SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Frar 2011 (*)

“Avukati – Direttiva 89/48/KEE – Rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-ikkompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin – Direttiva 98/5/KE – Eżerċizzju permanenti tal-professjoni ta’ avukat fi Stat Membru ieħor minbarra f’dak li fih inkisbet il-kwalifika – Użu tat-titolu professjonali tal-Istat Membru ospitanti – Kundizzjonijiet – Inklużjoni fir-reġistru ta’ ordni professjonali tal-avukati tal-Istat Membru ospitanti”

Fil-Kawża C‑359/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Fővárosi Ítélőtábla (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Settembru 2009, fil-proċedura

Donat Cornelius Ebert

vs

Budapesti Ügyvédi Kamara,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Settembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Ebert, avukat, minnu stess,

–        għall-Budapesti Ügyvédi Kamara, minn P. Kiss u P. Köves, avukati,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn J. Fazekas, M. Fehér u Z. Tóth, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn J. López-Medel Bascones, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Simon u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal‑21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 138, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/48”), u tad-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Frar 1998, sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 83).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Ebert, ċittadin Ġermaniż u avukat irreġistrat, taħt it-titolu “Rechtsanwalt”, mal-kamra tal-avukati ta’ Düsseldorf (il-Ġermanja), u Budapesti Ügyvédi Kamara (kamra tal-avukati ta’ Budapest) (l-Ungerija) dwar id-dritt mitlub minn Ebert li juża t-titolu ta’ “ügyvéd” (avukat fl-Ungerija) mingħjar ma huwa membru tal-imsemmija kamra tal-avukati.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 89/48

3        Is-seba’ u l-għaxar premessa tad-Direttiva 89/48, li japplikaw ratione temporis għall-kawża prinċipali, huma redatti kif ġej:

“[…] Billi il-kliem “attività professjonali regolata” għandhom jiġu definiti sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjonijiet soċjoloġiċi nazzjonali li jvarjaw; billi l-kliem m’ għandhomx ikopru biss attivitajiet professjonali li laċċess għalihom huwa soġġett, fi Stat Membru, għall-pussess ta’ diploma, iżda ukoll attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom mhuwiex ristrett meta dawn jiġu prattikati taħt titolu professionali riservat għat-titolari ta’ ċerti kwalifiki; […]

[…] is-sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla la hi maħsuba biex temenda r-regoli, inklużi dawk li jirrigwardaw l-etika professjonali applikabbli għal kull persuna li twettaq professjoni fit-territorju ta’ Stat Membru u lanqas biex teskludi l-migranti mill-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli; […] dik is-sistema hija ristretta biex tistabbilixxi arranġamenti approprjati sabiex jiġi assigurat illi l-migranti jikkonformaw mar-regoli professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti”.

4        L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/84 jiddefinixxi, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “diploma” b’dan il-mod :

“[…] kull diploma, ċertifikat jew prova oħra […]:

-        li ngħatat minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, maħtur skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-disposizzjonijiet amministrativi proprji,

-        li juri li l-possessur temm b’suċċess kors post-sekondarju ta’tul ta’ mill-anqas tliet snin, jew ta’ tul ekwivalenti part-time, f’università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni għolja jew stabbiliment ieħor ta’ livell ekwivalenti, fejn xieraq, li hu temm b’suċċess ittaħriġ professjonali barra l-kors post-sekondarju, u

-        li turi li t-titolari jkollu l-kwalifiki professjonali meħtieġa għallbidu jew it-twettiq ta’ professjoni regolata f’ dak l-Istat Membru,

[…]”

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/48 jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull ċittadin ta’ Stat Membru li jixtieq iwettaq professjoni regolata fi Stat Membru ospitanti bħala persuna li taħdem għal rasha jew bħala persuna impjegata.

Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal professjonijiet li huma s-suġġett ta’ Direttiva separata li tistabbilixxi arranġamenti għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi mill-Istati Membri.”

6        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 jipprevedi:

“Meta, fi Stat Membru ospitanti, il-bidu jew it-twettiq ta’ professjoni regolata huwa soġġett għall-pussess ta’ diploma, l-awtorità kompetenti ma tistax, fuq il-bażi ta’ kwalifiki inadegwati, tirrifjuta li tawtorizza ċittadin ta’ Stat Membru milli jibda jew iwettaq dik il-professjoni bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini proprji stess:

a)      jekk l-applikant għandu d-diploma meħtieġa fi Stat Membru ieħor għall-bidu jew it-twettiq tal-professjoni inkwistjoni fit-territorju tiegħu, u din id-diploma tkun ingħatat fi Stat Membru […]

[…]”.

