SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

“Appell — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar tal-fondi tas-sussidjarja ta’ bank — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Żamma jew kontroll tal-entità”

Fil-Kawża C-380/09 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2009

Melli Bank plc, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn D. Anderson u D. Wyatt, QC, kif ukoll minn R. Blakeley, barrister, irrappreżentati minn S. Gadhia u T. Din, solicitors,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u R. Szostak, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. Belliard, kif ukoll minn G. de Bergues, L. Butel u E. Ranaivoson, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Hathaway, bħala aġent, assistit minn S. Lee, barrister,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Boelaert u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, E. Juhász, D. Šváby, M. Berger u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Marzu 2011,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Melli Bank plc (iktar ’il quddiem “Melli Bank”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) tad-9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il-Kunsill (T-246/08 u T-332/08, Ġabra p. II-2629, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-imsemmija qorti ċaħdet ir-rikorsi tagħha li l-għan tagħhom huwa, minn naħa, fir-rigward tal-Kawżi T-246/08 u T-3632/08, l-annullament tal-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475/KE, tat-23 ta’ Ġunju 2008, li timplementa l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 163, p. 29, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) sa fejn tirrigwardaha, u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Kawża T-332/08, dikjarazzjoni eventwali ta’ inapplikabbiltà tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, p. 969).

2

Kif il-Qorti Ġenerali esponiet fil-punt 1 tas-sentenza appellata, l-appellanti, Melli Bank, hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li għandha l-uffiċċju tagħha rreġistrat fir-Renju Unit, awtorizzata u rregolata mill-Financial Services Authority (awtorità tas-servizzi finanzjarji tar-Renju Unit). Hija bdiet twettaq l-attivitajiet bankarji tagħha fir-Renju Unit fl-1 ta’ Jannar 2002, wara t-trasformazzjoni tal-fergħa f’dan il-pajjiż tal-Bank Melli Iran. Dan tal-aħħar, kumpannija parent li għandha l-proprjetà assoluta ta’ Melli Bank, huwa bank Iranjan ikkontrollat mill-Istat Iranjan.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Riżoluzzjonijiet 1737 (2006) u 1747 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

3

Sabiex teżerċita pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran biex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistema ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem il-“proliferazzjoni nukleari”), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) adotta, fit-23 ta’ Diċembru 2006, ir-Riżoluzzjoni 1737 (2006).

4

Fil-paragrafu 12 ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà:

“[iddeċieda] li l-Istati kollha għandhom jiffriżaw il-fondi, l-assi finanzjarji oħra u r-riżorsi ekonomiċi li jinsabu fit-territorju tagħhom fid-data tal-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni jew f’kull mument sussegwenti, li huma ta’ proprjetà jew taħt il-kontroll tal-persuni jew tal-entitajiet imsemmija fl-Anness, kif ukoll dawk ta’ persuni jew entitajiet li l-Kunsill [tas-Sigurtà] jew il-Kumitat jista’ jidentifika bħala parteċipi, peress li huma direttament assoċjati jew li jsostnu l-attivitajiet nukleari tal-Iran li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni u għall-iżvilupp ta’ sistema ta’ kunsinna ta’ armi nukleari, jew tal-persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew fuq struzzjonijiet tagħhom, jew tal-entitajiet li huma ta’ proprjetà tagħhom jew taħt il-kontroll tagħhom, inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti […].”

5

L-Anness tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) jistabbilixxi lista ta’ persuni u ta’ entitajiet involuti fil-proliferazzjoni nukleari u li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi (iktar ’il quddiem, il-“fondi”) tagħhom għandhom jiġu ffriżati.

6

Din il-lista ġiet sussegwentement aġġornata permezz ta’ bosta riżoluzzjonijiet, u b’mod partikolari permezz tar-Riżoluzzjoni 1747 (2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà, tal-24 ta’ Marzu 2007, li permezz tagħha l-fondi ta’ Bank Sepah, bank Iranjan, u tas-sussidjarja tiegħu fir-Renju Unit, Bank Sepah International plc, ġew iffriżati. L-appellanti ma kinitx is-suġġett ta’ miżuri ta’ ffriżar tal-fondi adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà.

Il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK

7

Fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, ir-Riżoluzzjoni 1737 (2006) ġiet implementata permezz tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/140/PESK, tas-27 ta’ Frar 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 61, p. 49)

8

L-Artikolu 5(1) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 huwa redatt kif ġej:

“Il-fondi [...] li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmuma jew kontrollati, direttament jew indirettament, minn:

a)

persuni u entitajiet indikati fl-Anness għa[r-Riżoluzzjoni] 1737 (2006) [tal-Kunsill tas-Sigurtà] kif ukoll dawk ta’ persuni u entitajiet addizzjonali indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat konformement mal-Paragrafu 12 [tar-Riżoluzzjoni] 1737 (2006) [tal-Kunsill tas-Sigurtà], fejn tali persuni jew entitajiet ikunu elenkati fl-Anness I ;

b)

persuni u entitajiet mhux koperti mill-Anness I li jkunu impenjati fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ għal, attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni ta’ l-Iran jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari, jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew skond id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet li jkunu proprjetà tagħhom jew kontrollati minnhom, anke permezz ta’ mezzi illeċiti, kif elenkat fl-Anness II.”

9

L-appellanti ma tissemmiex fl-annessi tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140.

Ir-Regolament Nru 423/2007

10

Sa fejn il-kompetenzi tal-Komunità Ewropea kienu kkonċernati, ir-Riżoluzzjoni 1737 (2006) ġiet implementata bir-Regolament Nru 423/2007, adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE u li, filwaqt li jirreferi għall-Pożizzjoni Komuni 2007/140, għandu kontenut essenzjalment simili għal dak ta’ din tal-aħħar, bl-istess ismijiet ta’ entitajiet u ta’ persuni fiżiċi inklużi fl-Annessi tiegħu.

11

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprojbixxi ċerti tranżazzjonijiet ma’ persuni jew entitajiet li jkunu jinsabu fl-Iran jew għall-finijiet ta’ użu f’dan il-pajjiż.

