Kawża C-382/09

Stils Met SIA

vs

Valsts ieņēmumu dienests

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās Tiesas Senāts)

“Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Kapitolu 73 — Wajers bis-swiegli u kejbils tal-azzar — Intestatura 7312 — Kodiċi TARIC — Żball fil-klassifikazzjoni tariffarja — Ċirkulazzjoni libera tal-merkanziji — Regolament (KE) Nru 384/96 — Dazji antidumping — Multa daqs l-ammont totali tad-dazji antidumping”

Sommarju tas-sentenza

1.        Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji

(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Artikolu 2, Anness I; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1789/2003)

2.        Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 14(1))

1.        It-Tariffa Integrata tal-Komunitajiet Ewropej, stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tagħha applikabbli fl-2004 u fl-2005, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kejbils tal-azzar li jsaddad, mhux mgħottijin jew miksijin jew mgħottijin biss b’żingu, fejn id-daqs tal-ikbar qatgħa trasversali huwa iktar minn 3 mm iżda inqas minn 48 mm, u li ma huma ġejjin la mill-Moldova u lanqas mill-Marokk, jaqgħu taħt il-kodiċi TARIC 7312 10 82 19, 7312 10 84 19 jew 7312 10 86 19, skont id-daqs tal-qatgħa trasversali tagħhom.

(ara l-punt 40 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 384/96, dwar il-protezzjoni kontra l‑importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi l-applikazzjoni, fil-każ ta’ żball fil-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanziji importati fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea, ta’ multa daqs l-ammont totali tad-dazji antidumping applikabbli, sakemm l-ammont tal-multa jiġi stabbilit taħt kundizzjonijiet simili għal dawk li jeżistu fid-dritt nazzjonali għal ksur tal-istess natura u tal-istess gravità, u li tagħti lis-sanzjoni natura effettiva, proporzjonata u dissważiva, ħaġa li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju.

(ara l-punt 48 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Kapitolu 73 – Wajers bis-swiegli u kejbils tal-azzar – Intestatura 7312 – Kodiċi TARIC – Żball fil-klassifikazzjoni tariffarja – Ċirkulazzjoni libera tal-merkanziji – Regolament (KE) Nru 384/96 – Dazji antidumping – Multa daqs l-ammont totali tad-dazji antidumping”

Fil-Kawża C‑382/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Augstākās Tiesas Senāts (il-Latvja), permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Settembru 2009, fil‑proċedura

Stils Met SIA

vs

Valsts ieņēmumu dienests,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Levits, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: R. Grass,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Stils Met SIA, minn V. Meļkovs,

–        għall-Valsts ieņēmumu dienests, minn N. Jezdakova, bħala aġent,

–        għall-Gvern Latvjan, minn K. Drēviņa u K. Krasovska, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sauka u L. Bouyon, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-Tariffa Integrata tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem it-“TARIC”), stabbilita bl‑Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382) u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45)

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Stils Mets SIA (iktar ’il quddiem “Stils Met”), kumpannija skont id-dritt tal-Latvja, u l-Valsts ieņēmumu dienests (dipartiment tat-taxxa tal-Istat, iktar ’il quddiem id-“Dienests”) dwar l‑importazzjoni bejn Mejju 2004 u Settembru 2005 ta’ kejbils tal-azzar provenjenti mill-Ukraina.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea

 Il-leġiżlazzjoni doganali

3        Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”):

“1.      Nomeklatura ta’ oġġetti, minn issa ’l quddiem imsejħa Nomenklatura Magħquda […] li tħaddan fiha, fl-istess waqt, dak kollu li titlob it-Tariffa Doganali Komuni, l-istatistiċi kummerċjali esterni tal-Komunità u linji politiċi oħra tal-Komunità rigward l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni.

2.      In-nomenklatura magħquda għandha tiġbor fiha:

a)      n-nomenklatura tas-sistema armonizzata [stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l‑Kodifika ta’ Oġġetti];

b)      sub-diviżjonijiet Komunitarji għal dik in-nomenklatura, imsejħa “sub-titoli [subintestaturi] NM”, f’dawk il-każijiet fejn tintwera rata ta’ dazju li tikkorrispondi;

c)      dispożizzjonijiet preliminari, noti oħra għal taqsimiet jew kapitoli u noti f’qiegħ ta’ paġna li jkollhom x’jaqsmu ma’ sub-titoli NM.

3.      In-nomenklatura magħquda qed terġa’ tinġieb f’Annex I.

[…]”

4        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 3658/87 jistabbilixxi:

“[TARIC] li tħaddan fiha l-ħtiġiet kollha ta’ Tariffa Doganali Komuni, l-statistiċi esterni tal-kummerċ, il-linji politiċi kummerċjali, agrikoli u linji politiċi oħra tal‑Komunità rigward l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti, għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni.

