Kawża C-339/09

Skoma-Lux s. r. o.

vs

Celní ředitelství Olomouc

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud)

“Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Intestaturi 2204 u 2206 — Xarba ffermentata abbażi ta’ għeneb frisk — Saħħa alkoħolika attwali bejn 15.8 % sa 16.1 % — Żieda ta’ alkoħol tal-qamħ u ta’ zokkor tal-pitravi matul il-produzzjoni”

Sommarju tas-sentenza

Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Xarba ffermentata abbażi ta’ għeneb li ġiet miżjuda biz-zokkor tal-pitravi u alkoħol tal-qamħ matul il-produzzjoni — Klassifikazzjoni fl-intestatura 2206 tan-Nomenklatura Magħquda

(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I, Intestatura 2206; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1719/2005)

Ir-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament Nru 1719/2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li xarba ffermentata abbażi ta’ għeneb frisk, ikkumerċjalizzata fi fliexken ta’ 0.75 litru u li għandha kontenut alkoħoliku bejn 15.8 % sa 16.1 % il-volum, li fil-proċess tal-produzzjoni tagħha ġie miżjud fiha z-zokkor tal-pitravi u l-alkoħol tal-qamħ, għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2206 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tal-imsemmi regolament.

Huwa minnu li l-użu li għalih huwa intiż il-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan huwa inerenti għall-imsemmi prodott. Din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu. Madankollu, l-użu li għalih huwa intiż il-prodott hu kriterju rilevanti biss jekk il-klassifikazzjoni tista’ ssir abbażi biss tal-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott.

(ara l-punti 47-48 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Intestaturi 2204 u 2206 – Xarba ffermentata abbażi ta’ għeneb frisk – Saħħa alkoħolika attwali bejn 15.8 % sa 16.1 % – Żieda ta’ alkoħol tal-qamħ u ta’ zokkor tal-pitravi matul il-produzzjoni”

Fil-Kawża C‑339/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Awwissu 2009, fil-proċedura

Skoma-Lux s. r. o.

vs

Celní ředitelství Olomouc,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.‑J. Kasel, A. Borg Barthet, E. Levits, u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Settembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Skoma-Lux s. r. o., minn M. Filouš, advokát,

–        għaċ-Celní ředitelství Olomouc, minn M. Brázda, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Grieg, minn G. Kanellopoulos, kif ukoll minn Z. Chatzipavlou u V. Karra, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon, L. Jelínek u M. Šimerdová, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi 2204 u 2206 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 286, p. 1) (iktar ’il quddiem in-“NM”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Skoma-Lux s. r. o. (iktar ’il quddiem “Skoma-Lux”) u ċ-Celní ředitelství Olomouc (id-diretteroat tad-dwana ta’ Olomouc) fir-rigward tal-klassifikazzjoni fin-NM ta’ prodott bl-isem “inbid aħmar tad-deżerta Kagor VK”, importat fir-Repubblika Ċeka.

 Il-kuntest ġuridiku

3        In-NM, imwaqqfa bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), imfassla mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u mwaqqfa minn Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288 ). In-NM adottat l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, filwaqt li s-seba’ u t-tmien ċifri biss jiffurmaw is-subintestaturi proprji tagħha.

4        Sabiex tagħti l-iktar spjegazzjonijiet wiesgħa fuq l-applikazzjoni tas-sistema armonizzata, l-Organizzazzjoni dinjija tad-dwana regolarment tippubblika noti ta’ spjega tas-sistema armonizzata (iktar ’il quddiem in-“NSSA”). Barra minn hekk, sabiex tiżgura l-applikazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-Kummissjoni Ewropea tħejji noti ta’ spjega ta’ din in-nomenkaltura bis-saħħa tat-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87. Dawn in-noti, li huma regolarment ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ma jissostitwixxux in-NSSA, imma għandhom jiġu kkunsidrati bħala noti li jikkumplementaw lil dawn tal-aħħar u għandhom jiġu kkonsultati flimkien.

