Kawżi magħquda C-372/09 u C-373/09

Josep Peñarroja Fa

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza))

“Artikolu 43 KE — Libertà ta’ stabbiliment — Artikolu 49 KE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Periti ġudizzjarji li għandhom il-kwalità ta’ traduttur — Eżerċizzju tal-awtorità pubblika — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva t-titolu ta’ perit ġudizzjarju għall-persuni inklużi fil-listi stabbiliti mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali — Ġustifikazzjoni — Proporzjonalità — Direttiva 2005/36/KE — Kunċett ta’ ‘professjoni rregolata’”

Sommarju tas-sentenza

1.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Servizzi — Kunċett

(Artikolu 50 KE; Artikolu 57 TFUE)

2.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Derogi — Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE; l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE)

3.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Attivitajiet tal-periti ġudizzjarji fil-qasam tat-traduzzjoni

(Artikolu 49 KE; Artikolu 56 TFUE)

4.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Attivitajiet tal-periti ġudizzjarji fil-qasam tat-traduzzjoni

(Artikolu 49 KE; Artikolu 56 TFUE)

5.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Ħaddiema — Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali — Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36 — Kunċett ta’ “professjoni rregolata”

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/36, Artikolu 3(1)(a))

1.        Funzjoni fdata minn qorti, fil-kuntest ta’ kawża ppreżentata quddiemha, lil professjonist fil-kwalità ta’ perit ġudizzjarju traduttur, tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 50 KE (li sar l-Artikolu 57 TFUE). Il-fatt biss li r-renumerazzjoni għall-periti ġudizzjarji hija ffissata skont tariffa deċiża mill-awtorità pubblika ma għandux impatt fuq il-klassifikazzjoni ta’ provvista ta’ servizzi ta’ xogħol li huma jintalbu jipprovdu.

(ara l-punti 38, 40 u d-dispożittiv 1)

2.        L-attivitajiet tal-periti ġudizzjarji fil-qasam tat-traduzzjoni ma jikkostitwixxux attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE (li sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE), peress li t-traduzzjonijiet imwettqa minn tali perit għandhom biss natura awżiljarja u ma jolqtux l-evalwazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja u l-eżerċizzju liberu tas-setgħa ġudizzjarja.

(ara l-punti 44, 45 u d-dispożittiv 2)

3.        L-Artikolu 49 KE (li sar l-Artikolu 56 TFUE) jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-inklużjoni f’lista ta’ periti ġudizzjarji tradutturi tkun suġġetta għal kundizzjonijiet ta’ kwalifiki mingħajr ma l-applikanti jkunu jistgħu jieħdu konoxxenza tal-motivi tad-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħhom u mingħajr ma dawn ikunu jistgħu jressqu azzjoni ta’ natura ġudizzjarja effettiva li tippermetti li tiġi vverifikata l-legalità tagħha, b’mod partikolari, fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżit, li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, li l-kwalifiki tagħhom miksuba u rrikonoxxuti fi Stati Membri oħra jkunu ttieħdu debitament inkunsiderazzjoni.

(ara l-punt 65 u d-dispożittiv 3)

4.        L-Artikolu 49 KE (li sar l-Artikolu 56 TFUE) jipprekludi rekwiżit previst minn liġi nazzjonali li minnu jirriżulta li ħadd ma jista’ jidher fil-lista nazzjonali ta’ periti ġudizzjarji fil-kwalità ta’ traduttur jekk ma kienx imniżżel f’lista ta’ periti ġudizzjarji sottomessa minn qorti tal-appell għal perijodu ta’ tliet snin konsekuttivi, peress li tali rekwiżit jostakola, fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni ta’ persuna stabbilita fi Stat Membru ieħor, li ma tissodisfax tali rekwiżit, li l-kwalifiki miksuba minn din il-persuna u rrikonoxxuti fi Stat Membru ieħor ikunu ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk jistgħux jew sa fejn dawn jistgħu jkunu ekwivalenti għall-kompetenzi normalment mistennija minn persuna li ilha inkluża għal tliet snin konsekuttivi f’lista ta’ periti ġudizzjarji sottomessa minn qorti tal-appell.

Ċertament, fid-dawl tan-natura speċifika tal-funzjonijiet tal-periti ġudizzjarji tradutturi mniżżla f’lista sottomessa minn qorti tal-Appell kif ukoll tal-fatt li jistgħu jgħaddu diversi xhur jew anki snin bejn funzjonijiet suċċessivi, għandha tiġi rrikonoxxuta, għall-Istat Membru kkonċernat, ċerta marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-dewmien li huwa meqjus neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-individwi u ta’ amministrazzjoni tajba. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit li l-applikant għandu jitniżżel f’lista ta’ periti ġudizzjarji għal tliet snin konsekuttivi, bħala prinċipju ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat li dawn l-għanijiet jintlaħqu. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ tali regola fuq perit ġudizzjarju traduttur ta’ Stat Membru li diġà wettaq funzjonijiet quddiem il-qrati ta’ dan tal-aħħar jew dawk ta’ Stati Membri oħra, b’mod partikolari quddiem il-qrati superjuri tagħhom, tkun sproporzjonata fid-dawl tal-prinċipju li jirriżulta li huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jiżguraw b’mod partikolari li l-kwalifiki miksuba fi Stati Membri oħra jiġu rrikonoxxuti bil-valur ġust tagħhom u li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali proċedura.

(ara l-punti 74, 75, 78 u d-dispożittiv 4)

5.        Il-funzjonijiet tal-periti ġudizzjarji tradutturi pprovduti minn periti inklużi f’lista bħal ma hija l-lista ta’ periti ġudizzjarji sottomessa mill-Cour de cassation ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “professjoni rregolata” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, peress li d-dispożizzjonijiet għandhom bħala għan uniku li jiffaċilitaw l-aċċess għal professjonisti, membri jew le ta’ professjoni rregolata, u mhux li jorganizzaw ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki speċifiċi, li hija kompetenza li la l-qrati tal-Appell u lanqas l-uffiċċju tal-Cour de cassation ma għandhom, u li, barra minn hekk, dawn il-qrati jistgħu wkoll jirrikorru legalment għal periti li ma humiex inklużi fl-imsemmija listi.