12

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament huwa redatt kif ġej:

“1.   Il-fondi […] kollha li jappartjenu, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati mill-persuni, entitajiet u korpi [organi] elenkati fl-Anness IV għandhom ikunu ffriżati. L-Anness IV għandu jinkludi l-persuni, entitajiet u korpi indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà [...] jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skond il-paragrafu 12 ta[r-Riżoluzzjoni] 1737 (2006) [tal-Kunsill tas-Sigurtà] [...].

2.   Il-fondi [...] kollha li jappartjenu, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati mill-persuni, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness [V] għandhom ikunu ffriżati. L-Anness V għandu jinkludi persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi, mhux koperti mill-Anness IV, li, f’konformità ma’ l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140[...], ġew identifikati li:

a)

kienu involuti fi, assoċjati direttament ma, jew jipprovdu appoġġ għall-attivitajiet nukleari ta’ l-Iran sensittivi għall-proliferazzjoni, jew

b)

kienu involuti fi, assoċjati direttament ma, jew jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp ta’ l-Iran ta’ sistemi ta’ konsenja għall-iżvilupp ta’ armi nukleari, jew

ċ)

jaġixxu f’isem jew skond id-direzzjoni ta’ persuna, entità jew korp imsemmi taħt (a) jew (b), jew

d)

huma persuna ġuridika, entità jew korp proprjetà ta’ [miżmuma] jew ikkontrollati minn persuna, entità jew korp imsemmija taħt (a) jew (b), inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti.

3.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jintgħamlu disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Annessi IV u V.

4.   Il-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonata, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom hu, direttament jew indirettament, l-evażjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandha tiġi pprojbita.”

13

L-appellanti ma tissemmiex fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007.

14

L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jobbliga lill-persuni u lill-entitajiet ikkonċernati sabiex jipprovdu ċerta informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti u sabiex jikkooperaw magħhom.

15

L-Artikolu 15(2) u (3) tal-imsemmi regolament huwa redatt kif ġej:

“2.   Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi [organi] msemmija fl-Artikolu 7(2) u f’konformità sħiħa mad-determinazzjonijiet li jsiru mill-Kunsill fir-rigward ta’ l-Anness II għall-Pożizzjoni Komuni 2007/140[...]. Il-lista fl-Anness V għandha tiġi riveduta f’intervalli regolari u ta’ l-inqas kull 12-il xahar.

3.   Il-Kunsill għandu jiddikjara raġunijiet individwali u speċifiċi għal deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafu 2 u jagħmilhom magħrufa lill-persuni, entitajiet u korpi kkonċernati.”

16

L-Artikolu 16 tal-istess regolament jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw is-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar.

Ir-Riżoluzzjoni 1803 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà

17

Skont il-punt 10 tar-Riżoluzzjoni 1803 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà, tat-3 ta’ Marzu 2008, dan tal-aħħar talab “lill-Istati kollha sabiex ikunu viġilanti dwar attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jinsabu fit-territorju tagħhom mal-banek kollha domiċiljati fl-Iran, b’mod partikolari mal-Bank Melli u mal-Bank Saderat, kif ukoll mal-fergħat u aġenziji tagħhom barra l-pajjiż, sabiex jiġi evitat li dawn l-attivitajiet jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari jew għall-aġġornament tas-sistemi ta’ konsenja ta’ armi nukleari”.

Il-Pożizzjoni Komuni 2008/479/PESK

18

Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/479/PESK, tat-23 ta’ Ġunju 2008, li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2007/140 (ĠU L 163, p. 43), issostitwixxiet b’mod partikolari l-Anness II ta’ din tal-aħħar. Dan l-anness jinkludi Tabella A, bit-titolu “Persuni fiżiċi” u Tabella B, bit-titolu “Entitajiet”.

19

Abbażi tal-Pożizzjoni Komuni 2008/479, Bank Melli Iran u Melli Bank ġew inklużi fost l-entitajiet milquta bl-iffriżar tal-fondi. Fil-fatt, il-punt 5 tat-Tabella B tal-Anness ta’ din tal-aħħar jinkludi, fl-ewwel kolonna bit-titolu “Isem”, l-indikazzjonijiet segwenti:

“Bank Melli, Melli Bank Iran u kull fergħa u sussidjarja tiegħu, inklużi

a)

Melli Bank plc

b)

Bank Melli Iran Zao”.

20

Fit-tieni kolonna, bit-titolu “Informazzjoni identifikattiva”, hemm indikat indirizz marbut mal-isem ta’ kull wieħed mill-banek ikkonċernati.

21

It-tielet kolonna, bit-titolu “Raġunijiet”, tinkludi t-test segwenti:

“Jipprovdi jew jipprova jipprovdi sostenn finanzjarju lil kumpanniji li huma involuti fi jew li jakkwistaw merkanzija għall-programmi nukleari u missilistiċi ta’ l-Iran (AIO, SHIG, SBIG, AEOI, Kumpannija Novin Energy, Kumpannija Mesbah Energy, Kumpannija Kalaye Electric u DIO). Il-Bank Melli jagħmilha ta’ faċilitatur għall-attivitajiet sensittivi ta’ l-Iran. Huwa ffaċilita bosta akkwisti ta’ materjal sensittiv għall-programmi nukleari u missilistiċi ta’ l-Iran. Huwa pprova [pprovda] firxa ta’ servizzi finanzjarji f’isem entitajiet marbuta ma’ l-industriji nukleari u missilistiċi ta’ l-Iran, inkluż il-ftuħ ta’ ittri ta’ kreditu u ż-żamma tal-kontijiet. Bosta mill-kumpanniji t’hawn fuq issemmew fir-[Riżoluzzjonijiet] 1737 u 1747 [tal-Kunsill tas-Sigurtà].”

22

Fir-raba’ kolonna, bit-titolu “Data ta’ l-elenkar [iskrizzjoni]”, hemm indikata d-data tat-“23.6.2008”.