It-Tariffa għandha tkun ibbażata fuq in-Nomenklatura Magħquda u jkun fiha:

a)      il-miżuri li jinsabu f’dawn ir-Regolamenti;

b)      is-suddiviżjonijiet Komunitarji addizzjonali, msejħa “Subartikoli tat‑TARIC”, li huma meħtieġa għall-implimetazzjoni ta’ miżuri Komunitarji speċifiċi mniżżla fl-Anness II;

ċ)      kull informazzjoni oħra meħtieġa għall-implimetazzjoni jew l-immaniġġjar tal-kodiċijiet tat-Taric u kodiċijiet addizzjonali kif definiti fl-Artikoli 3(2) u (3);

d)      ir-rati tad-dazju tad-dwana u imposti oħra fuq l-importazzjoni u l‑esportazzjoni, inklużi eżenzjonijiet mid-dazju u rati ta’ tariffa preferenzali applikabbli għal oġġetti speċifiċi waqt l-importazzjoni u l-esoportazzjoni;

e)      miżuri li jidhru fl-Anness II applikabbli għall-importazzjoni u l‑esportazzjoni ta’ oġġetti speċifiċi”.

5        Skont l-Artikolu 3(1) u (2) tal-imsemmi regolament:

“1.      Kull sub-titolu [subintestaturi] NM għandu jkollu numru kodifikat bi tmien numri:

a)      l-ewwel sitt numri għandhom ikunu n-numri kodifikati li jkollhom x’jaqsmu mat-titoli u s-sub-titoli tan-nomenklatura tas-sistema armonizzata;

b)      is-seba’ u t-tmien numri għandhom juru s-sub-titoli [tan-Nomenklatura Magħquda tal-oġġetti stabbiliti fl-Artikolu 1].

[…]

2.      Is-sottotitoli tat-Taric għandhom jiġu identifikati bid-9 u l-10 numri li, flimkien man-numri taċ-ċifrarju msemmija fil-paragrafu 1, jiffurmaw in-numri taċ-ċifrarju tat-Taric. […]”

6        L-Artikolu 6 tal-istess regolament jistabbilixxi li t-TARIC hija stabbilita, aġġornata, amministrata u mxerrda mill-Kummissjoni.

7        L-ewwel parti tan-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar‑Regolament Nru 2658/87, kif dan tal-aħħar ġie emendat bir-Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 14, p. 3, iktar ’il quddiem in-“NM”), tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Titolu I, iddedikata għar-regoli ġenerali, it-Taqsima A, intitolata “Regoli ġenerali għall‑interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin.

1. It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id‑dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]”

8        It-tieni parti tan-NM, tinkludi t-Taqsima XV, iddedikata għal “Metalli ta’ valur baxx u oġġetti minn metalli ta’ valur baxx”. Din it-taqsima tinkludi b’mod partikolari l-Kapitolu 73, intitolat “Oġġetti ta’ ħadid jew azzar”.

9        L-intestatura 7312 tan-NM hija suddiviża kif ġej:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

7312

wire bis-swiegli, ħbula, cables, ċineg immaljati, bragi u bħalhom, ta’ ħadid jew azzar, mhux iżolat għall-elettriku

7312 10

- wire bis-swiegli, ħbula u cables:

7312 10 10

− − b’tagħmir magħhom, jew magħmulin f’oġġetti, għal użu f’biċċiet tal-ajru ċivili

− − Oħrajn

7312 10 30

− − − ta’ stainless steel

− − − Oħrajn, b’qies ta’ wiċċ ta’ qatgħa massimu:

− − − − Mhux aktar minn 3 mm

[…]

[…]

7312 10 59

[…]

− − − − Aktar minn 3 mm

− − − − Wire bis-swiegli

[…]

[…]

7312 10 79

[…]

− − − − − Ħbula u cables (inklużi ħbula koljaturi maqfulin)

− − − − − − mhux mgħottijin jew miksijin jew mgħottijin biss b’żingu, b’qies ta’ wiċċ il-qatgħa massimu:

7312 10 82

− − − − − − − Aktar minn 3 mm iżda mhux aktar minn 12 mm

7312 10 84

− − − − − − − Aktar minn 12 mm iżda mhux aktar minn 24 mm

7312 10 86

− − − − − − − Aktar minn 24 mm iżda mhux aktar minn 48 mm

7312 10 88

− − − − − − − − − Aktar minn 48 mm

7312 10 99

[…]

− − − − − − − − − Oħrajn

[…]

10      Skont in-nota tas-subintestatura 1 tal-Kapitolu 72 tan-NM:

“F’dan il-kapitolu u, fil-każ tan-noti (d), (e) u (f) matul in-nomenklatura, dawn l‑espressjonijiet għandhom it-tifsiriet mogħtijin lilhom hawnhekk:

[…]

d)      ‘Azzar’:

Materjali ta’ ħadid ħlief dawk ta’ l-intestatura 7203 li (ħlief ċerti tipi maħdumin f’għamliet ta’ ikkastjar) huma malleabbli għall-ħtieġa u li fihom 2 %  jew inqas tal-piż karbonju. Madankollu, azzar tal-kromju jista’ jkollu proporzjonijiet ogħla ta’ karbonju;

e)      ‘Azzar ma jsaddadx (stainless steel)’:

Azzar ta’ ligi li fihom, bil-piż, 1.2 %  jew inqas ta’ karbonju u 10.5 %  jew aktar ta’ kromju, b’elementi oħrajn jew le;

f)      ‘Azzar ta’ liga oħra’:

Azzar li ma joqgħodx għat-tifsira ta’ stainless steel u li fih bil-piż wieħed jew aktar minn dawn l-elementi fil-proporzjonijiet li ġejjin:

–      0.3 % jew aktar ta’ aluminju,

–      0.0008 % jew aktar ta’ boron,

–      0.3 % jew aktar ta’ kromju,

–      0.3 % jew aktar ta’ kobalt,

–      0.4 % jew aktar ta’ ramm,

–      0.4 % jew aktar ta’ ċomb,

–      1.65 % jew aktar ta’ manganiż,

–      0.08 % jew aktar ta’ molibdenju,

–      0.3 % jew aktar ta’ nikil,

–      0.06 % jew aktar ta’ nijobju,

–      0.6 % jew aktar ta’ silikon,

–      0.05 % jew aktar ta’ titanju,

–      0.3 % jew aktar ta’ tungstenu (wolfram),

–      0.1 % jew aktar ta’ vanadju,

–      0.05 % jew aktar ta’ żirkonju,

–      0.1 % jew aktar ta’ elementi oħrajn (ħlief kubrit, fosfru, karbonju u nitroġenu), meħudin separatament)

[…].”

11      Fir-rigward tas-subintestaturi NM 7312 10 82, 7312 10 84 u 7312 10 86, it‑TARIC, fl-2004 u fl-2005, kien jinkludi s-subintestaturi segwenti:

731 10  82

- - - - - - - Aktar minn 3 mm iżda mhux aktar minn 12 mm

7312 10 82 11

- - - - - - - - F’azzar

7312 10 82 11

- - - - - - - - - Provenjenti mir-Repubblika tal‑[Modova]

7312 10 82 12

- - - - - - - - - Provenjenti mill-Marokk

7312 10 82 19

- - - - - - - - - Oħrajn

7312 10 82 90

- - - - - - - - Oħrajn

7312 10 84

- - - - - - - Aktar minn 12 mm iżda mhux aktar minn 24 mm

7312 10 84 11

- - - - - - - - F’azzar

7312 10 84 11

- - - - - - - - - Provenjenti mir-Repubblika tal-[Modova]

7312 10 84 12

- - - - - - - - - Provenjenti mill-Marokk

7312 10 84 19

- - - - - - - - - Oħrajn

7312 10 84 90

- - - - - - - - Oħrajn

7312 10 86

- - - - - - - Aktar minn 24 mm iżda mhux aktar minn 48 mm

7312 10 86 11

- - - - - - - - F’azzar

7312 10 86 11

- - - - - - - - - Provenjenti mir-Repubblika tal‑[Modova]

7312 10 86 12

- - - - - - - - - Provenjenti mill-Marokk

7312 10 86 19

- - - - - - - - - Oħrajn

7312 10 86 90

- - - - - - - - Oħrajn

12      In-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif dan tal-aħħar ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004, tas-7 ta’ Settembru 2004 (ĠU L 327, p. 1), hija identika għan-NM fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha msemmija fil-punti 7 sa 11 ta’ din is‑sentenza.

 Il-leġiżlazzjoni dwar il-miżuri antidumping

13      Meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet li kienu jirregolaw l‑applikazzjoni tal-miżuri antidumping fl-Unjoni Ewropea kienu jinsabu fir‑Regolament Nru 384/96.

14      Skont l-Artikolu 14(1) tal-imsemmi regolament:

“Dazji proviżjonali jew definittivi ta’ kontra l-bejgħ taħt il-prezz għandhom jiġu imposti mir-Regolament, u miġbura mill-Istati Membri, fil-forma, u r-rata speċifikata u skond il-kriterji l-oħra stabbiliti fir-Regolament li jimponi dazji bħal dawn. Dazji bħal dawn għandhom ukoll jiġu miġbura indipendentement mid-dazji tad-dwana, it-taxxi u ċ-ċifri l-oħra normalment imposti fuq l-importazzjonijiet. Ebda prodott ma għandu jkun soġġett kemm għad-dazji kontra l-bejgħ taħt il‑prezz u dovuti għall-iskop ta’ amministrazzjoni ta’ l-istess sitwazzjoni b’kawża tal-bejgħ taħt il-prezz jew is-sussidju fuq l-esportazzjoni.”