(ara l-punti 30, 32 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Marzu 2011 (*)

“Artikolu 43 KE – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 49 KE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Periti ġudizzjarji li għandhom il-kwalità ta’ tradutturi – Eżerċizzju tal-awtorità pubblika – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva t-titolu ta’ perit ġudizzjarju għall-persuni inklużi fil-listi stabbiliti mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali – Ġustifikazzjoni – Proporzjonalità – Direttiva 2005/36/KE – Kunċett ta’ ‘professjoni rregolata’”

Fil-Kawżi magħquda C‑372/09 u C‑373/09,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz tad-deċiżjonijiet tal-10 ta’ Settembru 2009, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Settembru 2009, fil-proċeduri mibdija minn:

Josep Peñarroja Fa,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Settembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal J. Peñarroja Fa, minnu nnifsu,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, B. Messmer u A. Czubinski, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Støvlbæk, I. Rogalski u C. Vrignon, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, minn X. Lewis, F. Simonetti u I. Hauger, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal domanda preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE, 45 KE, 49 KE u 50 KE, li attwalment jikkorrispondu, rispettivament, għall-Artikoli 49 TFUE, 51 TFUE, 56 TFUE u 57 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi ppreżentati minn J. Peñarroja Fa, ċittadin Spanjol, dwar l-inklużjoni tiegħu bħala traduttur bil-lingwa Spanjola, minn naħa, fil-lista ta’ periti ġudizzjarji tal-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi u, min-naħa l-oħra, fil-lista nazzjonali ta’ periti ġudizzjarji.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/36:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli skond liema Stat Membru li jissoġġetta l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall-kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi (minn hawn il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ospitanti’) għandu jirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew aktar (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ta’ l-oriġini’) u li jippermettu li persuna li jkollha dawk il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk, għal aċċess għal u eżerċizzju ta’ dik il-professjoni.”

4        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“1.      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘professjoni regolata’: attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi ta’ l-eżerċizzju tagħhom huma soġġetti, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi; b’mod partikolari, l-użu ta’ titolu professjonali limitat minn dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi lil titolari ta’ kwalifiki professjonali għandu jikkostitwixxi mod ta’ eżerċizzju. Fejn l-ewwel sentenza ta’ din id-definizzjoni ma tapplikax, professjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi trattata bħala professjoni regolata;

b)      ‘kwalifiki professjonali’: kwalifiki attestati minn prova ta’ kwalifiki formali, attestazzjoni ta’ kompetenza kif imsemmija fis-subparagrafu (i) tal-punt (a) ta’ l-Artikolu 11 u/jew esperjenza professjonali;

[…]”

5        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, dwar l-effetti tar-rikonoxximent, jipprovdi:

“1.      Ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali mill-Istat Membru ospitanti jippermetti lill-benefiċjarju sabiex jikseb aċċess f’dak l-Istat Membru għall-istess professjoni bħal dik li huwa kwalifikat fiha fl-Istat Membru ta’ l-oriġini u sabiex jeżerċitaha fl-Istat Membru ospitanti taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu.

2.      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-professjoni li l-applikant jixtieq li jeżerċita fl-Istat Membru ospitanti hija l-istess bħal dik li huwa kwalifikat fiha fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jekk l-attivitajiet koperti huma paragunabbli.”

6        Taħt it-Titolu II ta’ din l-istess direttiva, dwar il-libertà li jiġu provduti servizzi, l-Artikolu 5 jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt Komunitarju, kif ukoll l-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri m’għandhomx jirrestrinġu, għal xi raġuni relatata ma’ kwalifiki professjonali, il-libertà li jiġu provduti servizzi fi Stat Membru ieħor:

a)      jekk il-fornitur tas-servizz huwa stabbilit legalment fi Stat Membru bl-għan li jeżerċita l-istess professjoni hemmhekk (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-“Istat Membru ta’ stabbiliment”), u

b)      fejn il-fornitur tas-servizz jibdel il-pajjiż, jekk ikun eżerċita dik il-professjoni fl-Istat Membru ta’ stabbiliment għal mhux inqas minn sentejn matul l-għaxar snin ta’ qabel il-provvista tas-servizzi meta l-professjoni mhijiex regolata f’dak l-Istat Membru. Il-kondizzjoni li teħtieġ sentejn ta’ eżerċizzju m’għandhiex tapplika fejn jew il-professjoni jew l-edukazzjoni u t-taħriġ li jwasslu għall-professjoni huma regolati.

[…]”

 Id-dritt nazzjonali

7        L-inklużjoni fil-lista nazzjonali ta’ periti ġudizzjarji sottomessa mill-Cour de cassation u fil-lista ta’ periti ġudizzjarji sottomessa minn kull qorti tal-appell kif ukoll il-ħatra ta’ dawn il-periti huma rregolati b’mod partikolari mit-testi li ġejjin:

–        il-Liġi Nru 71-498 tad-29 ta’ Ġunu 1971 dwar il-periti ġudizzjarji, kif emendata bil-Liġi Nru 2004 130 tal-11 ta’ Frar 2004 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 71 498”);

–        id-Digriet Nru 2004-1463 tat-23 ta’ Diċembru 2004 dwar il-periti ġudizzjarji, kif emendat bid-Digriet Nru 2007-119 tad-19 ta’ Lulju 2007 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2004-1463”);

–        l-Artikolu 157 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali

 Il-Liġi Nru 71-498

8        L-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 71-498 jipprovdi:

“Bla ħsara biss għar-restrizzjonijiet previsti mil-liġi jew mir-regolamenti, l-imħallfin jistgħu jinnominaw, sabiex iwettqu konstatazzjonijiet, jieħdu parir jew iwettqu xogħol ta’ perizja, persuna li tidher f’waħda mil-listi stabbiliti b’applikazzjoni tal-Artikolu 2. Huma jistgħu, jekk ikun il-każ, jinnominaw kwalunkwe persuna oħra li jagħżlu huma”.

9        Skont l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi:

“I.      Għandha tiġi stabbilita għall-informazzjoni tal-imħallfin:

1.      Lista nazzjonali ta’ periti ġudizzjarji, sottomessa mill-uffiċċju tal-Cour de cassation;

2.      Lista ta’ periti ġudizzjarji, sottomessa minn kull qorti tal-appell.

II.       L-ewwel inklużjoni bħala perit fil-lista sottomessa mill-qorti tal-appell għandha tittwettaq, taħt taqsima partikolari, għal perijodu ta’ prova ta’ ta’ sentejn.