Id-deċiżjoni kkontestata

23

Fit-23 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill adotta wkoll id-deċiżjoni kkontestata. L-Anness ta’ din id-deċiżjoni jissostitwixxi l-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007. Dan l-anness jinkludi Tabella A, bit-titolu “Persuni fiżiċi”, u Tabella B, bit-titolu “Persuni, Entitajiet u Korpi [Organi] Legali”, tabelli li t-tnejn li huma fihom l-istess kolonni bħal dawk li jinsabu fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2008/479. L-appellanti hija inkluża fil-punt 4 tal-imsemmija Tabella B. L-indikazzjonijiet dwar l-appellanti huma identiċi għal dawk li jinsabu fl-Anness tal-imsemmija pożizzjoni komuni, bl-eċċezzjoni tad-data tal-iskrizzjoni, li tikkorrispondi għall-24 ta’ Ġunju 2008. Id-deċiżjoni msemmija ġiet ippubblikata fl-24 ta’ Ġunju 2008 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

24

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Ġunju 2008, l-appellanti ppreżentat ir-rikors fil-Kawża T-246/08, li permezz tiegħu talbet l-annullament tal-Punt 4 tat-Tabella B tal-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tikkonċernaha, kif ukoll il-kundanna tal-Kunsill għall-ispejjeż.

25

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Awwissu 2008, l-appellanti ppreżentat ir-rikors fil-Kawża T-332/08, li permezz tiegħu talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-punt 4 tat-Tabella B tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċernaha;

jekk il-Qorti Ġenerali tqis li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 kien ta’ applikazzjoni vinkolanti, tiddikjara l-inapplikabbiltà tiegħu, skont l-Artikolu 241 KE, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

26

Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tħallew jintervjenu quddiem il-Qorti Ġenerali insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

27

Insostenn tat-talbiet tagħha, l-appellanti invokat diversi motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq in-nuqqas ta’ partiċipazzjoni ta’ Bank Melli Iran fil-finanzjament tal-proliferazzjoni nukleari. It-tieni motiv kien ibbażat fuq żball ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, inkwantu l-Kunsill kien igawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni. It-tielet motiv, ta’ natura sussidjarja, kien ibbażat fuq l-illegalità, minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ta’ dan l-Artikolu 7(2)(d), inkwantu jimponi fuq il-Kunsill l-obbligu li jinkludi lir-rikorrenti fil-lista li tinsab fl-Anness V tal-imsemmi regolament. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq żball ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 7(2)(d) inkwantu l-appellanti ma kinitx entità “proprjetà ta’ [miżmuma] jew ikkontrollati” minn entità parent fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-ħames motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Is-sitt motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

28

Il-Qorti Ġenerali ddikjarat l-ewwel motiv bħala inammissibbli, għaliex in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ Bank Melli Iran fil-finanzjament tal-proliferazzjoni nukleari kien ġie sempliċiment allegat fir-rikors u li, peress li dan il-motiv kien tqajjem sussegwentement, huwa kien motiv ġdid.

29

Il-Qorti Ġenerali ssusegwentement eżaminat kull wieħed mill-motivi l-oħra u ċaħdithom.

It-talbiet tal-partijiet fl-appell

30

Melli Bank titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tilqa’ r-rikorsi ppreżentati fil-Kawża T-246/08 u fil-Kawża T-332/08;

tannulla l-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tikkonċernaha;

tiddikjara l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 inapplikabbli jekk tikkonstata li għandu effett vinkolanti, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-appell u għall-proċedura tal-ewwel istanza.

31

Il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

32

L-appell huwa bbażat fuq erba’ aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju, li jinkludi żewġ partijiet, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 jikkostitwixxi dispożizzjoni vinkolanti, minkejja l-fatt li din l-interpretazzjoni, skont l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, tmur kontra kemm din id-dispożizzjoni kif ukoll, skont it-tieni parti tal-imsemmi aggravju, il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-imsemmi Artikolu 7(2)(d) huwa konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt fil-formulazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kriterju intiż li jiddetermina jekk hija kinitx miżmuma u kkontrollata mill-entità parent. Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-Kunsill kien issodisfa l-obbligu tiegħu li jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu li jinkludiha fil-lista tal-persuni, entitajiet u organi msemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007.

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta ' liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007

L-argumenti tal-partijiet

33

L-ewwel parti tal-ewwel aggravju essenzjalment jirrigwarda l-punti 61 sa 67 tas-sentenza appellata, kif ukoll il-punti 69 u 70 ta’ din tal-aħħar.

34

L-appellanti tikkontesta l-analiżi tal-espressjoni “[i]kunu ffriżati”, li tinsab fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, li pproċediet biha l-Qorti Ġenerali fil-punt 63 tas-sentenza appellata u li minnha kkonkludiet li l-Kunsill ma kellux setgħa diskrezzjonali. Skont l-appellanti, l-użu, fit-tieni sentenza tas-subartikolu 2, tal-espressjoni “ġew identifikati li”, jdgħajjef l-użu preċedenti tal-kelma “jinkludi” u juri li l-Kunsill kellu jwettaq evalwazzjoni u identifikazzjoni sabiex jiddetermina jekk l-assi tal-entitajiet miżmuma jew ikkontrollati kellhomx jiġu ffriżati. Barra minn hekk, din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali hija f’kontradizzjoni mal-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata, li fihom hija qieset li l-Kunsill kellu jevalwa jekk il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 kinux sodisfatti, inkluż fir-rigward tas-sussidjarji totalment miżmuma minn entitajiet irrikonoxxuti bħala involuti fil-proliferazzjoni nukleari.

35

Skont l-appellanti, ir-Regolament Nru 423/2007 jadotta approċċ personalizzat tal-iskrizzjoni fil-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi msemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, fatt li jiġġustifika l-obbligu ta’ motivazzjoni speċjalment fir-rigward tal-iskrizzjoni ta’ kull entità f’din il-lista, li tinsab fl-Artikolu 15(3) ta’ dan ir-regolament, u li jimponi fuq il-Kunsill il-ħtieġa li jindika r-raġunijiet għalfejn huwa jqis li entità speċifika tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tidher fuq l-imsemmija lista.