7        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/48 jipprevedi:

“Minkejja l-Artikolu 3, l-Istat Membru ospitanti jista’ wkoll jitlob lill-applikant:

[…]

b)       jikkompleta perjodu ta’ addattament li ma jaqbiżx it-tliet snin jew jieħu aptitude test:

–        meta l-kwistjonijiet koperti bl-edukazzjoni u t-taħriġ li huwa rċieva kif stabbilit fl-Artikolu 3(a) u (b), jvarjaw sostanzjalment minn dawk koperti mid-diploma meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti, jew

–        meta, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(a), il-professjoni regolata fl-Istat Membru ospitanti tikkomprendi attività professjonali waħda jew aktar li mhumiex fil-professjoni regolata fl-Istat Membru minn fejn joriġina jew ikun ġej l-applikant u dik id-differenza tikkorrispondi għall-edukazzjoni u t-taħriġ speċifiku meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti u tkopri materji li jvarjaw sostanzjalment minn dawk koperti mid-diploma murija mill-applikant, […]

      […]

Jekk l-Istat Membru ospitanti juża din il-possibiltà, dan għandu jagħti lill-applikant id-dritt li jagħżel bejn il-perjodu ta’ addattament jew aptitude test. B’deroga minn dan il-prinċipju, għall-professjonijiet li l-prattika tagħhom titlob tagħrif preċiż tal-liġi nazzjonali u li fir-rigward tagħhom il-provvista ta’ pariri u/jew assistenza li tikkonċerna l-liġi nazzjonali hija aspett essenzjali u kostanti ta’ l-attività professjonali, l-Istat Membru ospitanti jista’ jistipula jew perjodu ta’ addattament jew aptitude test. […]”.

8        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/48 jipprevedi:

“Meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti teħtieġ minn persuni li jixtiequ jibdew professjoni regolata prova li huma ta’ karattru jew ta’ reputazzjoni tajba jew li huma ma ġewx dikjarati falluti, jew tissospendi jew tipprojbixxi t-twettiq ta’ dik il-professjoni fil-każ ta’ mġieba ħażina professjonali serja jew reat kriminali, dak l-Istat għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jixtiequ jwettqu dik il-professjoni fit-territorju tiegħu, il-produzzjoni ta’ dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru minn fejn ikun ġej iċ-ċittadin barrani li juru li dawk il-ħtiġijiet huma sodisfatti.

[…]”.

9        L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 89/48 jipprovdi:

“L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu d-dritt ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għall-bidu u t-twettiq ta’ professjoni regolata fit-territorju tagħhom li jużaw it-titolu professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti li jikkorrispondi għal dik il-professjoni.”

 Id-Direttiva 98/5

10      Il-premessi 2, 3 u 7 tad-Direttiva 98/5 huma redatti kif ġej:

“(2)      […] bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48 […] avukat li huwa għal kollox kwalifikat f’wieħed mill-Istati Membri jista’ diġà jitlob li jkollu d-diploma tiegħu magħrufa bil-ħsieb li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor bil-għan li jipprattika l-professjoni ta’ avukat taħt it-titolu professjonali użat f’dak l-Istat; […] l-għan tad-Direttiva 89/48/KEE hu li tassigura li avukat ikun integrat fil-professjoni fl-Istat Membru ospitanti, u d-Direttiva la tfittex li timmodifika r-regoli li jirregolaw il-professjoni f’dak l-Istat u lanqas li tneħħi t-tali avukat mill-ambitu ta’ dawk ir-regoli;

(3)      […] filwaqt li xi avukati jistgħu jintegraw malajr fil-professjoni fl-Istat Membru ospitanti, inter alia billi jgħaddu minn test għall-kapaċità kif hemm ipprovdut fid-Direttiva 89/48 […], avukati oħra għal kollox kwalifikati għandhom ikun jistgħu jiksbu din l-integrazzjoni wara ċertu perijodu ta’ prattika professjonali fl-Istat Membru ospitanti taħt it-titoli professjonali ta’ pajjiżhom jew inkella jkomplu jipprattikaw taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżhom;

[…]

(7)      […] waqt li żżomm l-għanijiet tagħha, din id-Direttiva ma tistipulax ir-regoli li jikkonċernaw sitwazzjonijiet purament domestiċi, u billi ma taffettwax regoli nazzjonali li jirregulaw il-professjoni legali ma tagħmilx aktar milli hu meħtieġ sabiex tikseb effettivament l-għan tagħha; […] mingħajr preġudizzju partikolarment għal-leġislazzjoni nazzjonali li tirregola l-aċċess għal u l-prattika tal-professjoni ta’ avukat taħt it-titolu professjonali użat fl-Istat Membru ospitanti”.