Fi tmiem ta’ dan il-perijodu ta’ prova, u fuq applikazzjoni oħra, il-perit jista’ jitniżżel mill-ġdid għal tul ta’ ħames snin, wara opinjoni motivata ta’ bord li jiġbor rappreżentanti tal-qrati u tal-periti. Għal dan il-għan, jiġu evalwati l-esperjenza tal-parti interessata u l-konoxxenza li jkun kiseb tal-prinċipji li jirregolaw il-proċeduri u tar-regoli tal-proċedura applikabbli għall-miżuri istruttorji mogħtija lill-persunal tekniku.

L-inklużjonijiet mill-ġdid sussegwenti, għal tul ta’ ħames snin, huma suġġetti għall-eżami ta’ applikazzjoni ġdida taħt il-kundizzjonijiet previsti fis-subparagrafu preċedenti.

III.       Ħadd ma jista’ jitniżżel fil-lista nazzjonali ta’ periti jekk ma jkunx ġie inkluż f’lista sottomessa minn qorti tal-appell għal tliet snin konsekuttivi. L-inklużjoni fil-lista nazzjonali titwettaq għal tul ta’ seba’ snin u l-inklużjoni mill-ġdid, għall-istess tul, hija suġġetta għall-eżami ta’ applikazzjoni ġdida.

[…]”

 Id-Digriet Nru 2004-1463

10      F’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ inklużjoni fil-listi ta’ periti ġudizzjarji, l-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 2004-1463 jipprovdi:

“Persuna fiżika tista’ titniżżel jew titniżżel mill-ġdid f’lista ta’ periti biss jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

1°       Ma tkunx wettqet atti li jmorru kontra l-unur, l-integrità u l-moralità;

2°       Ma tkunx wettqet atti li jagħtu lok għal sanzjoni dixxiplinari jew amministrattiva ta’ tneħħija, tkeċċija, revoka, irtirar ta’ mandat jew ta’ awtorizzazzjoni;

3°       Ma tkunx ġarrbet falliment personali jew sanzjoni oħra b’applikazzjoni tat-Titolu II tal-Ktieb VI tal-Kodiċi tal-Kummerċ;

4°       Teżerċita jew tkun eżerċitat għal perijodu suffiċjenti professjoni jew attività marbuta mal-ispeċjalizzazzjoni tagħha;

5°       Teżerċita jew tkun eżerċitat din il-professjoni jew din l-attività taħt kundizzjonijiet li jagħtu kwalifikazzjoni suffiċjenti;

[…]”

11      F’dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ inklużjoni f’lista ta’ periti ġudizzjarji sottomessa minn qorti tal-appell, l-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 2004-1463 jipprovdi:

“[…]

L-applikazzjoni għandha jkollha kull informazzjoni utli, b’mod partikolari dan li ġej:

[…]

2°       Indikazzjoni tat-titoli jew diplomi tal-applikant, tax-xogħlijiet xjentifiċi, tekniċi u professjonali, tal-funzjonijiet varji li wettaq u tan-natura tal-attivitajiet professjonali kollha li huwa wettaq, flimkien, jekk ikun il-każ, mal-isem u l-indirizz tal-persuni li impjegawh;

3°       Ġustifikazzjoni tal-kwalifiki tal-applikant fl-ispeċjalizzazzjoni tiegħu;

[…]”

12      Fir-rigward tal-proċedura ta’ inklużjoni mill-ġdid f’lista ta’ periti ġudizzjarji sottomessa minn qorti tal-appell, l-Artikolu 10 tad-Digriet Nru 2004-1463 jipprovdi:

“[…]

L-applikazzjoni għandha jkollha magħha d-dokumenti kollha li jippermettu li jiġu evalwati:

1°       L-esperjenza miksuba mill-applikant, kemm fl-ispeċjalizzazzjoni tiegħu, kemm fil-prattika tal-funzjoni ta’ espert mill-aħħar inklużjoni fil-lista;

2°       Il-konoxxenza li jkun kiseb tal-prinċipji li jirregolaw il-proċess u tar-regoli tal-proċedura applikabbli għall-miżuri istruttorji mogħtija lill-persunal tekniku kif ukoll it-taħriġ li jkun segwa f’dawn l-oqsma.”

13      Fir-rigward tal-proċedura ta’ inklużjoni u ta’ inklużjoni mill-ġdid fil-lista nazzjonali ta’ periti ġudizzjarji sottomessa mill-Uffiċċju tal-Cour de cassation, l-Artikolu 17 tad-Digriet Nru 2004-1463 jipprovdi:

“[…]

Il-Prosekutur Ġenerali għandu jeżamina l-applikazzjoni. Huwa jivverifika jekk il-kundizzjoni ta’ tul ta’ inklużjoni fil-lista ta’ qorti tal-appell stabbilita fit-Taqsima II tal-Artikolu 2 tal-Liġi [Nru 71 498] tkunx ġiet sodisfatta fl-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara dik tal-preżentata tal-applikazzjoni. Huwa jitlob l-opinjoni tal-ewwel President u tal-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Appell li fiha l-parti interessata hija mniżżla, u jibgħat l-applikazzjonijiet, flimkien mal-opinjoni tiegħu, lill-uffiċċju tal-Cour de cassation.”

14      L-Artikolu 20 tad-Digriet Nru 2004-1463 jipprovdi:

“Id-deċiżjonijiet ta’ inklużjoni jew ta’ inklużjoni mill-ġdid u ta’ rifjut ta’ inklużjoni jew ta’ inklużjoni mill-ġdid, meħuda mill-awtorità responsabbli għal-listi jistgħu jagħtu lok għal proċeduri quddiem il-Cour de cassation.”

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali

15      Fir-rigward tan-nomina ta’ periti ġudizzjarji fil-qasam kriminali, l-Artikolu 157 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprovdi:

“Il-periti jintgħażlu minn fost il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jidhru fil-lista nazzjonali sottomessa mill-Cour de cassation jew fuq waħda mil-listi sottomessi mill-qrati tal-appell taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-Liġi Nru 71-498 […]

B’mod eċċezzjonali, il-qrati jistgħu, permezz ta’ deċiżjoni motivata, jagħżlu periti li ma jidhrux fl-ebda waħda minn dawn il-listi.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

16      J. Peñarroja Fa jirrisjedi f’Barcelona u ilu jwettaq f’Catalunya, għal iktar minn għoxrin sena, il-professjoni ta’ perit traduttur ġuramentat. Huwa ġie nnominat f’din il-kariga mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Spanjol u mill-Gvern ta’ Catalunya wara li għadda minn kompetizzjoni. Huwa jittraduċi mill-Franċiż lejn l-Ispanjol u mill-Ispanjol lejn il-Franċiż.