5        Fil-verżjoni tas-SA tas-sena 2002, applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, l-intestatura 2204 hi intitolata “Inbid ta’ għeneb frisk, inklużi inbejjed imsaħħin; għeneb magħsur qabel jeħmer ħlief dak ta’ titlu 2009”.

6        In-NSSA dwar l-intestatura 2204 jipprovdu:

“2204.10 – Inbid effervexxenti

                  – Inbid ieħor; għeneb magħsur bil-fermentazzjoni miżmuma jew imwaqqfa biż-żieda ta’ alkoħol:

2204.21 – – F’kontenituri li jesgħu 2 litri jew inqas

2204.29 – – Oħrajn

2204.30 – Għeneb magħsur qabel jeħmer ieħor

I)      Inbid ta’ għeneb frisk

L-inbid ikklassifikat f’din l-intestatura huwa esklużivament il-prodott finali tal-fermentazzjoni alkoħolika tal-għeneb frisk magħsur qabel ma jeħmer.

Din l-intestatura tinkludi

[...]

4)      L-inbejjed tal-likur (li jissejħu wkoll inbejjed tad-deżerta, eċċ) li huma inbejjed b’kontenut alkoħoliku qawwi u li ġeneralment jinkisbu minn għeneb magħsur qabel ma jeħmer li jkollu ħafna zokkor u li biss parti minn dan iz-zokkor jiġi ttrasformat f’alkoħol permezz tal-fermentazzjoni; xi drabi jissaħħu billi jiżdied magħhom alkoħol jew għeneb magħsur qabel ma jeħmer ikkonċentrat miżjud bl-alkoħol. Fost l-inbejjed tal-likur, jistgħu jissemmew l-inbejjed tal-gżejjer Kanari, ta’ Ċipru, ta’ Lacryma Christi, ta’ Madeira, ta’ Malaga, ta’ Marsala, ta’ Porto, ta’ Malvasja, ta’ Samos, ta’ Jeres, eċċ.

[...]”

7        Il-verżjoni tas-SA tas-sena 2002 tinkludi wkoll l-intestatura 2206, intitolata “Xorb ieħor iffermentat (bħala eżempju, sidru, perry, mead); taħlit ta’ xorb iffermentat u taħlit ta’ xorb iffermentat u xorb mhux alkoħoliku, li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra”.

8        Skont in-NSSA dwar l-intestatura 2206:

“F’din l-intestatura huma inklużi x-xarbiet iffermentati kollha, minbarra dawk imsemmija fin-Nri 22.03 sa 22.05.

Tinkludi b’mod partikolari:

[...]

10)      Il-birra tal-ġinġer u x-xarba tal-ħxejjex, li huma xarbiet effervexxenti ppreparati biz-zokkor, l-ilma u l-ġinġer jew ċerti ħejjex u li jiġu ffermentati permezz tal-ħmira.

Dawn ix-xarbiet kollha jistgħu jkunu effervexxenti naturalment jew miżjuda b’mod artifiċjali bid-dijossidu karboniku. Jibqgħu ikklassifikati taħt din l-intestatura jekk jiġi miżjud fihom l-alkoħol jew jekk il-kontenut alkoħoliku tagħhom ikun żdied permezz ta’ fermentazzjoni oħra, sakemm iżommu n-natura ta’ prodotti kklassifikati taħt din l-intestatura.

[...]”

9        Il-verżjoni tan-NM applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta mir-Regolament Nru 1719/2005, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006.

10      L-ewwel parti tan-NM fiha sensiela ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt l-ewwel titolu dwar ir-regoli ġenerali, it-Taqsima I, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tistipula:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.      It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[...]”

11      It-tieni parti tan-NM fiha l-iskeda tad-dazji tad-dwana. It-taqsima IV ta’ din il-parti, intitolata “Preparazzjonijiet ta’ l-ikel; xorb, spirti u ħall; tabakk u sostituti manifatturati tat-tabakk” tinkludi l-kapitolu 22, li hu intitolat “Xorb, spirti u ħall”, li fih jinsabu b’mod partikolari l-intestaturi 2203 sa 2206, deskritti kif ġej:

“2203 00 Birra magħmula minn xgħir (malt):

                  [...]