11      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/5, intitolat “Id-dritt għall-prattika taħt it-titolu professjonali tal-pajjiż tiegħu”, jipprevedi:

“Kull avukat għandu jkun intitulat li jsegwi fuq bażi permanenti, f’kull Stat Membru ieħor taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu, l-attivitajiet speċifikati fl-Artikolu 5.

L-integrazzjoni fil-professjoni ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti għandu jkun suġġett għall-Artikolu 10.”

12      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 98/5 huwa miktub kif ġej:

“Irrispettivament tar-regoli ta’ kondotta professjonali li għalihom huwa suġġett fl-Istat Membru li hu pajjiżu, avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu għandu jkun suġġett għall-istess regoli ta’ kondotta professjonali bħal avukati li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali relevanti ta’ l-Istat Membru ospitanti fir-rigward ta’ l-attivitajiet kollha li jeżerċita fit-territorju tiegħu.”

13      L-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/5, li huwa intitolat “Trattament simili bħal avukat ta’ l-Istat Membru ospitanti” huwa redatt kif ġej:

“1.      Avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu li effettivament u regolarment segwa għal perijodu ta’ lanqas tliet snin attività fl-Istat Membru li ospitah fil-liġi ta’ l-Istat inkluża l-liġi tal-Komunita għandu, invista li jikseb dħul fil-professjoni ta’ avukat fl-Istat Membru li ospitah, ikun eżentat mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48/KEE,

[…]

2.      Avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu fi Stat Membru ospitanti jista’, f’kull żmien, japplika sabiex ikollu d-diploma tiegħu rikonoxxuta skond id-Direttiva 89/48 [...] bil-għan li jkun aċċettat fil-professjoni ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti u li jipprattikaha taħt it-titolu professjonali li jikkorrispondi mal-professjoni f’dak l-Istat Membru.

3.      Avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu li segwa effettivament u regolarment attività professjonali fl-Istat Membru ospitanti għal perijodu ta’ mill-anqas tliet snin imma għal perijodu iqsar fil-liġi ta’ dak l-Istat Membru jista’ jikseb mingħand l-awtorita’ kompetenti ta’ dak l-Istat dħul fil-professjoni ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti u d-dritt li jipprattikaha taħt it-titolu professjonali li jikkorrispondi mal-professjoni f’dak l-Istat Membru, mingħajr il-ħtieġa li jilħaq il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48 [...], taħt il-kundizzjonijiet u skond il-proċeduri stabbiliti hawn taħt

[…]

6.      Avukat li jidħol fil-professjoni ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti skond il-paragrafi 1, 2 u 3 għandu jkun intitolat li juża t-titolu professjonali ta’ pajjiżu, espress fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru li hu pajjiżu, flimkien mat-titolu professjonali li jikkorrispondi mal-professjoni ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti.”

 Id-dritt nazzjonali

14      L-aċċess għall-professjoni ta’ avukat fl-Ungerija huwa rregolat mit-testi li ġejjin:

–        il-liġi Nru C tal‑2001, dwar ir-rikonoxximent ta’ titoli u diplomi barranin (A külföldi bizonyítványok és oklevelek elismeréséről szóló 2001. évi C. törvény, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar ir-rikonoxximent ta’ titoli u diplomi”);

–        il-liġi Nru XI tal‑1998, dwar l-avukati (Az ügyvédekről szóló 1998. évi XI. Törvény, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-avukati”).

 Il-liġi dwar ir-rikonoxximent ta’ titoli u diplomi

15      Għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Mejju 2004 u l‑20 ta’ Ottubru 2007, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi dwar ir-rikonoxximent ta’ titoli u diplomi kienu redatti kif ġej:

“Artikolu 21

1)      Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-parti japplikaw meta ċittadin ta’ Stat Membru jkun jixtieq jeżerċita fl-Ungerija professjoni rregolata u jkollu d-dritt li jeżerċita l-istess professjoni fl-Istat ospitanti jew fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu.

[…]

Artikolu 35

1)      L-awtorità kompetenti tista’ tippreskrivi, kemm perijodu ta’ addattament li ma għandux jkun ta’ iktar minn tliet snin, kif ukoll aptitude test,

a)      jekk il-parti prattika jew teorika tat-taħriġ tal-applikant tkun sostanzjlament differenti mit-taħriġ neċessarju għall-kisba ta’ diploma preskritta fl-Ungerija għall-eżerċizzju tal-professjoni rregolata,

[…]

2)      L-awtorità kompetenti għandha tieħu ħsieb li l-applikant jkun jista’ jagħżel bejn il-perijodu ta’ addattament u l-aptitude test.