17      J. Peñarroja Fa talab l-ewwel inklużjoni fil-lista ta’ periti ġudizzjarji tal-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, għal sentejn, fil-kwalità ta’ traduttur bil-lingwa Spanjola. It-talba tiegħu ġiet miċħuda bid-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Maġistrati ta’ din il-Qorti tal-Appell tat-12 ta’ Novembru 2008.

18      Fl-istess waqt, J. Peñarroja Fa talab l-inklużjoni tiegħu bħala perit, fl-istess kwalità, fil-lista nazzjonali ta’ periti ġudizzjarji stabbilita mill-uffiċċju tal-Cour de cassation. Din it-talba ġiet miċħuda bid-deċiżjoni tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2008.

19      Skont id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Nru 2004-1463, J. Peñarroja Fa ressaq appell miż-żewġ deċiżjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawża C‑372/09:

“1)      L-Artikolu 50 [KE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkopri l-funzjoni fdata lil professjonist, bħala perit, fi kwistjoni mressqa quddiem il-qrati nazzjonali u maħtur mill-qorti li tagħha tintalab tieħu konjizzjoni […]?

2)       Il-parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, imsemmija fl-[ewwel] paragrafu tal-Artikolu 45[…] [KE], għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-funzjoni ta’ periti maħtura minn qorti Franċiża, kif imsemmi mill-kodiċijiet tal-proċedura ċivili u tal-proċedura kriminali Franċiżi, kif ukoll mil-Liġi Nru 71-498 […] u mid-Digriet Nru 2004-1463[…]?

3)       L-Artikoli 43 [KE] u 49 [KE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni, bħal dik li tirriżulta mil-Liġi Nru 71-498 […] u mid-Digriet Nru 2004-1463 […], li jissottomettu l-iskrizzjoni f’lista maħruġa minn qorti tal-appell għal kundizzjonijiet ta’ eta’, kompetenza, moralità u indipendenza, u li ma jiħdux […] in kunsiderazzjoni la l-fatt li l-applikant kien ġie rrikonoxxut bħala perit mill-qrati tal-Istat [Membru] tal-oriġini tiegħu, u lanqas l-implementazzjoni ta’ metodi oħra ta’ kontroll tal-kwalitajiet tiegħu?”

21      Fil-Kawża C‑373/09, il-Cour de cassation għamlet, minbarra l-ewwel żewġ domandi fformulati fi kliem identiċi għal dawk tad-domandi ppreżentati fil-Kawża C‑372/09, id-domandi li ġejjin:

3)      L-Artikoli 43 [KE] u 49 [KE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni, bħal dik li tirriżulta mil-Liġi Nru 71-498 […] u mid-Digriet Nru 2004-1463 […], li tirriżerva l-inklużjoni fil-lista nazzjonali u t-titolu ta’ perit awtorizzat mill-Cour de cassation għall-professjonisti rreġistrati, sa mill-inqas tliet snin, fil-lista stabbilita minn qorti tal-appell Franċiża?

4)      L-Artikolu 3[(1)(a)] tad-Direttiva 2005/36/KE […] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jinkludi l-eżerċizzju ta’ funzjoni ta’ periti ġudizzjarji taħt it-titolu ta’ perit ġudizzjarju awtorizzat mill-Cour de cassation skont ir-regoli dettaljati previsti mil-Liġi Nru 71-498 […] u d-Digriet Nru 2004-1463 […]”

22      B’Digriet tas-16 ta’ Ottubru 2009, iż-żewġ kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

23      Id-domandi preliminari, hekk kif redatti mill-qorti tar-rinviju, jirrigwardaw it-tipi kollha ta’ periti ġudizzjarji, u għaldaqstant ma humiex formalment limitati biss għall-periti ġudizzjarji li għandhom il-kwalità ta’ tradutturi.

24      Madankollu, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-kawżi prinċipali jirrigwardaw l-inklużjoni ta’ J. Peñarroja Fa f’żewġ listi ta’ periti ġudizzjarji fil-kwalità ta’ traduttur. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, għalkemm il-kontenut tal-funzjonijiet fdati lill-periti maħtura bħala tradutturi mill-qrati fil-kuntest tal-proċeduri pendenti quddiemhom u l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet jirriżultaw mill-proċessi, l-informazzjoni pprovduta fir-rigward tat-tipi l-oħra ta’ periti ġudizzjarji ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina b’mod ċar id-domandi magħmula fir-rigward tagħhom.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li d-domandi jiġu ttrattati bħala li jikkonċernaw esklużivament il-funzjoni ta’ perit ġudizzjarju li għandu l-kwalità ta’ traduttur (iktar ’il quddiem il-“periti ġudizzjarji tradutturi”).

 Fuq ir-raba’ domanda fil-Kawża C‑373/09

26      Permezz tar-raba’ domanda fil-Kawża C‑373/09, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ perit ġudizzjarju fil-kwalità ta’ traduttur imwettqa minn periti inklużi f’lista bħal-lista nazzjonali ta’ periti ġudizzjarji sottomessa mill-Cour de cassation, jaqax taħt il-kunċett ta’ “professjoni regolata” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36.

27      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2009, Rubino, C‑586/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36, l-imsemmi kunċett jipprevedi “attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi ta’ l-eżerċizzju tagħhom huma soġġetti, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi”.

29      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Liġi 71 498 u d-Digriet Nru 2004 1463 għandhom bħala għan li jippermettu, bil-għan li jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li jistabbilixxu, f’oqsma differenti, listi ta’ professjonisti li l-qrati jkunu jistgħu jindirizzaw sabiex iwettqu perizji jew funzjonijiet oħra fil-kuntest tal-proċeduri dwar il-kwistjonijiet li jitressqu quddiemhom.

30      B’hekk, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala għan uniku li jiffaċilitaw l-aċċess għal professjonisti, membri jew le ta’ professjoni regolata, u mhux li jorganizzaw ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki speċifiċi, li hija kompetenza li la l-qrati tal-Appell u lanqas l-uffiċċju tal-Cour de cassation ma għandhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Burbaud, C-285/01, Ġabra p. I-8219, punt 91). Barra minn hekk, dawn il-qrati jistgħu wkoll jirrikorru legalment għal periti li ma humiex inklużi fl-imsemmija listi. B’hekk, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jistabbilixxux, fihom infushom, tali professjoni regolata.