36

Il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jikkontestaw din l-interpretazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37

L-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 jistabbilixxi li “[i]l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati [minn dawn il]-persuni, [..] għandhom ikunu ffriżat” u li “[l]-Anness V għandu jinkludi persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi [organi], mhux koperti mill-Anness IV, li, f’konformità ma’ l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK, ġew identifikati li [...] huma persuna ġuridika, entità jew korp proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn persuna, entità jew korp imsemmija taħt (a) jew (b) [li huma involuti, li huma direttament assoċjati ma’ jew li jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp tal-proliferazzjoni nukleari], inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti”.

38

Skont ġurisprudenza stabbilita (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12; u tat-23 ta’ Frar 2010, Teixeira, C-480/08, Ġabra p. I-1107, punt 48), sabiex tinterpreta l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat il-kliem u l-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni kif ukoll l-għanijiet imfittxa bil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha.

39

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, minn qari tat-test tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, ikkunsidrat li din id-dispożizzjoni timponi fuq il-Kunsill l-obbligu li jiffriża l-fondi ta’ entità “proprjetà ta’ [miżmuma] jew ikkontrollata minn” entità rrikonoxxuta bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari, fis-sens tal-Artikolu 7(2)(a) jew (b) tal-istess regolament, għaliex il-Kunsill għandu individwalment iwettaq evalwazzjoni tal-kwalità ta’ entità “proprjetà ta’ [miżmuma] jew ikkontrollata mi[ll]-“entità kkonċernata.

40

Il-Qorti Ġenerali ġustament qieset, fil-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata li, fid-dawl tal-kliem “ġew identifikati” li jinsabu fil-parti introduttiva tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, il-kwalità ta’ entità “proprjetà ta’ [miżmuma] jew ikkontrollata” għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni individwali magħmula mill-Kunsill skont, b’mod partikolari, il-grad ta’ żamma tal-proprjetà jew tal-intensità tal-kontroll inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali ġustament qieset ukoll, fil-punti 63 u 69 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-użu tal-formulazzjoni “‘[i]kunu ffriżati’” f’din l-istess dispożizzjoni tar-Regolament Nru 423/2007, l-adozzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar tal-fondi hija imposta wkoll fir-rigward ta’ entità rrikonoxxuta mill-Kunsill bħala li hija miżmuma jew ikkontrollata minn entità li min-naħa tagħha hija rrikonoxxuta bħala involuta fil-proliferazzjoni nukleari, u li ma hemmx għalfejn tiġi mmotivata minħabba l-fatt li l-entità miżmuma jew ikkontrollata tipparteċipa hija stess f’din il-proliferazzjoni.

41

Dawn iż-żewġ kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma humiex kontradittorji, għaliex tal-ewwel tirrigwarda l-obbligu li jiġi vverifikat, b’ċerta setgħa diskrezzjonali, il-kwalità ta’ entità “proprjetà ta’ [miżmuma] jew ikkontrollata mill-”entità kkonċernata, filwaqt li t-tieni tirrigwarda l-obbligu li jiġu ffriżati l-fondi ta’ tali entità mingħajr kontroll fil-każ li hija stess tipparteċipa fil-proliferazzjoni nukleari.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi dedott mis-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill marbuta mal-kwalità ta’ entità miżmuma jew ikkontrollata li dan tal-aħħar għandu wkoll is-setgħa li jevalwa l-kontribuzzjoni ta’ tali entità għall-proliferazzjoni nukleari għall-finijiet li jiddeċiedi li jimponi l-iffriżar tal-fondi tagħha.

43

L-ebda konklużjoni favur ir-rikonoxximent ta’ tali setgħa ma tista’ titnissel mill-obbligu ta’ motivazzjoni msemmi fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007. Fil-fatt, ir-raġunijiet individwali u speċifiċi li l-Kunsill għandu jipprovdi huma dawk dwar l-iskrizzjoni tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi kkonċernati fuq il-lista inkwistjoni, jiġifieri, skont il-każ, il-parteċipazzjoni għall-attivitajiet nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran jew, fir-rigward tal-entitajiet miżmuma jew ikkontrollati, il-motivi li wassluh biex jikkunsidra li l-kundizzjoni taż-żamma jew tal-kontroll hija sodisfatta.

44

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell huwa infondat fid-dritt u għandu, għalhekk, jiġi miċħud.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta ' proporzjonalità

L-argumenti tal-partijiet

45

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li, billi interpretat l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 fis-sens li dan ma jħallix lill-Kunsill marġni ta’ diskrezzjoni biex jiddetermina jekk sussidjarja tissodisfax il-kriterji stabbiliti b’din id-dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Permezz tat-tieni aggravju, hija ssostni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tal-imsemmi regolament huwa meqjus bħala li għandu natura vinkolanti, din id-dispożizzjoni tikser hija stess il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandha għalhekk tiġi ddikjarata inapplikabbli għal din il-kawża, skont l-Artikolu 241 KE, fatt li jċaħħad id-deċiżjoni kkontestata minn bażi legali. Din il-parti u dan l-aggravju essenzjalment jirrigwardaw il-punti 75, 76, 99, 102 u 103 tas-sentenza appellata kif ukoll il-punti 107 sa 110 tagħha.

46

L-appellanti tikkritika r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fis-sens li din tal-aħħar ma kkunsidratx ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà biex tinterpreta l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007. Hija tfakkar ir-rabta li teżisti bejn dawn ir-riżoluzzjonijiet u dan ir-regolament, li tirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 1, 2, 5 u 6 tal-imsemmi regolament kif ukoll mill-premessi tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140. Barra minn hekk, ir-Riżoluzzjoni 1803 (2008), minkejja li ġiet adottata wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 423/2007, għandha importanza kbira għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, il-fatt li l-Kunsill tas-Sigurtà ma ħa l-ebda miżura ta’ ffriżar tal-fondi fil-konfront tal-appellanti, iżda rrakomanda lill-Istati, fil-punt 10 ta’ din ir-riżoluzzjoni, biex “ikunu viġilanti”, jindika li miżuri inqas onerużi mill-iffriżar tal-fondi setgħu jkunu effikaċi sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti bir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà.