3)      L-awtorità kompetenti tista’ tidderoga mill-paragrafu 2 għal kull professjoni li l-eżerċizzju tagħha jeżiġi għarfien preċiż tad-dritt Ungeriż u li element kostanti u essenzjali tagħha huwa l-għoti ta’ pariri dwar id-dritt Ungeriż. F’tali każ, l-awtorità kompetenti tobbliga lill-applikant isegwi perijodu ta’ addattament jew joqgħod għal aptitude test.

[…]”

16      Skont lista ta’ professjonijiet irregolati fis-seħħ mill‑1 ta’ Mejju 2004 sat‑8 ta’ Mejju 2009, ippubblikata mill-ministeru tal-edukazzjoni Ungeriż, it-titolu ta’ taħriġ neċessarju għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “diploma” fis-sens tal-liġi dwar ir-rikonoxximent ta’ titoli u diplomi.

 Il-liġi dwar l-avukati

17      Fid-data tal-preżentata tar-rikors promotur fil-proċedura prinċipali, jiġifieri fit‑13 ta’ Diċembru 2006, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi dwar l-avukati kienu redatti kif ġej:

“Artikolu 6

1)      Avukat

a)      ma jistax ikun marbut b’kuntratt ta’ xogħol, kuntratt ta’ servizz ta’ interess pubbliku jew b’kuntratt ieħor li jinvolvi l-obbligu li jwettaq xogħol u ma jistax jkun impjegat fis-servizz pubbliku, uffiċjal jew nutar, jew jeżerċita l-funzjoni ta’ sindku fuq bażi full-time,

b)      ma jistax jeżerċita attività ta’ impriża fil-kapaċità personali tiegħu jew li timplika responsabbiltà finanzjarja mhux limitata.

[…]

3)      L-avukat huwa obbligat li jiddikjara mal-kamra tal-avukati kull kawża ta’ inkompatibbiltà fi żmien 15-il ġurnata minn meta din tirriżulta.

[…]

Artikolu 13

1)      Tista’ teżerċita l-attività ta’ avukat – bl-eċċezzjoni ta’ avukat impjegat – kull persuna li tkun membru tal-kamra tal-avukati u li tkun ħadet il-ħatra ta’ avukat.

[…]

3)      Kwalunkwe persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin għandha, fuq talba tagħha, tiġi ammessa bħala avukat fil-kamra tal-avukati:

a)      tkun ċittadina ta’ wieħed mill-Istati Membri [partijiet għall-Ftehim dwar] iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3)],

[…]

c)      ma tkunx ingħatat kundanna kriminali kontrihom,

d)      ikollha diploma universitarja fil-liġi,

e)      tkun għaddiet mill-eżami ġuridiku professjonali Ungeriż,

f)      tkun membru tal-Ügyvédek Biztosító és Segélyező Egyesülete [kumpannija ta’ assigurazzjoni u assistenza ta’ avukati Ungeriżi] jew ikollha assigurazzjoni oħra ta’ responsabbiltà rrikonoxxuta mill-kamra tal-avukati,

g)      jkollha fil-post tal-kamra tal-avukati uffiċċju għall-eżerċizzju permanenti tal-attività ta’ avukat,

h)      ma tkunx taqa’ taħt waħda mill-kawżi ta’ esklużjoni elenkati fil-paragrafu 4.

4)      Ma tistax tiġi ammessa fil-kamra tal-avukati kull persuna:

a)      li taqa’ f’wieħed mill-każijiet ta’ inkompatibbiltà previsti fl-Artikolu 6 u li ma ġġibx din is-sitwazzjoni fi tmiemha,

b)      li ngħatat piena aċċessorja li teskludiha mill-affarijiet pubbliċi jew li timpediha minn kull kariga marbuta ma’ kwalifika ġuridika,

c)      li ġiet ikkundannata minn qorti għall-piena ta’ ħabs wara li tkun wettqet ksur intenzjonali […]

d)      li ġiet eskluża mill-kamra tal-avukati […]

e)      li hija suġġetta għal tutela li tillimita jew teskludi l-kapaċità, jew hija inkapaċi mingħajr ma tkun suġġetta għal tutela […]

f)      li, minħabba l-istil ta’ ħajja tagħha jew l-imġiba tagħha, ma hijiex denja li tingħata l-fiduċja pubblika neċessarja għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat,

[…]

Artikolu 89/A

1)      Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi japplikaw flimkien mad-derogi previsti f’dan il-kapitolu, fir-rigward tal-attività li huma jeżerċitaw fit-territorju tar-Repubblika tal-Ungerija, għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru taż-żona ekonomika Ewropea li huma awtorizzati li jeżerċitaw l-attività ta’ avukat fi Stat Membru taż-żona ekonomika Ewropea taħt wieħed mit-titoli professjonali previsti f’liġijiet jew regolamenti oħra (iktar ’il quddiem, il-‘ġuristi Ewropej’).