31      Barra minn hekk, il-fatt li persuni jintalbu jipprovdu servizzi ta’ traduzzjoni lill-qrati nazzjonali Franċiżi taħt it-titolu ta’ “perit tal-qorti tal-Appell jew ta’ “perit approvat mill-Cour de cassation”, ma huwiex ta’ natura, fid-dawl tat-tieni parti tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36, li jdgħajjef tali konstatazzjoni.

32      Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda mressqa fil-Kawża C‑373/09 għandha tkun li s-servizzi tal-periti ġudizzjarji tradutturi pprovduti minn periti inklużi f’lista bħal ma hija l-lista ta’ periti ġudizzjarji sottomessa mill-Cour de cassation ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “professjoni regolata” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36.

 Fuq l-ewwel domanda fiż-żewġ kawżi

33      Permezz tal-ewwel domanda tagħha fiż-żewġ kawżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-funzjoni fdata lil professjonista maħtur fil-kwalità ta’ perit ġudizzjarju traduttur minn qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ kawża li tittressaq quddiemha, f’kuntest ġuridiku bħal dak li jirriżulta mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u minn dak tal-Proċedura Kriminali Franċiżi kif ukoll mil-Liġi Nru 71-498 u mid-Digriet Nru 2004-1463, taqax taħt il-kunċett ta’ “servizzi” fis-sens tal-Artikolu 50 KE.

34      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li mill-proċessi jirriżulta li l-funzjonijiet tal-periti ġudizzjarji tradutturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonsistu, fuq ħatra tal-qorti f’kull każ individwali, f’li jipprovdu traduzzjoni imparzjali u ta’ kwalità minn lingwa għal oħra.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50 KE, huma kkunsidrati bħala servizzi s-servizzi normalment mogħtija bi ħlas, sa fejn ma jkunux regolati mid-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital u tal-persuni. It-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jelenka, bħala eżempju, ċerti attivitajiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ servizzi, fosthom l-attivitajiet professjonali.

36      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-servizzi tal-periti ġudizzjarji huma rregolati minn regoli speċifiċi, fosthom, b’mod partikolari, ir-regola li tipprovdi li dawn jistgħu jintervjenu biss fuq ħatra tagħhom minn imħallef, għal funzjoni li t-termini tagħhom huma ddefiniti minn dan tal-aħħar, u ma jistgħux jaħdmu lil hinn minn dawn il-kundizzjonijiet, u li r-renumerazzjoni tagħhom hija stabbilita mill-awtorità ġudizzjarja.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-karatteristika essenzjali tar-renumerazzjoni tinsab fil-fatt li hija tikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tas-servizz inkwistjoni, liema korrispettiv huwa normalment iddefinit bejn il-fornitur u d-destinatarju tas-servizz (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2003, Freskot, C-355/00, Ġabra p. I-5263, punti 54 u 55, u kif ukoll tas-17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri, C-169/08, Ġabra p. I-10821, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      B’hekk, il-fatt biss li r-renumerazzjoni hija ffissata, bħal ma hija fi Franza għall-periti ġudizzjarji, skont tariffa deċiża mill-awtorità pubblika, ma għandux impatt fuq il-klassifikazzjoni tal-provvista ta’ servizzi ta’ xogħol li huma jintalbu jipprovdu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms, C-157/99, Ġabra p. I-5473, punt 56).

39      Barra minn hekk, il-fatt li perit ġudizzjarju jintervjeni biss wara l-ħatra minn imħallef għal funzjoni li l-kundizzjonijiet tagħhom huma ddefiniti minnu, ma joħloqx differenza fundamentali bejn din il-funzjoni u r-relazzjonijiet kuntrattwali klassiċi fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi. B’hekk, ma huwiex eċċezzjonali li l-fornitur u d-destinatarju ta’ servizz speċifiku jiddeċiedu, fil-kuntratt li jorbothom, li jafdaw lil waħda mill-partijiet f’dan il-kuntratt ċerta setgħa deċiżjonali, filwaqt li jirrestrinġu din is-setgħa permezz ta’ preċiżazzjonijiet fir-rigward tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti. F’dan il-kuntest, l-espert li jitlob li jiġi inkluż fil-lista ta’ periti ġudizzjarji għandu jitqies li aċċetta r-regoli partikolari li jirregolaw is-servizzi ta’ dawn il-periti, b’mod partikolari r-regoli tal-proċedura dwar is-setgħat tal-imħallef, li jiddefinixxi każ b’każ dak li għandu jiġi tradott u l-kundizzjonijiet preċiżi li fihom għandha sseħħ it-traduzzjoni pprovduta mill-perit ġudizzjarju traduttur.

40      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għall-ewwel domanda fiż-żewġ kawżi għandha tkun li, funzjoni fdata, każ b’każ minn qorti, fil-kuntest ta’ kawża ppreżentata quddiemha, lil professjonist fil-kwalità ta’ perit ġudizzjarju traduttur, tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 50 KE (li attwalment jikkorrispondi għall-Artikolu 57 TFUE).

 Fuq it-tieni domanda fiż-żewġ kawżi

41      Permezz tat-tieni domanda fiż-żewġ kawżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-funzjoni fdata lil professjonist maħtur fil-kwalità ta’ perit ġudizzjarju traduttur minn qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ kawża li titressaq quddiemha, f’kuntest ġuridiku bħal dak li jirriżulta mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u minn dak ta’ Proċedura Kriminali Franċiżi, kif ukoll mil-Liġi Nru 71-498 u mid-Digriet Nru 2004-1463, taqax taħt il-kunċett ta’ “attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża b’mod partikolari li l-perit ġudizzjarju jingħata s-setgħat tiegħu minn imħallef, li l-intervent tiegħu huwa intiż li jgħinu jasal għad-deċiżjoni tiegħu, u li l-opinjoni tal-perit tista’ jkollha influwenza fuq din id-deċiżjoni, minkejja li l-imħallef ma huwiex marbut li jsegwi l-konklużjonijiet tiegħu. Hija żżid li l-perit ġudizzjarju għandu josserva l-prinċipji tal-proċedura stabbiliti mil-liġi.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, attività taqa’ biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE meta, meħuda fiha nnifisha, tikkostitwixxi parteċipazzjoni diretta u speċifika li taqa’ fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners, 2/74, Ġabra p. 631, punti 45 u 54).