15      Skont l-Artikolu 1(1) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1796/1999, tat‑12 ta’ Awissu 1999, li jimponi dazju definittiv antidumping, u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost, fuq importazzjoni ta’ ħbula u cables tal‑azzar ġejjin mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Ungerija, l-Indja, il-Messiku, il‑Polonja, l-Afrika t’Isfel u l-Ukrajna u li jtemm il-proċeduri legali kontra antidumping minn importazzjonijiet ġejjin mir-Repubblika tal-Korea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 32,p. 106):

“1.      Dazju definitiv anti-dumping qiegħed hawnhekk jiġi impost fuq l‑importazzjoni ta’ ħbula u cables ta’ l-azzar, bħalissa klassifikati fil-kodiċi NM ex7312 10 82 (TARIC kodiċi 7312 10 82*10), ex7312 10 84 (TARIC kodici 7312 10 84*10), ex7312 10 86 (TARIC kodiċi 7312 10 86*10), ex7312 10 88 (TARIC kodici 7312 10 88*10) u ex 7312 10 99 (TARIC kodiċi 7312 10 99*10) u li ġejjin mir‑Repubblika tal-Poplu Ciniż, mill-Ungerija, l-India, il-Messiku, il-Polonja, mill-Afrika t’Isfel, u mill-Ukrajna.

[…]

|3.      Jekk mhux specifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana għandhom japplikaw”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

16      Meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 32 tal-liġi fuq id-dazji u t‑taxxa (likums “Par nodokļiem un nodevām”, Latvijas Vēstnesis, 1995, Nru°26), intitolat “Responsabbiltà fil-każ ta’ tnaqqis fil-bażi taxxabbli”, kien jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1)      Jekk il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, bi ksur tar-rekwiżiti tal-liġi fiskali, tnaqqas il-bażi tal-istima tat-taxxa fid-dikjarazzjoni tagħha lill‑amministrazzjoni fiskali, din għandha tikkalkola l-ammont ta’ ħlas u tistabbilixxi multa ogħla minn dan l-ammont, sakemm liġi fiskali speċifika ma tistabbilixxix ammont ta’ multa differenti.

2)      Ma għandhiex tiġi imposta multa jekk iż-żewġ kundizzjonijiet segwenti jiġu sodisfatti:

–      1)      Il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tkun bagħtet dikjarazzjoni rettifikattiva jew kumplimentari (sostnuta minn evidenza probatorja) qabel il-bidu tal-kontroll amministrattiv.

–      2)      F’terminu ta’ ħamest ijiem ta’ xogħol li jibdew jgħoddu mid‑dikjarazzjoni rettifikattiva, hija tkun ħallset it-taxxa dovuta li ma tkunx għadha tħallset kif ukoll iż-żieda fid-dejn prinċipali u l-interessi moratorji eżistenti sal-jum tad-dikjarazzjoni rettifikattiva jew kumplimentari (sostnuta minn evidenza probatorja).”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Bejn Mejju 2004 u Settembru 2005, Stils Mets importat mill-Ukraina kejbils tal‑azzar sabiex tpoġġihom għaċ-ċirkulazzjoni libera fil-Latvja. Il-merkanziji ġew iddikjarati fis-subintestaturi TARIC 7312 10 82 90, 7312 10 84 90 u  7312 10 86 90.

18      Fil-kuntest ta’ kontroll, id-Dienests qies li l-prodotti kkonċernati kienu tal-azzar, b’mod li dawn, fir-rigward tad-daqs tal-qatgħa trasversali tagħhom u l‑provenjenza tagħhom, jidħlu, rispettivament, fis-subintestatura TARIC 7312 10 82 19, 7312 10 84 19 u  7312 10 86 19.

19      Għalhekk, id-Dienests talab lil Stils Met, permezz tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2006, tħallas lit-Teżor l-ammont ta’ LVL 485 286. 58 (jiġifieri madwar EUR 697 356), li jikkorrispondi għad-dazji antidumping ta’ LVL 205 629.87, għat-taxxa fuq il-valur miżjud b’żieda ta’ LVL 37 013. 42 u għall-multa ta’ ammont ekwivalenti għat-total mhux imħallas, jiġifieri LVL 242 643.29.

20      Stils Met ippreżentat rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni. Hija sostniet b’mod partikolari li, meta ddikjarat il-prodotti, hija pprovdiet ċertifikati maħruġa minn laboratorju tal-produttur li informaw lid-dikjarant u lid-dipartiment tad‑dwana dwar il-kompożizzjoni kimika ta’ dawn il-prodotti, b’mod partikolari l‑elementi li jistabbilixxu li dawn jikkorrispondu għall-isem “azzar ta’ liga oħra”, fis-sens tan-nota tas-subintestatura 1(f) tal-Kapitolu 72 tan-NM.

21      Stils Met sostniet ukoll li, anki jekk id-Dienests kien ikklassifika korrettament il‑prodotti inkwistjoni, dan tal-aħħar ma setax jimponilha multa abbażi tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali.