[…]

Artikolu 89/B

1)      Kwalunkwe persuna li tkun tixtieq teżerċita l-attività ta’ avukat fit-territorju tar-Repubblika tal-Ungerija għandha titlob l-inklużjoni tagħha fil-lista tal-ġuristi Ewropej miżmuma mill-kamra tal-avukati (iktar ’il quddiem, f’dak il-kapitolu, il-‘lista’) jekk hija tkun tixtieq teżerċita din l-attività b’mod permanenti bħala ġurist Ewropew u għandha l-fakultà li titlob din l-inklużjoni jekk hija tkun tixtieq teżerċita din l-attività fuq bażi okkażjonali bħala fornitur ta’ servizzi.

2)      Jiġi inkluż fil-lista kull applikant li:

a)      jiġġustifika, billi jipproduċi t-traduzzjoni ġuramentata fil-lingwa Ungeriża taċ-ċertifikat maħruġ mill-korp li jieħu ħsieb ir-reġistru tal-avukati fl-Istat Membru tiegħu, ċertifikat li ma jistax ikun eqdem minn tliet xhur, li huwa awtorizzat jeżerċita l-attività ta’ avukat fl-imsemmi Stat Membru,

[…]

Artikolu 89/F

1)      Il-ġurist Ewropew inkluż fil-lista għandu jiġi, fuq talba tiegħu, ammess bħala “ügyvéd” fil-kamra tal-avukati jekk:

a)      huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 13(3)(c) u (f) sa (h);

b)      huwa jipprova b’mod suffiċjenti, permezz ta’ dokumenti li jindikaw in-numru u t-tipi ta’ kawżi li kien involut fihom kif ukoll, jekk dan jintalab b’mod speċjali mill-kamra tal-avukati, waqt laqgħa individwali, li huwa eżerċita l-attività ta’ avukat fid-dritt Ungeriż (inkluż fil-qasam tal-applikazzjoni fl-Ungerija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea) fit-territorju tar-Repubblika tal-Ungerija għal tliet snin mingħajr ebda interruzzjoni, u

c)      huwa juri, waqt il-laqgħa [individwali], li huwa għandu konoxxenza tal-lingwa Ungeriża sal-livell neċessarju sabiex jeżerċita l-attività ta’ avukat.

2)      Il-ġurist Ewropew inkluż fil-lista jista’ wkoll, fuq talba tiegħu, jiġi ammess bħala avukat fil-kamra tal-avukati jekk, minkejja li huwa eżerċita l-attività tiegħu ta’ avukat fl-Ungerija għall-perijodu ta’ tliet snin mingħajr interruzzjoni, u l-attività tiegħu fid-dritt Ungeriż (inkluż fil-qasam tal-applikazzjoni fl-Ungerija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea) hija ta’ inqas minn tliet snin, dment li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra [iddikjarati fil-] paragrafu 1.

[…]

4)      Permezz tal-ammissjoni tiegħu fil-kamra tal-avukati, il-ġurist Ewropew isir membru sħiħ tal-kamra tal-avukati. Minbarra t-titolu ta’ “ügyvéd”, huwa jista’ jkompli, fl-użu tat-titoli professjonali tiegħu, jagħmel użu mit-titolu mogħti lilu fl-Istat Membru tal-oriġni tiegħu.

[…]

      Artikolu 89/I

[…]

2)      Fl-użu tat-titoli professjonali tiegħu, il-ġurist Ewropew jista’ juri biss it-titolu mogħti lilu mill-Istat Membru tal-oriġini, u huwa obbligat li jindika, fil-lingwa uffiċjali ta’ dak l-Istat Membru, l-isem tal-ordni professjonali li huwa membru tagħha. It-titolu professjonali għandu wkoll ikun akkumpanjat minn spjegazzjoni kumplimentari fil-lingwa Ungeriża jekk ikun hemm riskju ta’ konfużjoni mat-titolu ta’ “ügyvéd”.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      D.C. Ebert, ċittadin Ġermaniż, wettaq l-istudji tiegħu fil-liġi fil-Ġermanja u huwa awtorizzat jeżerċita l-attività ta’ avukat bit-titolu ta’ “Rechtsanwalt”, bħala membru tal-kamra tal-avukati ta’ Düsseldorf, sa mill‑1997. Sa mill-aħħar tas-snin 1990, D.C. Ebert għex fl-Ungerija, fejn huwa kiseb, wara studji fl-università ta’ Miskolc, it-titolu ta’ duttur fil-liġi fl‑2002.