43      Fil-kawża preżenti, mill-proċessi mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-funzjoni ta’ perit ġudizzjarju traduttur inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li jipprovdi traduzzjoni imparzjali u minn lingwa f’lingwa oħra, u mhux li jagħti opinjoni fuq il-mertu tal-kawża.

44      It-traduzzjonijiet imwettqa minn tali perit ma għandhomx, għaldaqstant, natura awżiljarja, u ma jolqtux l-evalwazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja u l-eżerċizzju liberu tas-setgħa ġudizzjarja, minkejja li, hekk kif issostni r-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-Gvern Franċiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, tali servizzi ta’ traduzzjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma attivitajiet li jaqgħu, fi Franza, fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, b’analoġija, is-sentenzi Reyners, iċċitati iktar ’il fuq, punti 52 u 53, kif ukoll tal-10 ta’ Diċembru 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-306/89, Ġabra p. I-5863, punt 7).

45      Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda fiż-żewġ kawżi tkun li l-attivitajiet tal-periti ġudizzjarji fil-qasam tat-traduzzjoni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxux attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE (li attwalment jikkorrispondi għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE).

 Fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑372/09

46      Permezz tat-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑372/09, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 43 KE u 49 KE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, abbażi tagħha, l-inklużjoni f’lista ta’ periti ġudizzjarji tradutturi sottomessa minn qorti tal-Appell tkun suġġetta għal kundizzjonijiet ta’ età, ta’ kompetenza, ta’ moralità u ta’ indipendenza, mingħajr ma l-awtoritajiet nazzjonali jkunu marbuta, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompetenza professjonali tal-applikant, jieħdu inkunsiderazzjoni l-kwalifiki miksuba minnu fi Stat Membru ieħor, u mingħajr ma jkunu previsti modalitajiet ta’ kontroll tal-evalwazzjoni tal-imsemmija awtoritajiet f’dan ir-rigward.

47      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, skont l-informazzjoni pprovduta, J. Peñarroja Fa jirrisjedi f’Barcelona, iwettaq f’Catalunya l-professjoni ta’ perit traduttur ġuramentat, u jixtieq jiġi inkluż, fil-kwalità ta’ traduttur, fi Franza, fiż-żewġ listi ta’ periti ġudizzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

48      Peress li mill-proċess ma jirriżultax li J. Peñarroja Fa kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi ruħu fit-territorju Franċiż, il-kwistjoni li tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għaldaqstant tiġi eżaminata biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE applikabbli fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

49      Il-Gvern Franċiż iqis li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda kemm il-lista ta’ periti ġudizzjarji sottomessa għal kull qorti tal-Appell u kemm il-lista nazzjonali ta’ periti ġudizzjarji, ma tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ perit ġudizzjarju, b’mod partikolari peress li l-imħallfin jistgħu, bħala regola ġenerali, jaħtru, skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 71-498, kull persuna tal-għażla tagħhom li ma tidhirx fil-listi ta’ periti ġudizzjarji.

50      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l‑Artikolu 49 KE ma jeżiġix biss l‑eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fil‑konfront ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n‑nazzjonalità tiegħu, iżda jeżiġi wkoll l‑eliminazzjoni ta’ kull restrizzjoni, anki jekk tapplika mingħajr distinzjoni għall‑fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, jekk din tkun ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l‑attivitajiet tal‑fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn jipprovdi legalment servizzi simili (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Corsten, C-58/98, Ġabra p. I-7919, punt 33, u kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C-42/07, Ġabra p. I-7633, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif tindika l-qorti tar-rinviju, l-istabbiliment tal-listi ta’ periti ġudizzjarji, minkejja li huma stabbiliti abbażi tad-dritt nazzjonali “għall-informazzjoni tal-imħallfin”, huma intiżi li jippermettu lill-qrati jiżguraw li l-professjonisti li jassistuhom jiddisponu mill-kompetenzi u mill-kapaċitajiet l-oħra neċessarji għall-kwalità u l-effiċjenza tas-servizz pubbliku tal-ġustizzja.

52      Fid-dawl ta’ dan il-għan, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-istabbiliment tal-listi ta’ periti ġudizzjarji bħal dawk inkwistjoni fil-kawza prinċipali huwa ta’ natura li jinfluwenza l-għażla tal-qrati, fis-sens li dawn ikollhom it-tendenza li jagħżlu l-periti inklużi f’dawn il-listi, peress li jistgħu jippreżumu li jollhom il-kwalitajiet mitluba sabiex jassistuhom.

53      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, minkejja li ma jeżistix obbligu formali għall-qrati sabiex jinnominaw biss il-periti inklużi f’dawn il-listi, l-istabbiliment tagħhom jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ perit ġudizzjarju traduttur (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1982, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, 249/81, Ġabra p. 4005, punt 28).

54      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, anki fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni f’din il-materja, tali restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tiġi ġġustifikata biss permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u li japplikaw għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, sakemm tkun tajba sabiex jiġi ggarantit li jitwettaq l-għan imfittex u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan, u sakemm dan l-interess ma huwiex issalvagwardjat mir-regoli li għalihom il-fornitur ikun suġġett fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et, C‑369/96 u C-376/96, Ġabra p. I-8453, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 34 u 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Jannar 2002, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Fost dawn ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali jidhru l-protezzjoni tal-individwi u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

56      Għalkemm għandu jiġi ammess li l-kundizzjonijiet stabbiliti minn dispożizzjoni bħall-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 2004-1463 jistgħu jiżguraw it-twettiq ta’ dawn l-għanijiet u, għaldaqstant, jikkostitwixxu restrizzjoni ammissibbli tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, dawn ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet.

57      F’dan ir-rigward, għalkemm il-protezzjoni tal-individwi u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jistgħu jiġġustifikaw l-istabbiliment ta’ lista ta’ periti li jkunu, kif ġie kkonstatat fil-punt 52, fil-prattika, dawk li l-iktar spiss jintalbu jipprovdu s-servizzi tagħhom, xorta huwa neċessarju li l-istabbiliment tagħhom ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji.