47

Barra minn hekk, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, kif iddikjarat fl-aħħar sentenza tal-punt 103 tas-sentenza appellata, li l-iffriżar tal-fondi tal-entitajiet miżmuma jew ikkontrollati minn entità rrikonoxxuta bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni kien meħtieġ u xieraq biex jiżgura l-effikaċità tal-miżuri adottati fir-rigward ta’ din tal-aħħar u biex jiggarantixxi li dawn il-miżuri ma jiġux evitati. Skont l-appellanti, l-Artikoli 5(1), 7(3) u (4), 13 kif ukoll 16 tar-Regolament Nru 423/2007 diġà jistabbilixxu miżuri effikaċi. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta injorat il-miżuri alternattivi proposti mill-appellanti bħala li ma jistgħux jipprevjenu tranżazzjonijiet eventwalment inkompatibbli mal-miżuri restrittivi adottati. Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-miżuri alternattivi ex post, kien ikun possibbli li tiġi prevista l-iskrizzjoni tas-sussidjarja fil-lista biss wara li tkun użat l-imsemmija miżuri. Billi ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-prinċipju ta’ proporzjonalità u kkonfutat l-oneru tal-prova billi imponiet li l-appellanti għandha turi l-effikaċja assoluta tal-miżuri alternattivi.

48

Barra minn hekk, skont l-appellanti, iċ-ċaħda kategorika, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, mill-Qorti Ġenerali tal-argument tagħha bbażat fuq l-effikaċja ta’ dawn il-miżuri alternattivi kienet manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-portata tal-ksur li jikkonċerna d-drittijiet fundamentali tagħha kkawżat mill-miżuri ta’ ffriżar tal-fondi.

49

L-appellanti tikkonstata li huma biss tnejn mill-għoxrin sussidjarji ta’ Bank Melli Iran li ssemmew fid-deċiżjoni kkontestata. Hija saħansitra pprovdiet lill-Qorti Ġenerali eżempju ieħor, imsemmi fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li minnu jirriżulta li l-Kunsill kien inkluda entità parent fil-lista inkwistjoni mingħajr ma semma l-ebda mis-sitt sussidjarji tagħha. Minn dan hija tiddeduċi kemm li l-Kunsill igawdi minn setgħa diskrezzjonali meta japplika l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, kif hija ssostni, kif ukoll li din il-prassi turi n-natura sproporzjonata tal-obbligu li jiġu inklużi s-sussidjarji kollha fuq l-imsemmija lista.

50

L-appellanti tikkonkludi li l-Kunsill igawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni u li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 fis-sens li l-applikazzjoni tiegħu huwa ta’ natura vinkolanti. Jekk xejn, l-imsemmi Artikolu 7(2)(d) huwa ambigwu. Issa, skont il-ġurisprudenza, meta dispożizzjoni tad-dritt sekondarju jista’ jkollha iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata preferenza lil dik l-interpretazzjoni li trendi din id-dispożizzjoni konformi mat-Trattat. F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma interpretatx l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 fis-sens li l-Kunsill igawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni.

51

Il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jqisu li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

52

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li l-miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu kapaċi li jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu (sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, Ġabra p.-I 11453, punt 122; tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C-194/04, Ġabra p. I-10423, punt 68, kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C-58/08, Ġabra p. I-4999, punt 51).

53

L-appellanti ma tikkontestax il-leġittimità tal-għan imfittex, jiġifieri l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari fl-Iran bil-ħsieb li tinżamm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali, iżda n-natura xierqa u meħtieġa tal-iffriżar tal-fondi tal-entitajiet miżmuma jew ikkontrollati. L-ewwel nett, hija takkuża lill-Qorti Ġenerali bil-fatt li ma kkunsidratx biżżejjed ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà biex tinterpreta l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007.

54

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, minn naħa, u l-pożizzjonijiet komuni tal-Kunsill kif ukoll ir-regolamenti tiegħu, min-naħa l-oħra, jagħmlu parti minn ordinamenti ġuridiċi distinti. Fil-fatt, l-atti adottati fil-kuntest, minn naħa, tan-Nazzjonijiet Uniti u, min-naħa l-oħra, tal-Unjoni, jiġu adottati minn organi li għandhom setgħat awtonomi, mogħtija lilhom mill-karti fundamentali tagħhom, jiġifieri t-trattati li ħolquhom (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C-548/09 P, Ġabra p. I-11381, punti 100 u 102).

55

Fil-punt 103 tas-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, matul it-tfassil ta’ miżuri Komunitarji intiżi sabiex jimplementaw riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà msemmija minn pożizzjoni komuni, il-Komunità għandha tieħu debitament inkunsiderazzjoni t-termini u l-għanijiet tar-riżoluzzjoni kkonċernata. Bl-istess mod, hemm bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-test u l-għan ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà għall-intepretazzjoni tar-regolament li huwa intiż li jimplementaha (sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104 u il-ġurisprudenza ċċitata).