19      Fl‑2004, D.C. Ebert ikkonkluda ftehim ta’ kollaborazzjoni ma’ uffiċċju ta’ avukati fl-Ungerija u ġie inkluż fil-lista ta’ ġuristi Ewropej, fis-sens tal-Artikolu 89/A tal-liġi dwar l-avukati, permezz tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Settembru 2004 tal-Budapesti Ügyvédi Kamara, b’tali mod li huwa jista’ jeżerċita l-attività ta’ avukat f’dan l-Istat Membru taħt it-titolu professjonali tal-oriġini.

20      Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju D.C. Ebert fl‑2005, stabbilixxa l-uffiċċju tiegħu fl-Ungerija u permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ April 2005, il-Budapesti Ügyvédi Kamara rreġistrat dan l-uffiċċju.

21      Wara d-deċiżjoni tar-rinviju, D.C. Ebert talab lill-Fővárosi Bíróság (qorti ta’ Budapest), fit‑13 ta’ Diċembru 2006, li jiġi rrikonoxxut id-dritt tiegħu li juża t-titolu Ungeriż ta’ “ügyvéd” fl-Ungerija mingħajr ma huwa membru tal-kamra tal-avukati.

22      Il-Fővárosi Bíróság ċaħdet din it-talba minħabba li, skont l-Artikoli 1 u 7(1) u (3) tad-Direttiva 89/48, D.C. Ebert ma jistax juża t-titolu ta’ “ügyvéd” sakemm ma jiġġustifikax il-kwalità tiegħu ta’ membru tal-kamra tal-avukati. D.C. Ebert appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Fővárosi Ítélőtábla (qorti ta’ Budapest).

23      Huwa f’dan il‑kuntest li l-Fővárosi Ítélőtábla ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Jistgħu d-Direttivi 89/48 […] u 98/5 […] jiġu interpretati fis-sens li r-rikorrent, ċittadin Ġermaniż, li għadda mill-eżami sabiex ikun jista’ jeżerċita l-professjoni ta’ avukat fil-Ġermanja, huwa membru tal-kamra tal-avukati lokali u għandu permess sabiex joqgħod u jaħdem fl-Ungerija, ikun intitolat, mingħajr ma huwa membru tal-kamra tal-avukati Ungeriża, li juża mingħajr kwalunkwe permess it-titolu uffiċjali ta’ “ügyvéd” (avukat), li huwa t-titolu uffiċjali fl-Ungerija, Stat ospitanti, quddiem il-qrati u fil-proċeduri amministrattivi, minbarra t-titolu Ġermaniż ta’ “Rechtsanwalt” u dak Ungeriż ta’ “európai közösségi jogász” [(avukat Ewropew)]?

2)      Id-Direttiva 98/5 […] tissupplimenta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/48 […] fis-sens li, fir-rigward tal-eżerċiżju tal-attività ta’ avukat, din hija lex specialis fil-qasam tagħha, filwaqt li d-Direttiva 89/48 […] tirregola biss b’mod ġenerali r-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla?”

24      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll waqt is-seduta, D.C. Ebert sostna li, fil-realtà, huwa talab unikament lill-ministeru Ungeriż tal-edukazzjoni u tal-kultura sabiex joqgħod għal aptitude test bil-għan li jikseb l-awtorizzazzjoni sabiex jeżerċita l-professjoni ta’ avukat taħt it-titolu professjonali tal-Istat Membru ospitanti tiegħu, b’mod konformi mad-Direttiva 89/48, u li dan il-ministeru ma rrispondiex għal tali talba iżda bagħtha lill-Budapesti Ügyvédi Kamara, li lanqas ma rrispondiet għal din it-talba.

25      Waqt is-seduta, din tal-aħħar ikkonfermat li hija rċeviet l-imsemmija talba mingħand il-ministeru tal-edukazzjoni u tal-kultura, iżda sostniet li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, hija ma għandha l-ebda kompetenza f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla skont id-Direttiva 89/48, peress li din il-kompentenza taqa’ taħt dan il-ministeru, ministeru li għadu ma ħa l-ebda deċiżjoni fil-konfront tat-talba ta’ D.C. Ebert. Il-Budapesti Ügyvédi Kamara indikat li, minħabba din ir-raġuni, hija ma setgħetx tirrispondi għal din it-talba, iżda, fis‑6 ta’ April 2005, inkludiet lil D.C. Ebert fil-lista ta’ ġuristi Ewropej.

