Kawża C-379/09

Maurits Casteels

vs

British Airways plc

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeidshof te Brussel)

“Moviment liberu tal-ħaddiema — Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Protezzjoni tad-drittijiet għal pensjoni addizzjonali — Nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kunsill — Ħaddiem impjegat suċċessivament mill-istess persuna li timpjega f’diversi Stati Membri”

Sommarju tas-sentenza

1.        Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Artikolu 48 TFUE — Effett dirett — Assenza

(Artikolu 48 TFUE)

2.        Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Trattament ugwali — Pensjoni addizzjonali — Kundizzjonijiet għall-akkwist irregolati minn ftehim kollettiv

(Artikolu 45 TFUE)

1.        L-Artikolu 48 TFUE ma għandux effett dirett li jista’ jiġi invokat minn individwu kontra persuna li timpjegah fis-settur privat fil-kuntest ta’ kawża li tittressaq quddiem il-qrati nazzjonali.

(ara l-punt 16, dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 45 TFUE jipprekludi, fil-kuntest ta’ applikazzjoni mandatorja ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol:

- li, għad-determinazzjoni tal-perijodu tal-kisba tad-drittijiet definittivi għall-benefiċċji ta’ pensjoni addizzjonali fi Stat Membru, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni s-snin ta’ servizz imwettqa minn ħaddiem għall-istess persuna li timpjegah fi stabbilimenti tagħha li jkunu jinsabu fi Stati Membri differenti u bis-saħħa tal-istess kuntratt ta’ xogħol ġenerali, u

- li, ħaddiem li jkun ġie ttrasferit minn stabbiliment tal-persuna li timpjegah li jinsab fi Stat Membru għal stabbiliment ieħor tal-istess persuna li timpjegah li jkun jinsab fi Stat Membru ieħor, jitqies li jkun telaq lil tali persuna li timpjegah fuq inizjattiva tiegħu stess.

(ara l-punt 36, dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Marzu 2011 (*)

“Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Protezzjoni tad-drittijiet għal pensjoni addizzjonali – Nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kunsill – Ħaddiem impjegat suċċessivament mill-istess persuna li timpjega f’diversi Stati Membri”

Fil-Kawża C‑379/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Arbeidshof te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Settembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Settembru 2009, fil-proċedura

Maurits Casteels

vs

British Airways plc,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, E. Juhász, G. Arestis (Relatur), J. Malenovský u T. Von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Ottubru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Casteels, minn M. Van Asch, avukat,

–        għal British Airways plc, minn C. Willems, S. Fiorelli u M. Caproni, avukati,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għar-Repubblika Ellenika, minn E.‑M. Mamouna u M. Michelogiannaki, kif ukoll minn S. Spyropoulos, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Novembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Casteels, ċittadin Belġjan, u l-fergħa tal-British Airways plc (iktar ’il quddiem “BA”), kumpannija rregolata mid-dritt Brittaniku, li hija stabbilita fi Brussell (il-Belġju), dwar id-drittijiet ta’ M. Casteels għall-benefiċċji ta’ pensjoni addizzjonali.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-ewwel sentenza tal-Artikolu 1 tal-Liġi intiża għat-titjib tal-iskema addizzjonali tal-pensjoni (Gesetz zur Verbesserung des betrieblichen Altersversorgung), tad-19 ta’ Diċembru 1974 (BGBl. I, 1974, p. 3610, iktar ’il quddiem il-“BetrAVG”), tipprovdi:

“Ħaddiem li ngħata assigurazzjoni tal-għoti ta’ pensjoni ta’ rtirar, ta’ invalidità jew tas-superstiti abbażi tar-relazzjoni tax-xogħol (skema ta’ rtirar ta’ impriża), jibqa’ jkollu dritt għall-pensjoni fil-każ fejn ir-relazzjoni tax-xogħol tiegħu tintemm qabel ma jkun hemm lok għad-dritt tiegħu jekk, sa dak iż-żmien, il-ħaddiem ikun laħaq l-età ta’ 35 sena u li

–        jew l-assigurazzjoni tal-għoti tal-benefiċċji tkun eżistiet fir-rigward tiegħu minn tal-inqas għal 10 snin,

–        jew il-bidu tal-impjieg tiegħu mal-impriża jmur lura għal minn tal-inqas 12‑il sena u l-assigurazzjoni tal-għoti tal-benefiċċji tkun eżistiet minn tal-inqas għal tliet snin.”