56

Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ir-Riżoluzzjoni 1737 (2006) għaliex hija kkonstatat, fil-punt 6 tas-sentenza appellata, li din ġiet implementata bir-Regolament Nru 423/2007 li l-kontenut tiegħu huwa essenzjalment identiku għall-kontenut tal-Pożizzjoni Komuni 423/2007. F’dan ir-rigward, l-appellanti ma turix kif il-Qorti Ġenerali setgħet tasal għal konklużjoni differenti f’dak li jikkonċerna l-ħtieġa tal-iffriżar tal-fondi tal-entitajiet miżmuma jew ikkontrollati. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 12 tagħha, ir-Riżoluzzjoni 1737 (2006) tipprovdi espliċitament għall-iffriżar tal-fondi tal-entitajiet li huma ta’ proprjetà jew li huma taħt il-kontroll ta’ persuni jew ta’ entitajiet li huma involuti fl-attivitajiet nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

57

Ir-Riżoluzzjoni 1803 (2008) ma timponix fuq l-Istati Membri miżuri speċifiċi, iżda titlobhom, fir-rigward tal-attivitajiet eżerċitati mill-istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti fit-territorju tagħhom mal-Bank Melli Iran, li jkunu viġilanti sabiex jiġi evitat li dawn l-attivitajiet jikkontribwixxu għal attivitajiet li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni nukleari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 107). Minn din ir-rakkomandazzjoni ma jistax jiġi dedott in-nuqqas ta’ ħtieġa li jiġu ffriżati l-fondi tal-entitajiet miżmuma jew ikkontrollati minn Bank Melli Iran.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li meta l-fondi ta’ entità rrikonoxxuta bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari jiġu ffriżati, ikun hemm riskju kunsiderevoli li din teżerċita pressjoni fuq l-entitajiet li hija żżomm jew tikkontrolla, sabiex jiġi evitat l-effett tal-miżuri li jirrigwardawha, u li l-iffriżar tal-fondi ta’ dawn l-entitajiet huwa meħtieġ u xieraq sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-miżuri adottati u jiġi ggarantit li dawn il-miżuri ma jiġux evitati.

59

It-tieni nett, fir-rigward tal-miżuri alternattivi msemmija mill-appellanti, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrifjutat li teżamina l-miżuri ta’ approvazzjoni preliminari tat-tranżazzjonijiet u ta’ sorveljanza ta’ dawn tal-aħħar minn mandatarju indipendenti, kif ukoll il-projbizzjoni totali tat-tranżazzjonijiet mar-Repubblika Iżlamik tal-Iran, invokati għall-ewwel darba matul is-seduta, għaliex dawn tal-aħħar kienu jiksru l-Artikoli 48(2) u 76a(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fil-punt 107 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-argument ibbażat fuq in-natura adegwata tal-miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll li kienu jeżistu meta ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża meta mqabbla mar-riskju espost fil-punt 103 ta’ din is-sentenza ma kienx ġie ssostanzjat, u b’hekk ikkonstatat assenza ta’ provi li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ fil-kuntest ta’ appell. Fir-rigward tal-miżuri ex post imsemmija fil-punt 108 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali evalwat l-effikaċja tagħhom permezz ta’ evalwazzjonijiet fattwali li ma humiex ukoll il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ fil-kuntest ta’ appell.

60

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 110 tas-sentenza appellatta u li tipprovdi li l-miżuri alternattivi proposti mill-appellanti ma kinux xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, ma tistax tiġi kkontestata.

61

Bl-istess mod, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu u għar-raġunijiet adottati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 111 u 112 tas-sentenza appellata, huwa seta’ jikkonkludi mingħajr ma jwettaq żball ta’ liġi li, peress li ż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali hija ta’ importanza fundamentali, ir-restrizzjonijiet għal-libertà tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika kif ukoll għad-dritt ta’ proprjetà ta’ stabbiliment bankarju, ikkawżati mill-miżuri ta’ ffriżar tal-fondi, ma kinux sporporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxa.

62

It-tielet nett, l-appellanti tinvoka l-fatt li l-Kunsill mhux soltu jiffriża l-fondi tal-entitajiet kollha miżmuma jew ikkontrollati mill-entitajiet irrikonoxxuti bħala li huma involuti fil-proliferazzjoni nukleari. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet:

fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill seta’ leġittimament ma japplikax l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 għal entitajiet li, fil-fehma tiegħu, ma jissodisfawx il-kriterji ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni;

fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, li ma kienx possibbli li fil-każijiet kollha jiġu identifikati l-entitajiet kollha miżmuma jew ikkontrollati minn entità rrikonoxxuta bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari u,

fil-punt 75 tal-imsemmija sentenza, li prassi eventwalment differenti tal-Kunsill, li hija allegatament illegali, ma tistax twassal, għall-entitajiet ikkonċernati, għal aspettattiva leġittima kif ukoll għad-dritt li jinvokaw għall-benefiċċju tagħhom illegalità mwettqa favur persuni oħra.

63

Il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, qieset li l-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-atti Komunitarji invokati mill-appellanti u mfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza ma kinitx rilevanti, għaliex ma kellhiex dubju f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007.

64

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità la fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 u lanqas fl-istħarriġ li hija għamlet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-appellanti. Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju tal-appell huma infondati u għandhom jiġu miċħuda.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta ' liġi fl-evalwazzjoni li tipprovdi li l-appellanti hija miżmuma jew ikkontrollata mill-entità parent tagħha

L-argumenti tal-partijiet

65

L-appellanti tikkritika l-punti 119 sa 129 tas-sentenza appellata. Hija tirrileva li l-kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak espost fil-punt 121 ta’ din is-sentenza, li jipprovdi li huwa importanti li wieħed ifittex jekk, “l-eżistenza ta’ influwenza deċiżiva tal-kumpannija parent [Bank Melli Iran] tistax twassal lill-kumpannija sussidjarja tapplika l-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent minflok ma tiddeċiedi l-imġiba tagħha b’mod awtonomu”.

66

Madankollu, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 123 tas-sentenza appellata, li ċirkustanzi eċċezzjonali biss setgħu jiġġustifikaw nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 għal sussidjarja totalement proprjetà ta’ entità meqjusa bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari.

67

L-appellanti tinvoka wkoll żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta kkunsidrat, b’mod mhux xieraq, ġurisprudenza li stabbilixxiet preċedenti fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni. L-appellanti ssostni li l-preżunzjoni użata fil-qasam tal-kompetizzjoni hija konfutabbli. Barra minn hekk, filwaqt li, f’dan id-dritt, il-kumpanniji kkonċernati huma awtorizzati jippreżentaw osservazzjonijiet lill-Kummissjoni, dan ma kienx il-każ f’din il-kawża, għaliex l-appellanti kienet ġiet inkluża fil-lista inkwistjoni mingħajr ma kellha l-possibbiltà li tikkontesta l-pożizzjoni tal-Kunsill.