22      L-administratïvâ rajona tiesa (qorti amministrattiva distrettwali) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn Stils Met u annullat id-deċiżjoni tad-Dienesta b’sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007. L-imsemmija qorti qieset, wara li vverifikat id-data dwar il‑kompożizzjoni kimika tal-prodotti kkonċernati, li d-Dienests ma kellux provi biżżejjed li dawn il-prodotti kellhom jitqiesu bħala tal-azzar fis-sens tan-nota tas‑subintestatura 1(d) tal-Kapitolu 72 tan-NM.

23      Id-Dienests appella minn din is-sentenza quddiem l-Administrativâ apgabaltiesa (qorti amministrattiv reġjonali), li biddlet is-sentenza kkontestata. Fir-rigward tas‑suddiviżjoni magħmula min-NM bejn, minn naħa, prodotti tal-azzar li ma jsaddadx (stainless steel), u, min-naħa l-oħra, prodotti tal-ħadid jew tal-azzar, din il-qorti fil-fatt qieset li, fis-subintestatura TARIC li tirriżulta mis-subintestaturi NM 7312 10 82, 7312 10 84 u  7312 10 86, il-kategorija “azzar” tkopri l-prodotti tal-ħadid bl-eċċezzjoni ta’ dawk tal-azzar li ma jsaddadx (stainless steel), tkun liema tkun il-kompożizzjoni kimika, filwaqt li l-kategorija “oħrajn” tkopri l‑prodotti li mhumiex tal-azzar, jiġifieri dawk tal-ħadid.

24      Stils Met ippreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem l-Augstākās Tiesas Senāts (Senat tal-Qorti Suprema) kontra s-sentenza mogħtija fl-appell.

25      Skont Stils Met, għandu jiġi ddeterminat, permezz tal-użu tan-nota tas‑subintestatura 1 tal-Kapitolu 72 tan-NM, f’liema kategorija – d) “azzar”, e) “azzar ma jsaddadx (stainless steel) jew f) “azzar ta’ liga oħra” – il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jidħlu. Hija ssostni li, jekk l‑informazzjoni marbuta mal-kompożizzjoni kimika ta’ dawn il-prodotti mhijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi li dawn huma kkostitwiti minn “azzar ta’ liga oħra”, hemm lok li dawn jiġu kklassifikati fis-subintestatura TARIC ikkonċernata li tikkorrispondi għal prodotti tal-azzar, jiġifieri dawk li l-kodiċi tagħhom jispiċċa biċ-ċifri 11, kif għamel id-Dienests. Min-naħa l-oħra, jekk din l-informazzjoni hija biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dawn huma kkostitwiti minn “azzar ta’ liga oħra”, hemm lok li jiġu kklassifikati fis-subintestatura TARIC ikkonċernata li tikkorrispondi għal prodotti li mhumiex tal-azzar, jiġifieri dawn li l-kodiċi tagħhom jispiċċa biċ-ċifri 90.

26      Barra minn hekk, Stils Met issostni li d-dazji antidumping ma għandhomx jitqiesu bħala dazju jew taxxa fis-sens tal-liġi fuq id-dazji u t-taxxa, b’mod li l-multi stabbiliti minn din il-liġi ma japplikawx fil-kawża prinċipali.

27      Peress li r-riżultat tal-kawża li tressqet quddiemha jiddependi mill-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli, l-Augstākās tiesas Senāts iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-Kodiċi TARIC 7312 10 82 19, 7312 10 84 19, 7312 10 86 19 għandhom jiġu interpretati fis-sens li prodotti tal-azzar li l-qatgħa trasversali tagħhom hija tad-daqs indikat – wajers u kejbils, mhux miksijin jew miksijin biż-żingu, b’mod partikolari dik tal-liga tal-azzar (iżda mhux tal‑azzar inossidabbli [ma jsaddadx (stainless steel)]) – u li ma huma importati la mill-Moldova u lanqas mill-Marokk, għandhom jiġu kklassifikati fl-2004 u fl-2005, indipendentement mill-kompożizzjoni kimika tagħhom?

2)      L-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ sanzjoni (…) ugwali għat-total tad-dazji antidumping, prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Istat [Membru] ikkonċernat (Artikolu 32(2) tal-liġi Latvjana fuq taxxi u dazji) fil‑każ ta’ ksur tal-liġi fiskali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-TARIC għandha tiġi interpretata fis-sens li, fl-2004 u fl-2005, il-kejbils tal‑azzar li jsaddad bħal dawk fil-kawża prinċipali, li mhux mgħottijin jew miksijin jew mgħottijin biss b’żingu u li l-ikbar qatgħa trasversali hija iktar minn 3 mm iżda inqas minn 48 mm u li ma huma ġejjin la mill-Moldova u lanqas mill-Marokk, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura TARIC 7312 10 82 19, 7312 10 84 19 jew 7312 10 86 19, jew fis-subintestatura TARIC 7312 10 82 90, 7312 10 84 90 jew 7312 10 86 90.

