Keywords
Summary

Keywords

1. Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Leġiżlazzjoni applikabbli — Natura imperattiva ta’ regoli ta’ kunflitt — Assigurazzjoni għall-mard — Persuni intitolati għal pensjoni jew allowance dovuta taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma jkunx il-pajjiż ta’ residenza

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikoli 28 u 28a, u Nru 574/72, Artikolu 29)

2. Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Assigurazzjoni għall-mard — Persuni intitolati għal pensjoni dovuta taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma jkunx il-pajjiż ta’ residenza

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikoli 28, 28a u 30, u Nru 574/72, Artikolu 29)

3. Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Sigurtà soċjali taċ-ċittadini migranti — Persuni intitolati għal pensjoni dovuta taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma jkunx il-pajjiż ta’ residenza

(Artikolu 21 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71)

Summary

1. Peress li r-regoli ta’ kunflitt previsti mir-Regolament Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament Nru 1992/2006, japplikaw b’mod imperattiv fuq l-Istati Membri, ma jistax jingħad li l-persuni assigurati li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jistgħu jevitaw l-effett tagħhom billi jagħżlu li ma jaqgħux taħthom. Fil-fatt, l-applikazzjoni tas-sistema ta’ kunflitt ta’ liġi stabbilita mir-Regolament Nru 1408/71 tiddependi biss mis-sitwazzjoni oġġettiva li fiha jinsab il-ħaddiem ikkonċernat. L‑Artikoli 28 u 28a ta’ dan ir‑regolament, skont il-formulazzjoni tagħhom stess, għandhom natura imperattiva għall‑persuni intitolati għall-pensjoni li jaqgħu fil‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Meta l‑persuna intitolata għal persjoni dovuta taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tinsab fis-sitwazzjoni oġġettiva deskritta fl‑artikoli msemmija, ir‑regola ta’ kunflitt stabbilita f’dawn id‑dispożizzjonijiet hija applikabbli għaliha mingħajr ma hija tkun tista’ tirrinunzja għal din ir-regola billi ma tirreġistrax ruħha skont l‑Artikolu 29 tar‑Regolament Nru 574/72, li jistipula l‑proċedura għall‑implementazzjoni tar‑Regolament Nru 1408/71, mal‑istituzzjoni kompetenti tal‑Istat Membru ta’ residenza tagħha. Għaldaqstant, l-Artikoli 28 u 28a tar Regolament Nru 1408/71 għandhom natura imperattiva għall-persuni assigurati li jaqgħu fil kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

Ir-reġistrazzjoni mal-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza prevista fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 574/72, li jistipula l‑proċedura għall‑implementazzjoni tar‑Regolament Nru 1408/71, tikkostitwixxi biss formalità amministrattiva li t-twettiq tagħha huwa neċesarju sabiex jiġi żgurat is-servizz effettiv tal-benefiċċji in natura f’dan l-Istat Membru taħt l-Artikoli 28 u 28a tar-Regolament Nru 1408/71. F’dan ir-rigward, meta toħroġ il‑formularju E 121, l‑istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru tiddikjara biss li l‑persuna assigurata kkonċernata kien ikollha dritt għall‑benefiċċji in natura taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ dan l‑Istat li kieku kienet tirrisjedi hemm. Peress li tali formularju huwa purament dikjarattiv, il-preżentazzjoni tiegħu lill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru sabiex issir ir-reġistrazzjoni tal-persuna assigurata kkonċernata f’dan tal-aħħar ma tistax għalhekk tikkostitwixxi kundizzjoni għall-ħolqien ta’ drittijiet għall-benefiċċji f’dan l-Istat Membru.

F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑persuni intitolati għal pensjoni li jaqgħu taħt l‑Artikoli 28 u 28a tar‑Regolament Nru 1408/71, fid‑dawl tan‑natura imperattiva tas‑sistema stabbilita minn dawn id‑dispożizzjonijiet, ma jistgħux jagħżlu li jirrinunzjaw għad‑dritt tal‑benefiċċji in natura mogħtija fl‑Istat Membru ta’ residenza tagħhom billi jonqsu milli jirreġistraw ruħhom mal‑istituzzjoni kompetenti ta’ dan l‑Istat Membru, u tali nuqqas ta’ reġistrazzjoni ma jistax ikollu bħala effett li jeżonerahom milli jħallsu l‑kontribuzzjonijiet fl‑Istat Membru responsabbli mill‑ħlas tal‑pensjoni tagħhom, peress li huma jibqgħu, f’kull każ, jaqgħu taħt ir‑responsabbiltà ta’ dan l‑aħħar Stat, peress li ma jistgħux jiġu esklużi mis‑sistema prevista mill‑imsemmi regolament.