26      Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ungeriż ikkonferma li, skont il-liġi dwar ir-rikonoxximent ta’ titoli u diplomi, li permezz tagħha ġiet trasposta d-Direttiva 89/48 fid-dritt Ungeriż, ir-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ D.C. Ebert jaqa’ taħt il-kompetenza tal-ministeru tal-edukazzjoni u tal-kultura.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

27      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, l-imsemmija qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 98/5 teskludix l-applikazzjoni tad-Direttiva 98/48 fis-sens li l-modalitajiet previsti fl-Artikolu 10(1) u (3) tad-Direttiva 98/5 jikkostitwixxu l-uniku mezz għall-avukati ta’ Stati Membri oħra sabiex jiksbu aċċess għat-titolu ta’ avukat ta’ Stat Membru ospitanti jew jekk iż-żewġ direttivi jikkumplimentawx lil xulxin billi jistabbilixxu, għall-avukati tal-Istati Membri, żewġ mezzi ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat fi Stat Membru ospitanti taħt it-titolu professjonali ta’ dan tal-aħħar.

28      D.C. Ebert, il-Gvern Ungeriż, dak Ċek, dak Spanjol u dak Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jqisu li d-Direttivi 98/5 u 89/48 jistabbilixxu żewġ mezzi ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti. Waqt is-seduta, il-Budapesti Ügyvédi Kamara indikat li hija tal-istess opinjoni.

29      F’dan ir-rigward, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/48 jipprovdi li din tal-aħħar ma tapplikax għall-professjonijiet li huma s-suġġett ta’ direttiva separata li tistabbilixxi arranġamenti għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi mill-Istati Membri.

30      Madankollu, mill-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 98/5 jirriżulta li avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu li segwa effettivament u regolarment attività professjonali fl-Istat Membru ospitanti għal perijodu ta’ mill-anqas tliet snin fl-Istat Membru ospitanti fil-liġi tal-Istat Membru inkluż id-dritt tal-Unjoni għandu, bil-għan li jikseb dħul fil-professjoni ta’ avukat fl-imsemmi Stat Membru, ikun eżentat mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48.

31      Barra minn hekk, fil-kundizzjonijet deskritti fl-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 98/5, avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu li segwa effettivament u regolarment attività professjonali fl-Istat Membru ospitanti għal perijodu ta’ mill-anqas tliet snin imma għal perijodu iqsar fil-liġi ta’ dak l-Istat Membru jista’ jikseb mingħand l-awtorita’ kompetenti ta’ dak l-Istat id-dħul fil-professjoni ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti u d-dritt li jipprattikaha taħt it-titolu professjonali li jikkorrispondi mal-professjoni f’dak l-Istat Membru, mingħajr il-ħtieġa li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48.

32      Madankollu, għalkemm, fil-kuntest ta’ dawn il-modalitajiet ta’ aċċess għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat taħt it-titolu tal-Istat Membru ospitanti, avukat kwalifikat ta’ Stat Membru ieħor huwa eżentat mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48, għandu madankollu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 98/5 ma timpedixxix lil dan l-avukat, b’mod partikolari meta dan ma jkunx segwa effettivament u regolarment attività fl-Istat Membru ospitanti għal perijodu ta’ mill-anqas tliet snin, mill-possibbiltà li jitlob l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat taħt it-titolu ta’ dan l-Istat Membru ospitanti billi jinvoka d-Direttiva 89/48. Fil-fatt, kif huwa rifless fil-premessi 2 u 3 tad-Direttiva 98/5, mill-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta espressament li l-avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali tal-oriġini fi Stat Membru ospitanti jista’, fi kwalunkwe mument, jitlob ir-rikonoxximent tad-diploma tiegħu skont id-Direttiva 89/48 bil-għan li jikseb aċċess għall-professjoni ta’ avukat f’dan l-Istat Membru ospitanti u li jeżerċitaha taħt it-titolu professjonali mogħti lil din il-professjoni fl-imsemmi Stat Membru.

33      F’tali sitwazzjoni, persuna titolari ta’ “diploma” fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 emendata, bħal Ebert tibbenefika, skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, minn aċċess għall-professjoni rregolata ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti. Madankollu, għal dak li jirrigwarda professjoni li l-eżerċizzju tagħha jirrikjedi konoxxenza preċiża tad-dritt nazzjonali u li element essenzjali u kostanti tagħha hija l-għoti ta’ pariri u/jew assistenza dwar id-dritt nazzjonali, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 ma jostakolax, skont l-Artikolu 4(1)(b) tagħha, lill-Istat Membru ospitanti milli jitlob ukoll li l-applikant joqgħod għal aptitude test, bil-kundizzjoni li dan l-Istat Membru jivverifika minn qabel jekk il-konoxxenza miksuba mill-applikant matul l-esperjenza professjonali tiegħu tkunx ta’ natura li tkopri, totalment jew parzjalment, id-differenza sostanzjali msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ din l-aħħar dispożizzjoni (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Koller, C‑118/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 38 u 39).

