis-servizz, għall-perijodu mill-iskadenza tat-terminu impost lill-Istati Membri għat-traspożizzjoni tal-imsemmija Direttiva sad-dħul fis-seħħ tal-liġi nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern tal-Istat Membru kkonċernat, suġġett għar-rispett tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali dwar il-preskrizzjoni.

Minkejja l-eżistenza, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 1999/70, ta’ dispożizzjoni li tirrikonoxxi d-dritt tal-persunal temporanju għall-ħlas tal-allowances relattivi għall-inkrementazzjonijiet tal-ewwel tliet snin, iżda li teskludi l-applikazzjoni retroattiva ta’ dan id-dritt, l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat huma marbuta, taħt id-dritt tal-Unjoni, u fir-rigward ta’ dispożizzjoni tal-ftehim qafas li għandha effett dirett, li tikkonferixxi lil dan id-dritt għall-ħlas tal-allowances, effett retroattiv sa mid-data tal-iskadenza tat-terminu impost fuq l-Istati Membri għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

(ara l-punti 90, 99, dispożittiv 4-5)