Keywords
Summary

Keywords

Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ demm jew ta’ komponenti tad-demm ġejjin minn donazzjonijiet li ma jkunux kompletament mingħajr ħlas — Ġustifikazzjoni — Protezzjoni tas-saħħa pubblika — Inammissibbiltà

(Artikoli 28 KE u 30 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/98, Artikoli 20(1) u 21)

Summary

L-Artikolu 28 KE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 30 KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-importazzjoni ta’ demm jew ta’ komponenti tad-demm minn Stat Membru ieħor hija permessa biss jekk tkun sodisfatta l-kundizzjoni, li tapplika wkoll għall-prodotti nazzjonali, li d-donazzjonijiet tad-demm, li jkunu l-bażi ta’ dawn il-prodotti, ikunu saru mhux biss mingħajr ma d-donaturi jkunu bbenefikaw minn remunerazzjoni, iżda wkoll mingħajr ma dawn tal-aħħar ikunu kisbu kumpens għall-ispejjeż li huma jkunu nefqu sabiex jagħmlu dawn id-donazzjonijiet.

Tali leġiżlazzjoni li l-għan tagħha huwa, minn naħa, li jiġi ggarantit li d-demm u l-komponenti tad-demm ikkummerċjalizzati fl-Istat Membru inkwistjoni jissodisfaw kriterji ta’ kwalità u ta’ sigurtà għolja u, min-naħa l-oħra, li jintlaħaq l-għan stabbilit fl-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2002/98, li tistabbilixxi livelli stabbiliti ta’ kwalità u sigurtà għall-ġbir, l-ittestjar, l-ipproċessar, il-ħażna u t-tqassim ta’ demm tal-bniedem u komponenti tad-demm, jiġifieri li jiġu inkoraġġuti d-donazzjonijiet ta’ demm volontarji u mhux remunerati, tissodisfa preokkupazzjonijiet marbuta mas-saħħa pubblika bħal dawk ammessi mill-Artikolu 30 KE. Għalhekk, bħala prinċipju, dawn l-għanijiet jistgħu jiġġustifikaw ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija.

Madankollu, ikkunsidrat b’mod iżolat, l-obbligu li d-donazzjoni tad-demm għandha tkun saret mingħajr ma tagħti lok għal xi tip ta’ rimbors tal-ispejjeż inkorsi mid-donatur f’ebda każ ma huwa neċessarju sabiex jiġu ggarantiti l-kwalità u s-sigurtà tad-demm u tal-komponenti tad-demm. Din il-konstatazzjoni hija kkorraborata mill-fatt li la d-Direttiva 2002/98 u lanqas ir-Rakkomandazzjoni Nru R (95) 14 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, li għaliha tirreferi din id-direttiva, ma jimponu li d-donazzjonijiet isiru kompletament mingħajr ħlas iżda jipprovdu li sinjali modesti ta’ rikonoxxenza, ikel u xorb ħafif u r-rimbors tal-ispejjeż tal-vjaġġ marbuta mad-donazzjoni huma kompatibbli mad-donazzjoni volontarja u mhux imħallsa, b’tali mod li dawn l-elementi ma jistgħux jitqiesu li huma ta’ natura li jikkompromettu l-kwalità u s-sigurtà ta’ dawn id-donazzjonijiet kif ukoll il-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

Għalhekk, tali leġiżlazzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit, jiġifieri li jiġu ggarantiti l-kwalità u s-sigurtà tad-demm u tal-komponenti tad-demm.

(ara l-punti 33, 43-46 u d-dispożittiv.)