34      Għaldaqstant avukat ta’ Stat Membru jista’ jikseb aċċess għall-professjoni ta’ avukat, fi Stat Membru ospitanti fejn din il-professjoni hija rregolata, u jeżerċitaha taħt it-titolu professjonali mogħti minn dan tal-aħħar, kemm skont id-Direttiva 89/48, kif ukoll skont l-Artikolu 10(1) u (3) tad-Direttiva 98/5.

35      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li d-Direttivi 89/48 u 98/5 jikkumplimentaw lil xulxin billi jistabbilixxu għall-avukati tal-Istati Membri żewġ mezzi ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat fi Stat Membru ospitanti taħt it-titolu professjonali ta’ dan tal-aħħar.

 Fuq l-ewwel domanda

36      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistqasi essenzjalment jekk id-Direttivi 89/48 u 98/5 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-obbligu li wieħed għandu jkun membru ta’ entità bħalma hija l-kamra tal-avukati sabiex ikun jista’ jeżerċità l-attivita ta’ avukat taħt it-titolu ta’ avukat tal-Istat Membru ospitanti.

37      Mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 jirriżulta li, dment li persuna jkollha diploma preskritta minn Stat Membru sabiex jinkiseb aċċess għal professjoni, hija għandha d-dritt li tikseb aċċess għal din l-istess professjoni fi Stat Membru ospitanti taħt l-istess kundizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini tiegħu, ħlief dawk li jikkonċernaw il-pussess ta’ diploma tal-Istat Membru ospitanti.

38      Barra minn dan, mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/48, moqri fid-dawl tat-tieni premessa ta’ din id-direttiva, jirriżulta li persuna li tikseb aċċess għal professjoni rregolata fi Stat Membru ospitanti abbażi ta’ rikonoxximent ta’ diploma fis-sens tal-Artikolu 1(a) ta’ din id-direttiva, għandha tikkonforma ruħha mar-regoli professjonali tal-imsemmi Stat Membru, li jirrigwardaw b’mod partikolari l-osservanza tal-etika.

39      Mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 98/5 jirriżulta wkoll li l-avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali tiegħu tal-oriġini fi Stat Membru ospitanti huwa suġġett għall-istess regoli professjonali u ta’ etika li huma suġġetti għalihom l-avukati li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali miksub mill-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Jakubowska, C‑225/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 57).

40      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li la d-Direttiva 89/48 u lanqas id-Direttiva 98/5 ma jopponu l-applikazzjoni, fil-konfront tal-persuni kollha li jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat fit-territorju ta’ Stat Membru, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-aċċess għall-professjoni, ta’ dipożizzjonijiet nazzjonali, kemm jekk dawn ikunu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, iġġustifikati mill-interess ġenerali bħal regoli ta’ organizzazzjoni, ta’ etika, ta’ kontroll u ta’ responsabbiltà (ara f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 89/48, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94, Ġabra p. I‑04165, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika li l-Budapesti Ügyvédi Kamara implementat dawn ir-regoli b’mod konformi mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C‑19/92, Ġabra p. I‑1663, punt 32; Gebhard, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37, u tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑564/07, Ġabra p. I‑100, punt 31).

42      Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li la d-Direttiva 89/48 u lanqas id-Direttiva 98/5 ma jopponu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-obbligu li wieħed għandu jkun membru ta’ entità bħalma hija l-kamra tal-avukati, sabiex ikun jista’ jeżerċita l-attività ta’ avukat taħt it-titolu ta’ avukat tal-Istat Membru ospitanti.

 Fuq l-ispejjeż

43      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      La d-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal‑21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-ikkompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001, u lanqas id-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Frar 1998, sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni ma jopponu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-obbligu li wieħed għandu jkun membru ta’ entità bħalma hija l-kamra tal-avukati, sabiex ikun jista’ jeżerċita l-attività ta’ avukat taħt it-titolu ta’ avukat tal-Istat Membru ospitanti.

2)      Id-Direttivi 89/48 u 98/5 jikkumplimentaw lil xulxin billi jistabbilixxu għall-avukati tal-Istati Membri żewġ mezzi ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat fi Stat Membru ospitanti taħt it-titolu professjonali ta’ dan tal-aħħar.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.