4        L-Artikolu 17(3) tal-BetrAVG jipprovdi kif ġej:

“Il-ftehim kollettivi jistgħu jidderogaw mill-Artikoli 2 sa 5, 16, 27 u 28. Id-dispożizzjonijiet derogatorji għandhom japplikaw bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiema li ma humiex marbuta bi ftehim kollettiv, fil-każ fejn dawn jaqblu li fir-rigward tagħhom għandhom japplikaw id-dispozizzjonijiet rilevanti tal-ftehim. Fir-rigward tal-kumplament, ma għandu jkun hemm ebda deroga oħra mid-dispożizzjonijiet tal-liġi preżenti għad-detriment tal-ħaddiem.”

5        L-Artikolu 7 tal-ftehim kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet (Versorgungs‑Tarifvertrag Nru 3, iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv”), fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988 u konkluż bejn l-istabbiliment ta’ BA f’Düsseldorf (il-Ġermanja) u l-Gewerkschaft Öffentliche Dienste, Transport und Verkehr (sindikat tas-servizzi tat-trasport pubbliku) jipprovdi:

“1.       Ħaddiema li bdew jaħdmu mal-[BA] wara l-31 ta’ Diċembru 1977, għandhom jibqgħu intitolati għar-rimbors tal-kontribuzzjonijiet tagħhom stess, mingħajr interessi, jekk jieqfu jaħdmu mal-impriża qabel ma jkunu twettqu l-perijodi ta’ kwalifikazzjoni obbligatorji.

2.       Il-ħaddiema li bdew jaħdmu mal-[BA] qabel l-1 ta’ Jannar 1978 huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

a)      Il-ħaddiema li jkunu kisbu drittijiet b’mod definittiv jistgħu, f’każ li jirtiraw mill-impriża qabel jilħqu l-età tal-pensjoni, jeżiġu r-rimbors tal-valur tal-benefiċċji tal-pensjoni li huma intitolati għalih abbażi tal-kontribuzzjonijiet tagħhom.

b)      Il-ħaddiema li jieqfu jaħdmu minn jeddhom stess qabel l-iskadenza ta’ ħames snin servizz mal-[BA], għandhom biss dritt għall-benefiċċji li jkunu ggarantiti mill-kontribuzzjonijiet imħallsa minnhom stess.

Il-ħaddiema li minn jeddhom jew għal kwalunkwe raġuni oħra jtemmu r-relazzjoni tax-xogħol tagħhom mal-[BA] wara l-iskadenza ta’ ħames snin servizz iżda qabel ma jkunu twettqu l-perijodi ta’ kwalifikazzjoni obbligatorji, għandhom ukoll dritt għall-benefiċċji ta’ pensjoni li jkunu ggarantati sa dik id-data abbażi tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-BA […]

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        M. Casteels ilu jaħdem kontinwament mal-BA mill-1 ta’ Lulju 1974. Matul il-karriera tiegħu, huwa ġie impjegat minn din il-kumpannija fit-territorju ta’ Stati Membri differenti, jiġifieri fir-Renju tal-Belġju, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u fir-Repubblika Franċiża. Huwa baqa’ kontinwament marbut mal-BA permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol ġenerali li ġie emendat diversi drabi skont l-istabbiliment fejn kien impjegat.

7        Fil-fatt, M. Casteels ħadem fil-Belġju sal-14 ta’ Novembru 1988 u wara, mill-15 ta’ Novembru 1988 sal-1 ta’ Ottubru 1991, fl-istabbiliment tal-BA li jinsab f’Düsseldorf. Mill-1 ta’ Ottubru 1991 sal-1 ta’ April 1996, kien impjegat mal-BA fi Franza, u sussegwentment, eżerċita l-funzjonijiet tiegħu fil-Belġju.

8        Il-kuntratt ta’ xogħol ta’ M. Casteels, tal-10 ta’ Marzu 1988, kien jipprovdi li dan tal-aħħar ikun affiljat mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tal-BA li tkun fis-seħħ fil-post fejn ikun impjegat.

9        Meta M. Casteels ġie ttrasferit mill-Belġju għal Düsseldorf, ġie miftiehem bejn il-partijiet ikkonċernati li l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-persuna kkonċernata kellhom ikunu dawk applikabbli għall-persunal Ġermaniż li beda jaħdem mal-BA fl-1 ta’ Lulju 1974. Madankollu, ġiet prevista eċċezzjoni waħda fir-rigward tal-affiljazzjoni ta’ M. Casteels mal-iskema ta’ pensjoni tal-BA fil-Ġermanja, liema affiljazzjoni kienet sottoskritta mal-fond ta’ assigurazzjoni tal-grupp Victoria Lebensversicherungen AG. Din l-affiljazzjoni seta’ biss ikollha effett mid-dħul fis-servizz ta’ M. Casteels fl-istabbiliment tal-BA li jinsab f’Düsseldorf.