29      Preliminarjament għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċisiv għall‑klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanziji għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil‑karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju  2009, Kloosterboer, C‑173/08, Ġabra p. I‑5347, punt 24).

30      F’din il-kawża, huwa paċifiku li l-merkanziji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu rispettivament taħt is-subintestatura 7312 10 82, 7312 10 84 u  7312 10 86 tan-NM skont id-daqs tal-qatgħa trasversali tagħhom. Skont kliem l-imsemmija subintestaturi, dawn ikopru l-kejbils mhux mgħottijin jew miksijin jew mgħottijin biss b’żingu, tal-ħadid jew tal-azzar li jsaddad, u li d-daqs tal-qatgħa trasversali huwa iktar minn 3 mm iżda inqas minn 48 mm. Fil-kuntest tat-TARIC, it-tali prodotti huma subdiviżi f’prodotti “tal-azzar” (subintestaturi TARIC 7312 10 82 11, 7312 10 84 11 jew 7312 10 86 11) u “oħrajn” (subintestaturi TARIC 7312 10 82 90, 7312 10 84 90 jew 7312 10 86 90).

31      Stils Met issostni li għandu jiġi stabbilit, abbażi tan-nota tas-subintestatura 1 tal‑Kapitolu 72 tan-NM, jekk il-kejbils tal-azzar inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt il-kategorija “azzar”,“azzar li ma jsaddadx (stainless steel)” jew “azzar ta’ liga oħra”. Għalhekk, jekk l-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni kimika tal-prodotti inkwistjoni hija biżżejjed sabiex tistabbilixxi li dawn huma kkostitwiti minn “azzar ta’ liga oħra”, dawn għandhom jiġu kklassifikati taħt is‑subintestatura TARIC 7312 10 82 90, 7312 10 84 90 jew 7312 10 86 90, skont id-daqs massimu tal-qatgħa trasversali tagħhom.

32      Min-naħa l-oħra, id-Dienests, il-Gvern tal-Latvja u l-Kummissjoni jsostnu li kejbils tal-azzar tal-liga bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestaturi TARIC 7312 10 82 19, 7312 10 84 19 jew 7312 10 86 19. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li, għalkemm l-oġġetti f’azzar li ma jsaddadx (stainless steel) ingħatalhom kodiċi NM distint, is-subintestaturi TARIC 7312 10 82 19, 7312 10 84 19 u 7312 10 86 19 ma jagħmlu l-ebda distinzjoni skont it-tip tal-azzar, b’mod li dawn ikopru kemm l-azzar tal-liga kif ukoll l-azzar li mhuwiex tal-liga. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tad-deskrizzjoni u tal‑istruttura tal-intestatura 7312, il-prodotti tal-ħadid, jiġifieri dawk li mhumiex tal-azzar, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestaturi TARIC 7312 10 82 90, 7312 10 84 90 u  7312 10 86 90.

33      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont kliem l-intestatura 7312 tan-NM, “wire bis-swiegli, ħbula, cables, ċineg immaljati, bragi u bħalhom, ta’ ħadid jew azzar, mhux iżolat għall-elettriku” jaqgħu taħtha. In-NM tistabbilixxi taħt is‑subintestatura 7312 10 30 l-wajers bis-swiegli u l-kejbils “f’azzar li ma jsaddadx (stainless steel)” u, taħt is-subintestaturi sussegwenti, il-wajers bis‑swiegli u l-kejbils l-“oħrajn”. Isegwi li l-wajers bis-swiegli u l-kejbils tal-azzar li ma jsaddadx (stainless steel) jaqgħu taħt is-subintestatura 7312 10 30 tan-NM, filwaqt li l-wajers bis-swiegli u l-kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li jsaddad jaqgħu taħt is‑subintestatura segwenti.

34      Għalhekk, il-kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li jsaddad, mhux mgħottijin jew miksijin jew mgħottijin biss b’żingu, fejn l-ikbar daqs tal-qatgħa trasversali huwa iktar minn 3 mm iżda inqas minn 48 mm jaqgħu taħt is‑subintestatura 7312 10 82, 7312 10 84 u 7312 10 86.

35      Isegwi li l-kodiċi TARIC 7312 10 82 11, 7312 10 84 11 u 7312 10 86 11 jikkorrispondu għall-kejbils tal-azzar li jsaddad. Barra minn hekk, mill-istruttura u minn kliem is-subintestaturi TARIC rilevanti jirriżulta li l-kodiċi TARIC 7312 10 82 11 (provenjenti mir-Repubblika tal-Moldova), 7312 10 82 12 (provenjenti mill-Marokk) u 7312 10 82 19 (oħrajn) jiddependu mill-provenjenza ġeografika tal-kejbils tal-azzar li jsaddad. L-istess jgħodd għall-kodiċi TARIC li japplikaw għall-kejbils imsemmija fis-subintestatura 7312 10 84 u 7312 10 86 tan‑NM. Għalhekk, il-kejbils tal-azzar li jsaddad, mhux mgħottijin jew miksijin jew mgħottijin biss b’żingu, fejn id-daqs tal-qatgħa trasversali huwa iktar minn 3 mm iżda inqas minn 48 mm u li ġejjin minn pajjiżi li ma humiex ir‑Repubblika tal-Moldova jew il-Marokk jaqgħu taħt il-kodiċi TARIC 7312 10 82 19, 7312 10 84 19 u 7312 10 86 19.