58      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jiżguraw b’mod partikolari li l-kwalifiki miksuba fi Stati Membri oħra jiġu rrikonoxxuti bil-valur ġust tagħhom u li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali proċedura (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou, C‑340/89, Ġabra p. I-2357, punt 16; tat-22 ta’ Jannar 2002, Dreessen, C-31/00, Ġabra p. I-663, punti 23 u 24, kif ukoll Rubino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

59      Fil-kawża preżenti, il-Gvern Franċiż isemmi l-eżistenza ta’ prassi li tipprovdi li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-inklużjoni fil-listi ta’ periti ġudizzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza tal-kandidati li jwettqu jew li wettqu funzjonijiet ta’ periti ġudizzjarji għal qorti barranija.

60      Madankollu, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Cour de cassation, l-ebda dispożizzjoni legali jew regolamentari ma timponi l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ inklużjoni inizjali fl-imsemmija listi, li l-proċedura ta’ inklużjoni ma tagħti lok għal ebda att li jista’ jaqa’ taħt il-proċedura Franċiża ta’ aċċess għad-dokumenti amministrattivi u li l-Cour de cassation, meta titressaq quddiemha azzjoni kontra deċiżjoni ta’ rifjut ta’ inklużjoni, tivverifika biss ir-regolarità proċedurali tal-eżami tat-talba għal inklużjoni, bl-esklużjoni, b’mod partikolari, tal-kwalitajiet professjonali tal-applikant.

61      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ inklużjoni ta’ periti ġudizzjarji tradutturi fil-listi ta’ periti f’kundizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jevitaw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza u tal-kwalifiki miksuba u rrikonoxxuti fi Stati Membri oħra.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-eżami tal-kwalifiki miksuba fi Stati Membri oħra kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom, għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet nazzjonali skont proċedura li tikkonforma mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

63      Isegwi li kull deċiżjoni għandha tagħti lok għal azzjoni ta’ natura ġudizzjarja li tippermetti li tiġi vverifikata l-legalità tagħha fil-konfront tad-dritt tal-Unjoni. Sabiex dan l-istħarriġ ġuridiku jkun effikaċi, huwa importanti li l-parti interessata tkun tista’ tieħu konoxxenza tal-motivi tad-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha, ħaġa li tippermettilha tiddefendi ruħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li tiddeċiedi, fil-konoxxenza totali tal-każ, jekk ikunx utli għaliha li tressaq azzjoni quddiem qorti. Minn dan jirriżulta li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha l-obbligu tgħarrfu bil-motivi li fuqhom dan ir-rifjut huwa bbażat kemm fid-deċiżjoni stess, u kemm f’komunikazzjoni sussegwenti mwettqa fuq talba tiegħu (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra p. 4097, punti 15 u 17, u kif ukoll Vlassopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

64      Konsegwentement, sa fejn leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tistabbilixxix modalitajiet ta’ stħarriġ effettivi ta’ natura ġudizzjarja tat-teħid inkunsiderazzjoni fil-valur reali tagħha, ta’ kwalifiki ta’ perit ġudizzjarju traduttur, irrikonoxxuta mill-qrati ta’ Stati Membri oħra, din il-leġiżlazzjoni ma tissodisfax l-eżiġenzi tad-dritt tal-Unjoni.

65      Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda mressqa fil-Kawża C‑372/09 tkun li l-Artikolu 49 KE, li attwalment jikkorrispondi għall-Artikolu 56 TFUE, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-inklużjoni f’lista ta’ periti ġudizzjarji tradutturi tkun suġġetta għal kundizzjonijiet ta’ kwalifiki mingħajr ma l-applikanti jkunu jistgħu jieħdu konoxxenza tal-motivi tad-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħhom u mingħajr ma dawn ikunu jistgħu jressqu azzjoni ta’ natura ġudizzjarja effettiva li tippermetti li tiġi vverifikata l-legalità tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżit, li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, li l-kwalifiki tagħhom miksuba u rrikonoxxuti fi Stati Membri oħra jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni.

 Fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑373/09

66      Permezz tat-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑373/09, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, meħud waħdu, rekwiżit bħal dak tal-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 71-498, li jipprovdi li ħadd ma jista’ jidher fil-lista ta’ periti ġudizzjarji qabel ma ismu jkun deher f’lista sottomessa minn qorti tal-Appell għal tliet snin konsekuttivi, imurx kontra l-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

67      Qabel kollox, għandu jiġi indikat li, minħabba raġunijiet imqajma fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, din id-domanda, imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat applikabbli fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

68      Mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 49 sa 53 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-rekwiżit ta’ inklużjoni fil-listi ta’ periti ġudizzjarji, stabbilit mil-Liġi Nru 71-498 u mid-Digriet Nru 2004-1463, jikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ perit ġudizzjarju traduttur.

69      Hemm lok ukoll li jiġi ammess li kundizzjoni preliminari bħal dik li tipprovdi li l-applikant għandu jkun inkluż f’lista sottomessa minn qorti tal-Appell għal tliet snin konsekuttivi, tista’ tiżgura t-twettiq tal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-individwi involuti fi proċedura quddiem il-Cour de cassation, u ta’ amministrazzjoni tajba u, għaldaqstant, tikkostitwixxi restrizzjoni ammissibbli tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

70      Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk din il-kundizzjoni, li tapplika mingħajr distinzjoni fuq il-fornituri nazzjonali u dawk tal-Istati Membri l-oħra, tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet.

71      F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż isostni, qabel kollox, li tali kundizzjoni tippermetti li jiġi żgurat li perit ikun kiseb konoxxenza tajba tal-proċeduri ġuridiċi tal-Istat Membru kkonċernat, li jistgħu jkunu sostanzjalment differenti mill-proċeduri ġuridizzjarji tal-Istati Membri l-oħra, peress li din il-konoxxenza tista’ tinkiseb biss permezz tal-prattika. Imbagħad, peress li l-funzjonijiet tal-periti ġudizzjarji huma speċifiċi u peress li jistgħu jgħaddu diversi xhur jew snin bejn funzjonijiet suċċessivi, il-ħtieġa li jitniżżlu f’lista ta’ periti ġudizzjarji ma hijiex eċċessiva.

72      Għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżiti rigorużi fir-rigward tal-kwalità tal-professjonisti kollha li jipparteċipaw fi proċess ġudizzjarju huma imposti sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-individwi u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, u iktar u iktar fir-rigward ta’ professjonisti li jipparteċipaw fi proċedura quddiem qorti suprema ta’ Stat Membru, bħalma hija l-Cour de cassation Franċiża.