10      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, BA tikkontesta d-dritt ta’ M. Casteels għall-benefiċċji tal-pensjoni addizzjonali għall-perijodu ta’ attività mwettaq fil-Ġermanja, peress li M. Casteels telaq minn dan l-istabbiliment ta’ Düsseldorf volontarjament fl-1991 mingħajr ma kien wettaq il-perijodu minimu ta’ servizz li, skont l-Artikolu 7 tal-ftehim kollettiv, huwa neċessarju għall-kisba tad-drittijiet definittivi għall-pensjoni addizzjonali abbażi tal-iskema fis-seħħ fl-imsemmi stabbiliment.

11      Skont l-Arbeidshof te Brussel, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża fis-seħħ matul il-perijodu kkonċernat, M. Casteels kien biss intitolat għal dritt għal rimbors tal-kontribuzzjonijiet tiegħu stess, bl-esklużjoni tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuna li timpjegah. Għalhekk, fir-rigward tad-drittijiet għall-benefiċċji ta’ pensjoni addizzjonali, minħabba l-fatt li ġie impjegat f’diversi Stati Membri mill-istess persuna, M. Casteels jinsab f’pożizzjoni inqas favorevoli milli kieku kien baqa’ dejjem jaħdem fil-Belġju għal din tal-aħħar.

12      Il-qorti tar-rinviju, qabel ma tat deċiżjoni fuq it-talba ta’ M. Casteels, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fin-nuqqas ta’ azzjoni mill-Kunsill, l-Artikolu 42 KE jista’ jiġi invokat minn individwu kontra l-persuna li tħaddmu fis-settur privat fil-kuntest ta’ kawża quddiem il-qrati nazzjonali?

2)      L-Artikolu 39 KE, qabel l-adozzjoni tad-Direttiva [tal-Kunsill] 98/49/KE, [tad-29 ta’ Ġunju 1998, dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni komplimentari ta’ persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol 3, p. 323)], u l-Artikolu 42, meħudin individwalment jew flimkien, jipprekludu dan li ġej:

fil-każ ta’ ħaddiem li, minbarra fil-każ ta’ kollokament, ikun impjegat suċċessivament mill-istess persuna ġuridika/fiżika f’postijiet tan-negozju differenti li l-imsemmija persuna li tħaddem għandha fi Stati Membri differenti u jkun suġġett, kull darba, għal skemi ta’ pensjoni addizzjonali li jkunu fis-seħħ fl-imsemmija postijiet ta’ negozju, u

–        sabiex jiġi stabbilit il-perijodu li, malli jiġi komplut, jagħti lok għal kisba ta’ drittijiet definittivi għal benefiċċji ta’ pensjoni addizzjonali (ibbażati fuq il-kontribuzzjonijiet minn dak li jħaddem u mill-ħaddiem) fi Stat Membru partikolari, la jittieħdu inkunsiderazzjoni s-snin ta’ servizz li l-ħaddiem diġà wettaq mal-istess persuna li tħaddmu fi Stat Membru ieħor, u lanqas l-affiljazzjoni tal-ħaddiem ma’ skema ta’ pensjoni addizzjonali f’dan l-Istat Membru,

–        it-trasferiment ta’ ħaddiem, bil-kunsens tiegħu, għal post ta’ negozju tal-istess persuna li tħaddmu fi Stat Membru ieħor jitqies l-istess bħall-każ, previst mid-dispożizzjonijiet tal-iskema ta’ pensjoni, tal-irtirar volontarju tal-ħaddiem mill-post ta’ negozju, u li f’tali każ id-drittijiet għal pensjoni addizzjonali jkunu limitati għall-kontribuzzjonijiet tal-ħaddiem stess,

u li din is-sitwazzjoni jkollha bħala konsegwenza sfavorevoli li l-ħaddiem jitlef id-drittijiet għall-benefiċċji ta’ pensjoni addizzjonali li huwa kien kiseb fir-rigward tal-impjieg tiegħu f’dan l-Istat Membru, u li dan ma kienx ikun il-każ kieku kien ħadem mal-persuna li tħaddmu fi Stat Membru wieħed u kien baqa’ affiljat mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali ta’ dak l-Istat Membru?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

13      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 48 KE għandux effett dirett, fis-sens li, individwu jista’ jinvoka dan l-artikolu kontra persuna li timpjegah fis-settur privat fil-kuntest ta’ kawża li tittressaq quddiem il-qrati nazzjonali.