36      Mill-istruttura tat-TARIC jirriżulta wkoll li l-kodiċi TARIC 7312 10 82 90, 7312 10 84 90 jew 7312 10 86 90 jikkorrispondu għall-kejbils, mhux mgħottijin jew miksijin jew mgħottijin biss b’żingu, fejn id-daqs tal-qatgħa trasversali huwa iktar minn 3 mm iżda inqas minn 48 mm, u li mhumiex tal-azzar, jiġifieri dawk li huma tal-ħadid.

37      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, kemm in-noti li jippreċedu l-kapitoli tat-Tariffa Doganali Komuni kif ukoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tan-Nomenklatura tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, jikkostitwixxu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ din it-tariffa u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 1997, Wiener SI, C‑338/95, Ġabra p. I‑6495, punt 11, u tas-7 ta’ Frar 2002, Turbon International, C‑276/00, Ġabra p. I‑1389, punt 22).

38      F’din il-kawża, in-nota tas-subintestatura 1 tal-Kapitolu 72 tan-NM tippreċiża t‑tifsiriet ta’ azzar, azzar ma jsaddadx (stainless steel) u azzar ta’ liga oħra. Minn kliem din in-nota jirriżulta li dawn id-definizzjonijiet huma rilevanti għan-NM kollha, inkluż għalhekk il-Kapitolu 73 tan-NM. Il-punt (d) tal-imsemmija nota jagħti, b’mod ġenerali, definizzjoni ta’ “azzar”. L-“azzar ma jsaddadx (stainless steel)”, iddefinit fil-punt (e) tiegħu, u “azzar ta’ liga oħra”, iddefinit fil-punt (f) tiegħu, jikkostitwixxu kategoriji speċifiċi ta’ azzar u għalhekk għandhom jitqiesu bħala li jaqgħu taħt il-kategorija ġenerali “azzar”.

39      Fid-dawl ta’ dawn id-definizzjonijiet għal finijiet tal-klassifikazzjoni tal-kejbils tal-azzar bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kejbils tal-azzar li ma jsaddadx (stainless steel), fis-sens tal-punt (e) tan-nota tas-subintestatura 1 tal‑Kapitolu 72 tan-NM, jaqgħu taħt is-subintestatura 7312 10 30 tan-NM. Min‑naħa l-oħra, fil-kuntest tal-intestatura 7312 tan-NM u fin-nuqqas ta’ distinzjoni bejn kejbils tal-azzar u dawk ta’ “azzar ta’ liga oħra” fis-sens tal‑punt (f) tal-imsemmija nota, hemm lok li jitqies li l-kejbils tal-azzar li jsaddad, mhux mgħottijin jew miksijin jew mgħottijin biss b’żingu, u li ġejjin minn pajjiżi li ma humiex ir-Repubblika tal-Moldova jew il-Marokk jaqgħu taħt il-kodiċi TARIC 7312 10 82 19, 7312 10 84 19 jew 7312 10 86 19, skont id-daqs tal-qatgħa trasversali tagħhom.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li t-TARIC, fil-verżjoni tagħha applikabbli fl‑2004 u fl-2005, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kejbils tal-azzar li jsaddad, mhux mgħottijin jew miksijin jew mgħottijin biss b’żingu, fejn id-daqs tal-ikbar qatgħa trasversali huwa iktar minn 3mm iżda inqas minn 48 mm u li ma huma ġejjin la mir-Repubblika tal-Moldova u lanqas mill-Marokk, jaqgħu taħt il-kodiċi TARIC 7312 10 82 19, 7312 10 84 19 jew 7312 10 86 19, skont id-daqs tal-qatgħa trasversali tagħhom.

 Fuq it-tieni domanda

41      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l‑Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 384/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-impożizzjoni , fil-każ ta’ żball fil-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija importata fit-territorju doganali tal‑Unjoni Ewropea, ta’ multa li hija daqs l-ammont totali tad-dazji antidumping li japplikaw għal dawn il-merkanziji skont il-klassifikazzjoni tariffarja korretta.

42      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 384/96, id-dazji antidumping huma imposti permezz ta’ regolament u miġbura mill-Istati Membri skont il-forma, ir-rata u l-elementi l-oħra stabbiliti mir-regolament li jimponihom. F’din il-kawża, ir-Regolament Nru 1796/1999 ma jistabbilixxix sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tiegħu.