Huwa minnu li, fin‑nuqqas ta’ reġistrazzjoni mal‑istituzzjoni kompetenti tal‑Istat Membru ta’ residenza, tali persuna assigurata ma tistax tibbenefika mis‑servizz effettiv tal‑imsemmija benefiċċji f’dan l‑Istat u, għaldaqstant, hija ma toħloq ebda spiża li l‑Istat Membru responsabbli mill‑ħlas tal‑pensjoni tagħha għandu jħallas lura lill‑Istat Membru ta’ residenza tagħha taħt l‑Artikolu 36 tar‑Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal‑Artikolu 95 tar‑Regolament Nru 574/72. Madankollu, tali fatt b’ebda mod ma jaffettwa l‑eżistenza ta’ dritt għal dawn il‑benefiċċji u, għaldaqstant, l‑obbligu korrelattiv li l‑istituzzjonijiet kompetenti tal‑Istat Membru li l‑leġiżlazzjoni tiegħu toħloq l‑eżistenza ta’ tali dritt jitħallsu l‑kontribuzzjonijiet dovuti bħala korrispettiv tar‑riskju sostnut minnu taħt id‑dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 1408/71. Tali obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet minħabba l‑eżistenza ta’ dritt għall‑benefiċċji, anki fin‑nuqqas ta’ tgawdija effettiva tal‑imsemmija benefiċċji, huwa inerenti għall‑prinċipju ta’ solidarjetà implementat mis‑sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali peress li, fin‑nuqqas ta’ tali obbligu, il‑persuni kkonċernati jistgħu jiġu inkoraġġuti li jistennew li jseħħ ir‑riskju qabel ma jikkontribwixxu għall‑finanzjament ta’ din is‑sistema.

(ara l-punti 52, 57, 61-65, 72-75)

2. L‑Artikoli 28, 28a u 33 tar‑Regolament Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament Nru 1992/2006, moqrija flimkien mal‑Artikolu 29 tar‑Regolament Nru 574/72, li jistipula l‑proċedura għall‑implementazzjoni tar‑Regolament Nru 1408/71, kif emendat bir‑Regolament Nru 311/2007, għandhom jiġu interpretati fis‑sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l‑persuni intitolati għal pensjoni dovuta taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ dan l‑Istat li huma residenti fi Stat Membru ieħor li fih għandhom id‑dritt, skont l‑Artikoli 28 u 28a tar‑Regolament Nru 1408/71, għall‑benefiċċji ta’ mard in natura mogħtija mill‑istituzzjoni kompetenti ta’ dan l‑aħħar Stat Membru, għandhom iħallsu, permezz ta’ tnaqqis mill‑imsemmija pensjoni, kontribuzzjoni għall‑imsemmija benefiċċji, anki jekk huma ma humiex irreġistrati mal‑istituzzjoni kompetenti tal‑Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

(ara l-punt 80 u d-dispożittiv 1)

3. L‑Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis‑sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l‑persuni intitolati għal pensjoni dovuta taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ dan l‑Istat li huma residenti fi Stat Membru ieħor li fih għandhom id‑dritt, skont l‑Artikoli 28 u 28a tar‑Regolament Nru 1408/71, kif emendat bir‑Regolament Nru 1992/2006, għall‑benefiċċji tal‑mard in natura mogħtija mill‑istituzzjoni kompetenti ta’ dan l‑aħħar Stat Membru, għandhom iħallsu, permezz ta’ tnaqqis mill‑imsemmija pensjoni, kontribuzzjoni għall‑imsemmija benefiċċji, anki jekk huma ma humiex irreġistrati mal‑istituzzjoni kompetenti tal‑Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi tali leġiżlazzjoni nazzjonali inkwantu din twassal jew tinvolvi, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan, trattament differenti mhux ġustifikat bejn ir-residenti u dawk mhux residenti għal dak li jikkonċerna l-garanzija tal-kontinwità tal-protezzjoni globali kontra r-riskju ta’ mard li dawn igawdu minnha fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni.

(ara l-punti 130 u 131, u d-dispożittiv 2)