14      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 48 TFUE ma għandux bħala għan li jistabbilixxi regola ġuridika li hija direttament applikabbli bħala tali. Dan l-artikolu jikkostitwixxi bażi legali li tippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, meta jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jadottaw fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-miżuri neċessarji għall-istabbiliment tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

15      Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni teżiġi azzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni u għalhekk l-effetti tagħha huma suġġetti għall-adozzjoni ta’ att mill-imsemmija istituzzjonijiet tal-Unjoni. Tali dispożizzjoni ma tistax għalhekk, fiha nfisha, tikkonferixxi lill-individwi drittijiet li huma jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali.

16      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 48 TFUE ma għandux effett dirett li jista’ jiġi invokat minn individwu kontra persuna li timpjegah fis-settur privat fil-kuntest ta’ kawża li tittressaq quddiem il-qrati nazzjonali.

 Fuq it-tieni domanda

17      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 45 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, għad-determinazzjoni tal-perijodu għall-kisba ta’ drittijiet definittivi għall-benefiċċji ta’ pensjoni addizzjonali fi Stat Membru, li ma jittieħdux inkunsiderazzjoni s-snin fis-servizz ta’ ħaddiem impjegat mill-istess persuna fi stabbilimenti ta’ din tal-aħħar li jinsabu fi Stati Membri differenti u bis-saħħa tal-istess kuntratt ta’ xogħol ġenerali.

18      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar jekk it-trasferiment ta’ ħaddiem, bil-kunsens tiegħu, għal stabbiliment ieħor tal-istess persuna li timpjegah, li jinsab fi Stat Membru ieħor, għandux jiġi kkunsidrat bħala tluq volontarju ta’ dan il-ħaddiem, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-iskema tal-pensjoni addizzjonali inkwistjoni.

19      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat, li l-Artikolu 45 TFUE ma japplikax biss għall-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi iżda jestendi wkoll għal dispożizzjonijiet ta’ natura oħra intiżi li jirregolaw, b’mod kollettiv, l-impjieg remunerat (ara s-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, Ġabra p. I‑2177, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Minn dan isegwi li l-Artikolu 45 TFUE japplika għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li hija kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol li jirregola d-drittijiet għal pensjoni addizzjonali ta’ M. Casteels fir-rigward ta’ BA.

21      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali ta’ kull tip tagħhom fit-territorju tal-Unjoni u li jipprekludu miżuri li jistgħu jqegħduhom fi żvantaġġ fil-każ li dawn ikollhom ix-xewqa li jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara s-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon, C‑212/06, Ġabra. p. I‑1683, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Olympique Lyonnais, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

22      Konsegwentement, l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kull miżura li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, tista’ tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara s-sentenza Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Fil-kawża prinċipali, anki jekk huwa minnu li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv, b’mod partikolari l-Artikolu 7, japplikaw mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema kollha li jaħdmu fl-istabbilimenti tal-BA li jinsabu fil-Ġermanja u ma jagħmlux differenza abbażi taċ-ċittadinanza tal-ħaddiema kkonċernati, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmi ftehim kollettiv għandu l-effett li, minħabba li eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu fl-Unjoni, ħaddiema li jinsabu fl-istess sitwazzjoni ta’ M. Casteels huma żvantaġġjati meta mqabbla ma’ ħaddiema tal-BA li ma eżerċitawx tali dritt.

24      Fil-fatt, kif ġie rrilevat ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, il-ftehim kollettiv huwa limitat għat-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

25      Minn dan jirriżulta, l-ewwel nett, li minn naħa, fir-rigward tal-ħaddiema impjegati mill-BA li, bħal M. Casteels, ġew ittrasferiti minn stabbiliment tal-BA li jinsab fi Stat Membru ieħor għal stabbiliment tal-istess BA li jinsab f’Düsseldorf, il-perijodu ta’ servizz li twettaq fl-ewwel wieħed minn dawn l-istabbilimenti ma jitqiesx bħala perijodu ta’ servizz rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tat-twettiq tal-persuna kkonċernata tal-perijodu minimu meħtieġ għall-kisba tad-drittijiet definittivi għal pensjoni addizzjonali skont l-iskema fis-seħħ fil-Ġermanja.