68

Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni li hija għamlet, sa fejn jirrigwardaha, tal-kriterju stabbilit fil-punt 121 tas-sentenza appellata. B’mod partikolari, hija wettqet tali żball billi enfasizzat wisq il-possibbiltà tal-entità parent li tinnomina d-diretturi ta’ Melli Bank. F’dan ir-rigward, din tal-aħħar tfakkar il-bosta elementi invokati fil-punt 17 tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll ir-restrizzjonijiet imposti fuq l-iskambji tagħha u kkonkludiet li ma kienx hemm bżonn li tiġi adottata miżura bħal dik tal-iffriżar tal-fondi tagħha.

69

Skont l-appellanti, jekk wieħed jadotta l-prinċipju li hija qed tadotta aġir illegali, id-deċiżjoni inkwistjoni u s-sentenza appellata jiksru l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, għaliex l-iffriżar tal-fondi huwa meqjus bħala sanzjoni kriminali.

70

Il-Kummissjoni tenfasizza li, fil-kuntest ta’ dan l-istess aggravju, l-appellanti ma turix kif ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jista’ jkun ivvizzjat minn żball ta’ liġi. Barra minn hekk, l-appellanti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi.

71

Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jikkontestaw il-kriterju adottat mill-Qorti Ġenerali fl-ewwel sentenza tal-punt 121 tas-sentenza appellata. Fil-fehma tagħhom, l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 jinkludi kundizzjoni alternattiva, li tistabbilixxi li, jekk jiġi stabbilit li l-appellanti hija totalment miżmuma minn Bank Melli Iran, allura ma jkunx hemm għalfejn tintwera l-eżistenza tal-istħarriġ tiegħu. Skont il-Kummissjoni, l-elementi differenti adottati mill-Qorti Ġenerali sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali stħarriġ għandhom jitqiesu “pjuttost bħala aspetti li [...] juru r-ratio legis” tal-imsemmi Artikolu 7(2)(d).

72

Madankollu, ir-Renju Unit jirrileva li, anki jekk il-kriterju adottat mill-Qorti Ġenerali jiġi aċċettat, l-appellanti ma turix li din tal-aħħar wettqet żball ta’ liġi fir-raġunament li hija segwiet.

73

Fir-rigward tal-użu, mill-Qorti Ġenerali, tal-kriterji bbażati fuq id-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti Ġenerali sempliċiment ispirat ruħha mill-imsemmi dritt.

74

Dawn l-istituzzjonijiet u Stati Membri jfakkru l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-iffriżar tal-fondi jikkostitwixxi miżura kawtelatorja u mhux sanzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75

L-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi tal-entitajiet irrikonoxxuti bħala li huma miżmuma jew ikkontrollati minn entitajiet li huma stess huma rrikonoxxuti bħala li huma involuti fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari fis-sens tal-Artikolu 7(2)(a) jew (b) tal-imsemmi regolament. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-paragrafu 12 tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) li tipprovdi għall-iffriżar tal-fondi tal-entitajiet identifikati bħala li huma involuti fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari.

76

L-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 jipprovdi żewġ kriterji alternattivi, jiġifieri ż-żamma jew il-kontroll. Mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kunsill matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, kif irrapportati minn din tal-aħħar fil-punt 120 tas-sentenza appellata, jirriżulta li l-iffriżar tal-fondi tal-appellanti twettaq għaliex hija kienet entità “proprjetà ta’ [miżmuma minn]” Bank Melli Iran. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament limitat l-istħarriġ tagħha għal verifika tal-proprjetà ta’ Melli Bank kif miżmuma minn Bank Melli Iran.

77

L-appellanti ma tikkontestax li hija totalment miżmuma minn Bank Melli Iran. Madankollu, hija tqis li l-Qorti Ġenerali ma vverifikatx legalment b’mod suffiċjenti jekk, minħabba li hija miżmuma minn Bank Melli Iran, hija setgħetx tasal, bi probabbiltà mhux żgħira, biex tevadi l-effetti tal-miżuri adottati kontra l-entità parent tagħha, fejn b’hekk tirreferi għall-ewwel sentenza tal-punt 121 tas-sentenza appellata.

78

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li minkejja l-kliem ċar tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, interpretat fid-dawl tal-paragrafu 12 tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà u filwaqt li ma ġiex ikkontestat lill-appellanti l-fatt li hija totalment miżmuma minn Bank Melli Iran, il-Qorti Ġenerali qieset li kien meħtieġ li tipproċedi bi stħarriġ addizzjonali.

79

Billi aġixxiet hekk, hija ma applikatx korrettament id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, meta entità hija 100 % miżmuma minn entità meqjusa bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari, il-kundizzjoni li entità tkun miżmuma minn entità oħra msemmija fl-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 hija sodisfatta.

80

Madnakollu, dan l-iżball ta’ liġi ma jwassalx għall-annullament tas-sentenza appellata, għaliex, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv tal-appellanti.

81

Kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-miżura adottata fir-rigward tagħha, bħala riżultat tal-fatt li hija totalment miżmuma minn Bank Melli Iran, ma tistax tippreġudika l-preżunzjoni ta’ innoċenza. Fil-fatt, l-adozzjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, ta’ miżuri ta’ ffriżar tal-fondi ma tirrigwardax preċiżament aġir awtonomu tal-entità bħalma hija l-appellanti u għalhekk ma timponix, fil-konfront tagħha, aġir li jmur kontra dak stabbilit fl-imsemmi regolament.

82

Għaldaqstant, it-tielet aggravju ma huwiex fondat.