43      Madankollu, skont l-Artikolu 1(3) ta’ dan l-aħħar regolament, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam tad-dazji doganali huma applikabbli, salv indikazzjoni kontrarja. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li lanqas dawn ma jistabbilixxu sanzjoni fil-każ ta’ żball fil-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanziji importati fit‑territorju doganali tal-Unjoni Ewropea.

44      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea ma tistabbilixxix sanzjoni speċifika fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tagħha jew tirreferi, fuq dan il-punt, għad‑dispożizzjonijiet nazzjonali, l-Artikolu 10 KE jimponi fuq l-Istati Membri li jieħdu kull miżura xierqa biex jiggarantixxu l-portata u l-effikaċja tad-dritt tal‑Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, filwaqt li jżommu setgħa diskrezzjonali fir‑rigward tal-għażla tal-imsemmija miżuri, huma għandhom jiżguraw li l-ksur tal‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea jkun, jekk meħtieġ, issanzjonat taħt kundizzjonijiet ta’ mertu u ta’ proċedura li huma analogi għal dawk applikabbli għal ksur tad-dritt nazzjonali li hu ta’ natura u ta’ importanza simili u, f’kull każ, li s-sanzjoni tkun ta’ natura effettiva, proporzjonata u dissważiva (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1995, C-36/94, Siesse, Ġabra p. I‑3573, punt 20, u tas-16 ta’ Ottubru 2003, Hannl-Hofstetter, C‑91/02, Ġabra p. I‑12077, punt 17).

45      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Istati Membri għadhom is-setgħa li jagħżlu l-miżuri li jidhrilhom xierqa fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 1796/1999. Madankollu, huma marbuta li jeżerċitaw is-setgħa tagħhom filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji ġenerali tiegħu, u konsegwentement, billi josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, b’analoġija, is-sentenzi Siesse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21; tas-7 ta’ Diċembru 2000, De Andrade, C‑213/99, Ġabra p. I‑11083, punt 20, u Hannl‑Hofstetter, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

46      Il-prinċipju stess ta’ multa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża sabiex tiżgura li l-persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa josservaw l-obbligi tagħhom fil-qasam tad-dikjarazzjoni fiskali, ma jidhirx li jikser id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti fil-fatt li tinkoraġġixxi lill-operaturi ekonomiċi sabiex jibagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dikjarazzjonijiet li jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli, inkluż il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni Ewropea u l-miżuri antidumping li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, fin-nuqqas tat-tali miżura, żbalji fil-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanziji suġġetta għal applikazzjoni tad-dazji antidumping ma jwasslu, finalment, għall-ebda konsegwenza għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

47      Fir-rigward tal-ammont tal-multa, huwa importanti li dan jiġi stabbilit, skont il‑ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, taħt kundizzjonijiet simili għal dawk li jeżistu fid-dritt nazzjonali għal ksur tal-istess natura u tal-istess gravità. Għalkemm fid-dawl ta’ kliemha dan jidher a priori l-każ għal dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali; hija, madankollu, il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-multa inkwistjoni fil‑kawża prinċipali hijiex effettivament skont l-imsemmija prinċipji.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 384/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi l-impożizzjoni, fil-każ ta’ żball fil-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanziji importati fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea, ta’ multa daqs l‑ammont totali tad-dazji antidumping applikabbli, sakemm l-ammont tal-multa jiġi stabbilit taħt kundizzjonijiet simili għal dawk li jeżistu fid-dritt nazzjonali għal ksur tal-istess natura u tal-istess gravità, u li jagħti lis-sanzjoni natura effettiva, proporzjonata u dissważiva, ħaġa li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-Tariffa Integrata tal-Komunitajiet Ewropej, stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tagħha applikabbli fl-2004 u fl-2005, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kejbils tal-azzar li jsaddad, mhux mgħottijin jew miksijin jew mgħottijin biss b’żingu, fejn id-daqs tal-ikbar qatgħa trasversali huwa iktar minn 3 mm iżda inqas minn 48 mm, u li ma huma ġejjin la mir-Repubblika tal-Moldova u lanqas mill-Marokk, jaqgħu taħt il-kodiċi TARIC 7312 10 82 19, 7312 10 84 19 jew 7312 10 86 19, skont id-daqs tal-qatgħa trasversali tagħhom.

2)      L-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi l-impożizzjoni, fil-każ ta’ żball fil-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanziji importati fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea, ta’ multa daqs l-ammont totali tad-dazji antidumping applikabbli, sakemm l-ammont tal-multa jiġi stabbilit taħt kundizzjonijiet simili għal dawk li jeżistu fid-dritt nazzjonali għal ksur tal-istess natura u tal-istess gravità, u li jagħti lis-sanzjoni natura effettiva, proporzjonata u dissważiva, ħaġa li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.