26      Min-naħa l-oħra, il-ħaddiema impjegati fl-istabbiliment ta’ Düsseldorf li għandhom tul fis-servizz mal-BA ekwiparabbli għal dak ta’ M. Casteels iżda li ma eżerċitawx id-dritt tagħhom għal-libertà ta’ moviment jistgħu jinvokaw perijodu ta’ servizz kontinwu għall-finijiet tal-evalwazzjoni tat-twettiq tal-perijodu neċessarju, skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv, għall-kisba ta’ drittijiet definittivi għall-benefiċċji ta’ pensjoni addizzjonali skont l-iskema fis-seħħ fl-imsemmi stabbiliment. Dawn il-ħaddiema jibbenefikaw minn kontinwità fir-rigward tal-kisba tad-drittijiet tagħhom għal pensjoni addizzjonali filwaqt li l-perijodu li matul tiegħu M. Casteels kiseb drittijiet skont l-iskema fis-seħħ fit-tali stabbiliment ma ssodisfax il-livell meħtieġ mill-Artikolu 7 tal-ftehim kollettiv peress li fir-rigward tal-persuna kkonċernata, il-kisba tat-tul fis-servizz mal-BA kienet interrotta inkwantu tirriżulta minn perijodi ta’ servizz imwettqa fi stabbilimenti tal-istess persuna li timpjega li jinsabu fi Stati Membri differenti.

27      It-tieni nett, il-ħaddiema tal-BA li jiġu ttrasferiti, bil-kunsens tagħhom, mill-istabbiliment tal-BA li jinsab f’Düsseldorf għal stabbiliment ta’ din l-istess kumpannija li timpjega li jinsab fi Stat Membru ieħor jitqiesu li telqu mill-BA, fis-sens tal-ftehim kollettiv, b’mod li, abbażi tal-Artikolu 7(2)(b) tal-imsemmi ftehim kollettiv, għandhom sempliċement id-dritt għall-benefiċċji li jiggarantixxu l-kontribuzzjonijiet li tħallsu minnhom stess, peress li ġew ittrasferiti qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ servizz ta’ ħames snin.

28      Min-naħa l-oħra, kif issostni l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tagħha, il-ħaddiem impjegat mill-BA li jaċċetta li jiġi ttrasferit mill-istabbiliment ta’ Düsseldorf għal stabbiliment ieħor tal-BA li jinsab fil-Ġermanja ma jitqiesx li telaq mill-BA, fis-sens tal-ftehim kollettiv, u għalhekk ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni tat-tali ftehim kollettiv, li ssemmiet fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti.

29      Billi ma jipprovdix it-teħid inkunsiderazzjoni tas-snin fis-servizz imwettqa minn ħaddiem tal-BA fi stabbiliment ta’ din l-istess kumpannija li timpjega li jinsab fi Stat Membru ieħor, u billi jqis bħala tluq volontarju mill-BA, it-trasferiment ta’ ħaddiem tal-BA bil-kunsens tiegħu għal stabbiliment tal-BA fi Stat Membru ieħor, il-ftehim kollettiv jisfavorixxi għalhekk il-ħaddiema li jużaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu peress li dawn tal-aħħar isostnu telf finanzjarju kif ukoll limitazzjoni tad-drittijiet tagħhom għal pensjoni addizzjonali. Il-perspettiva ta’ tali żvantaġġ tista’ tiskoraġġixxi ħaddiema, bħal M. Casteels, milli jitilqu mill-istabbiliment tal-persuna li timpjegahom li jinsab fi Stat Membru sabiex jintegraw ruħhom fi stabbiliment ieħor tal-istess persuna li timpjegahom li jinsab fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

30      Peress li l-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, li bħala prinċipju huwa prekluż mill-Artikolu 45 TFUE, din tista’ biss tiġi aċċettata bil-kundizzjoni li ssegwi għan ta’ interess pubbliku, li tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ tali għan, u li ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon, iċċitata iktar ’il fuq punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan ir-rigward, BA tirrileva li din l-iskema tevita li ħaddiem ikun simultanjament affiljat ma’ diversi skemi ta’ pensjoni fi Stati Membri differenti. Madankollu, kif indikat l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tagħha, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ M. Casteels, ma hemmx biża’ ta’ arrikkiment indebitu tal-ħaddiem migrant iżda, kuntrarjament, ta’ żvantaġġ indebitu li jirriżulta mit-telf tad-drittijiet għal pensjoni addizzjonali għall-perijodu li matulu l-persuna kkonċernata kienet affiljata mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali Ġermaniża.