Fuq ir-raba ' aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta ' motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

83

L-appellanti tikkontesta r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali u żviluppat fil-punti 143 sa 151 tas-sentenza appellata. Hija tfakkar li l-motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju għandha tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess ħin ta’ dan l-att u tirrileva li, f’din il-kawża, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda “raġuni individwali u speċifika”, kif mitlub mill-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007. Fir-replika tagħha hija tindika li hija kellha tiġi nnotifikata bl-imsemmija deċiżjoni.

84

L-ewwel nett, skont l-appellanti, ma huwiex biżżejjed li l-Kunsill isemmi, fid-deċiżjoni kkontestata, li din ittieħdet skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, għaliex din id-dispoizzjoni tinkludi diversi eżempji li abbażi tagħhom il-Kunsill seta’ jipproċedi bl-iskrizzjoni tagħha fuq il-lista inkwistjoni.

85

It-tieni nett, ma ngħatat l-ebda raġuni fir-rigward tal-motiv għalfejn il-Kunsill kien qies li kienet teżisti probabbiltà mhux żgħira li l-appellanti tista’ tasal biex tevita l-effetti tal-iskrizzjoni tal-entità parent tagħha fuq din il-lista.

86

It-tielet nett, l-appellanti tqis li d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi li l-Kunsill kien impliċitament qies li l-appellanti kienet ta’ proprjetà tal-entità parent tagħha, fis-sens tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, u li hija għalhekk kienet ġiet inkluża fuq l-imsemmija lista fuq din il-bażi, tikkostitwixxi konklużjoni mgħaġġla li bl-ebda mod ma tirriżulta minn kliem id-deċiżjoni kkontestata.

87

Ir-raba’ nett, l-appellanti ssostni li l-possibbiltà ta’ preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata ma jipprekludix il-fatt li l-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

88

Il-ħames nett, l-appellanti tirrimarka li hija bdiet skambju ta’ ittri mal-Kunsill sabiex tipprova tistabbilixxi r-raġunijiet tal-iskrizzjoni tagħha fil-lista inkwistjoni u tal-iffrizar tal-fondi tagħha iżda l-Kunsill irrifjuta li jikkomunikalha l-fajl tagħha.

89

Il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-aggravju bbażat fuq in-nuqqas ta’ notifika tad-deċiżjoni kkontestata.

90

Il-Kummissjoni tirrileva li l-appellanti ma tikkontestax il-prinċipju stabbilit mill-Qorti Ġenerali fil-punt 146 tas-sentenza appellata, li jipprovdi li minbarra l-indikazzjoni tal-bażi legali, l-obbligu ta’ motivazzjoni li kellu josserva l-Kunsill kien jirrigwarda l-fatt li l-entità kkonċernata kienet miżmuma jew ikkontrollata minn entità rrikonoxxuta bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari fis-sens tal-Artikolu 7(2)(a) jew (b) tar-Regolament Nru 423/2007.

91

F’dan ir-rigward, il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jqisu li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx, fil-punti 147 et seq., żball ta’ liġi meta qieset li d-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjentement motivata. B’mod partikolari, il-fatt li jissemma Melli Bank fil-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tar-Regolament Nru 423/2007 kien jippermetti lill-appellanti biex tkun taf li l-iffriżar tal-fondi seħħ minħabba n-natura tagħha bħala sussidjarja ta’ Bank Melli Iran.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

92

L-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu mill-ewwel jiġi miċħud. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-aggravju ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati tal-ewwel istanza (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-544/09 P, punt 63).

93

Fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, l-appellanti ma tikkontestax il-prinċipju li jipprovdi li dan l-obbligu għandu jiġi evalwat skont il-fatti tal-kawża, kif imfakkar mill-Qorti Ġenerali fil-punti 143 sa 145 tas-sentenza appellata. Madankollu, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjenti u tissodisfa l-obbligu msemmi fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 li jipprovdi li għal din id-deċiżjoni għandhom jingħataw raġunijiet individwali u speċifiċi.

94

Fil-punt 147 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kunsill kien indika, kemm fit-titolu tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fil-premessa 2 tagħha, il-bażi legali li fuqha din id-deċiżjoni kienet ġiet adottata, jiġifieri l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 u, fil-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tal-imsemmija deċiżjoni, il-fatt li Bank Melli Iran kien involut fil-proliferazzjoni nukleari u l-fatt li l-appellanti kienet fost il-fergħat u s-sussidjarji ta’ din il-kumpannija.

95

Kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma vvizzjatx is-sentenza tagħha bi żball ta’ liġi meta ddeċidiet li ma kienx hemm bżonn li jiġi ppreċiżat li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn kien jikkonċernaha, kienet ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 7(2)(d) tal-imsemmi regolament, peress li kienet semmiet il-fergħat u s-sussidjarji ta’ Bank Melli Iran.

96

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 148 tas-sentenza appellata, li r-riferiment tal-appellanti bħala sussidjarja ta’ Bank Melli Iran, fatt neċessarjament magħruf mill-appellanti u li qatt ma ġie kkontestat, kien biżżejjed fid-dawl tal-ġurisprudenza fil-qasam tal-obbligu ta’ motivazzjoni li hija kienet fakkret.

97

Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors, l-argument tal-appellanti jipproċedi minn qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 151 ta’ din is-sentenza, mhux biss indikat li l-appellanti setgħet tippreżenta rikors iżda pprovdiet dettallji dwar il-kontenut tar-rikors ippreżentat fil-Kawża T-246/08 sabiex tissostanzja l-konklużjoni tagħha dwar in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni, peress li f’dan ir-rigward hija qieset li fil-mument tat-tfassil tar-rikors tagħha l-appellanti kienet taf bir-rabta li teżisti bejn l-iffriżar tal-fondi tagħha u l-involviment fil-proliferazzjoni nukleari li hija akkużata bih Bank Melli Iran, l-entità parent tagħha.

98

L-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-fajl tal-Kunsill ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-aggravju bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li l-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni kienet biżżejjed fid-dawl tal-ġurisprudenza f’dan il-qasam.

99

Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

100

Peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

101

Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 118 tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilef, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill, mir-Repubblika Franċiża, mir-Renju Unit u mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Melli Bank plc hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.