73      Fir-rigward ta’ servizzi ta’ traduzzjoni fil-kuntest ta’ tali proċedura, ma huwiex sproporzjonat, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-individwi u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li jkun meħtieġ li l-perit ġudizzjarju traduttur ikollu diġà ċerta esperjenza prattika fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tat-traduzzjoni ġuridika u ċerta konoxxenza tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru tal-qorti kkonċernata.

74      Fid-dawl tan-natura speċifika tal-funzjonijiet tal-periti ġudizzjarji tradutturi inklużi f’lista sottomessa minn qorti tal-Appell kif ukoll tal-fatt li jistgħu jgħaddu diversi xhur jew anki snin bejn funzjonijiet suċċessivi, għandha tiġi rrikonoxxuta, għall-Istat Membru kkonċernat, ċerta marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-dewmien li huwa meqjus neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfakkra preċedentement. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit li l-applikant għandu jitniżżel f’lista ta’ periti ġudizzjarji għal tliet snin konsekuttivi, bħala prinċipju ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat li dawn l-għanijiet jintlaħqu.

75      Madankollu, l-applikazzjoni ta’ tali regola fuq perit ġudizzjarju traduttur ta’ Stat Membru li diġà wettaq funzjonijiet quddiem il-qrati ta’ dan tal-aħħar jew dawk ta’ Stati Membri oħra, b’mod partikolari quddiem il-qrati superjuri tagħhom, tkun sproporzjonata fid-dawl tal-prinċipju mfakkar fil-punt 58 ta’ din is-sentenza.

76      Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-awtorità, li quddiemha tittressaq talba għall-inklużjoni f’lista bħal-lista nazzjonali ta’ periti ġudizzjarji, tieħu inkunsiderazzjoni l-kwalifiki li l-applikant ikun kiseb fi Stati Membri oħra sabiex tiddetermina jekk u kemm dawn ikunu ekwivalenti għall-kompetenzi normalment mistennija minn persuna li tkun ilha inkluża għal tliet snin konsekuttivi f’lista sottomessa minn qorti tal-Appell (ara, b’analoġija, is-sentenza Vlassopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

77      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif diġà ġie indikat fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, li kull deċiżjoni għandha tkun tista’ tagħti lok għal azzjoni ta’ natura ġudizzjarja li jippermetti li tiġi vverifikata l-legalità tagħha fil-konfront tad-dritt tal-Unjoni, u li l-parti interessata tkun tista’ tieħu konoxxenza tal-motivi tad-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ qabel, ir-risposta għat-tielet domanda mressqa fil-Kawża C‑373/09, għandha tkun li l-Artikolu 49 KE, li attwalment jikkorrispondi għall-Artikolu 56 TFUE, jipprekludi rekwiżit bħal dak previst fl-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 71-498, li minnu jirriżulta li ħadd ma jista’ jidher fil-lista nazzjonali ta’ periti ġudizzjarji fil-kwalità ta’ traduttur jekk ma kienx imniżżel f’lista ta’ periti ġudizzjarji sottomessa minn qorti tal-Appell għal perijodu ta’ tliet snin konsekuttivi, peress li tali rekwiżit jostakola, fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni ta’ persuna stabbilita fi Stat Membru ieħor, li ma tissodisfax tali rekwiżit, li l-kwalifiki miksuba minn din il-persuna u rrikonoxxuti fi Stat Membru ieħor jkunu tittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk u kemm dawn humiex ekwivalenti għall-kompetenzi normalment mistennija minn persuna li ilha inkluża għal tliet snin konsekuttivi f’lista ta’ periti ġudizzjarji sottomessa minn qorti tal-Appell.

 Fuq l-ispejjeż

79      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Funzjoni fdata minn qorti, fil-kuntest ta’ kawża ppreżentata quddiemha, lil professjonist fil-kwalità ta’ perit ġudizzjarju traduttur, tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 50 KE (li attwalment jikkorrispondi għall-Artikolu 57 TFUE).

2)      L-attivitajiet tal-periti ġudizzjarji fil-qasam tat-traduzzjoni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxux attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE (li attwalment jikkorrispondi għall-Artikolu 51 TFUE).

3)      L-Artikolu 49 KE, li attwalment jikkorrispondi għall-Artikolu 56 TFUE, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-inklużjoni f’lista ta’ periti ġudizzjarji tradutturi tkun suġġetta għal kundizzjonijiet ta’ kwalifiki mingħajr ma l-applikanti jkunu jistgħu jieħdu konoxxenza tal-motivi tad-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħhom u mingħajr ma dawn ikunu jistgħu jressqu azzjoni ta’ natura ġudizzjarja effettiva li tippermetti li tiġi vverifikata l-legalità tagħha, b’mod partikolari, fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżit, li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, li l-kwalifiki tagħhom miksuba u rrikonoxxuti fi Stati Membri oħra jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni.

4)      L-Artikolu 49 KE, li attwalment jikkorrispondi għall-Artikolu 56 TFUE, jipprekludi rekwiżit bħal dak previst fl-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 71-498, tad-29 ta’ Ġunju 1971 dwar il-periti ġudizzjarji, kif emendata bil-Liġi Nru 2004 130 tal-11 ta’ Frar 2004, li minnu jirriżulta li ħadd ma jista’ jidher fil-lista nazzjonali ta’ periti ġudizzjarji fil-kwalità ta’ traduttur jekk ma kienx imniżżel f’lista ta’ periti ġudizzjarji sottomessa minn qorti tal-appell għal perijodu ta’ tliet snin konsekuttivi, peress li tali rekwiżit jostakola, fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni ta’ persuna stabbilita fi Stat Membru ieħor, li ma tissodisfax tali rekwiżit, li l-kwalifiki miksuba minn din il-persuna u rrikonoxxuti fi Stat Membru ieħor ikunu ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk jistgħux jew sa fejn dawn jistgħu jkunu ekwivalenti għall-kompetenzi normalment mistennija minn persuna li ilha inkluża għal tliet snin konsekuttivi f’lista ta’ periti ġudizzjarji sottomessa minn qorti tal-appell.

5)      Il-funzjonijiet tal-periti ġudizzjarji tradutturi pprovduti minn periti inklużi f’lista bħal ma hija l-lista ta’ periti ġudizzjarji sottomessa mill-Cour de cassation ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “professjoni regolata” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.