32      Fir-rigward tal-għan taż-żamma tal-persunal invokat mill-BA, dan ma jistax jiġi raġonevolment invokat sabiex jiġġustifika t-trattament sfavorevoli subit mill-ħaddiema li, meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu fl-Unjoni, jibqgħu fis-servizz tal-istess persuna li timpjegahom.

33      Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta u tapplika dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkonformità mad-dritt tal-Unjoni, fid-diskrezzjoni li hija tgawdi taħt id-dritt nazzjonali (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Frar 1988, Murphy et, 157/86, Ġabra p. 673, punt 11; tas-26 ta’ Settembru 2000, Engelbrecht, C‑262/97, Ġabra p. I‑7321, punt 39, u tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC, C‑208/05, Ġabra p. I‑181, punt 68).

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li M. Casteels, li kien impjegat kontinwament mal-BA mill-1 ta’ Lulju 1974, għandu, fl-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2)(b) tal-ftehim kollettiv, jitqies li ilu jaħdem mal-BA sa minn din id-data u mhux li telaq mill-BA meta ġie ttrasferit għall-istabbiliment li jinsab fi Franza, għall-finijiet tal-benefiċċji abbażi tal-kontribuzzjonijiet tiegħu stess kif ukoll dawk tal-BA għall-perijodu ta’ affiljazzjoni tiegħu mal-iskema fis-seħħ fl-istabbiliment tal-BA li jinsab f’Düsseldorf.

35      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-ftehim kollettiv tipprovdi li, impjegati li bdew jaħdmu mal-BA qabel l-1 ta’ Jannar 1978 li, fuq inizjattiva tagħhom stess jew għal kwalunkwe raġuni oħra, jitilqu mill-BA wara ħames snin ta’ servizz iżda qabel ma jkunu wettqu l-perijodi ta’ kwalifikazzjoni obbligatorji għall-kisba ta’ drittijiet, ukoll għandhom id-dritt għall-benefiċċji tal-pensjoni li huma ggarantiti sa din id-data mill-kontribuzzjonijiet magħmula mill-BA. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, BA ammettiet li l-Artikolu 7(2) tal-ftehim kollettiv seta’ japplika għal M. Casteels.

36      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, fil-kuntest ta’ applikazzjoni mandatorja ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol:

–        li, għad-determinazzjoni tal-perijodu tal-kisba tad-drittijiet definittivi għall-benefiċċji ta’ pensjoni addizzjonali fi Stat Membru, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni s-snin ta’ servizz imwettqa minn ħaddiem għall-istess persuna li timpjegah fi stabbilimenti tagħha li jkunu jinsabu fi Stati Membri differenti u bis-saħħa tal-istess kuntratt ta’ xogħol ġenerali, u

–        li, ħaddiem li jkun ġie ttrasferit minn stabbiliment tal-persuna li timpjegah li jinsab fi Stat Membru għal stabbiliment ieħor tal-istess persuna li timpjegah li jkun jinsab fi Stat Membru ieħor, jitqies li jkun telaq lil tali persuna li timpjegah fuq inizjattiva tiegħu stess.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 48 TFUE ma għandux effett dirett li jista’ jiġi invokat minn individwu kontra persuna li timpjegah fis-settur privat fil-kuntest ta’ kawża li tittressaq quddiem il-qrati nazzjonali.

2)      L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, fil-kuntest tal-applikazzjoni mandatorja ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol:

–        li, għad-determinazzjoni tal-perijodu tal-kisba tad-drittijiet definittivi għall-benefiċċji ta’ pensjoni addizzjonali fi Stat Membru, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni s-snin ta’ servizz imwettqa minn ħaddiem għall-istess persuna li timpjegah fi stabbilimenti tagħha li jkunu jinsabu fi Stati Membri differenti u bis-saħħa tal-istess kuntratt ta’ xogħol ġenerali, u

–        li, ħaddiem li jkun ġie ttrasferit minn stabbiliment tal-persuna li timpjegah li jinsab fi Stat Membru għal stabbiliment ieħor tal-istess persuna li timpjegah li jkun jinsab fi Stat Membru ieħor, jitqies li jkun telaq lil tali persuna li timpjegah fuq inizjattiva tiegħu stess.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.