2204                Inbid ta’ għeneb frisk, inklużi inbejjed imsaħħin; għeneb magħsur qabel jeħmer ħlief dak ta’ titlu 2009:

                  [...]

2205               Vermut u inbid ieħor ta’ għeneb frisk imħawwrin bi pjanti u sustanzi aromatiċi:

                  [...]

2206 00 Xorb ieħor iffermentat (bħala eżempju, sidru, perry, mead); taħlit ta’ xorb iffermentat u taħlit ta’ xorb iffermentat u xorb mhux alkoħoliku, li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra:

                  [...]”

12      Il-kapitolu 22 tal-iskeda tad-dazji tad-dwana jinkludi wkoll noti addizzjonali, li jistipulaw kif ġej:

“[...]

5.      Subtitli 2204 21 11 sa 2204 21 99 u 2204 29 12 sa 2204 29 99 għandhom ikunu kkunsidrati li jinkludu:

a)       għeneb magħsur bil-fermentazzjoni mwaqqfa biż-żieda ta’ alkoħol, biex ngħidu hekk, prodott:

–        ta’ saħħa alkoħolika attwali bil-volum mhux inqas minn 12 % vol iżda inqas minn 15 % vol, u

–        miksub biż-żieda ma’ għeneb magħsur mhux fermentat li jkollu saħħa alkoħolika naturali bil-volum mhux inqas minn 8,5 % vol ta’ prodott derivat mid-distillazzjoni ta’ inbid;

b)       inbid imsaħħaħ għad-distillazzjoni, biex ngħidu hekk, prodott:

–        ta’ saħħa alkoħolika attwali bil-volum mhux inqas minn 18 % vol iżda mhux aktar minn 24 % vol,

–        miksub esklussivament biż-żieda ma’ inbid li ma fihx ebda zokkor residwu ta’ prodott mhux imsoffi derivat mid-distillazzjoni ta’ inbid u b’saħħa alkoħolika massima bil-volum ta’ 86 % vol, u

–        ta’ aċidità massima volatili ta’ 1,5 g/l, imsejħa bħala aċtu aċetiku;

c)       inbid likur, biex ngħidu hekk, prodott:

–        ta’ saħħa alkoħolika totali bil-volum mhux inqas minn 17,5 % vol u b’saħħa alkoħolika attwali bil-volum mhux inqas minn 15 % vol iżda mhux aktar minn 22 % vol, u

–        miksub minn għeneb magħsur qabel jeħmer jew minn inbid, li jrid jiġi minn varjetajiet ta’ dwieli approvati fit-tielet pajjiż ta’ oriġni għallproduzzjoni ta’ inbid likur u jkollu saħħa alkoħolika naturali minima bil-volum ta’ 12 % vol,

–        bl-iffriżar, jew

–        biż-żieda waqt jew wara fermentazzjoni:

–        ta’ prodott derivat mid-distillazzjoni ta’ inbid, jew,

–        ta’ għeneb magħsur qabel jeħmer konċentrat jew, fil-każ ta’ ċerti inbejjed likuri ta’ kwalità li jidhru f’ista li trid tkun addottata ta’ inbejjed li għalihom din il-prattika hija tradizzjonali, ta’ għeneb magħsur konċentrat bi sħana diretta, li, barra minn din l-operazzjoni, tikkorrispondi għat-tifsira ta’ għeneb magħsur qabel jeħmer konċentrat, jew,

–        ta’ taħlita ta’ dawn il-prodotti.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Fit-18 ta’ Jannar 2006, Skoma-Lux ippreżentat liċ-Celní úřad Olomouc (uffiċċju doganali ta’ Olomouc) dikjarazzjoni ta’ ċirkulazzjoni libera ta’ prodotti kkumerċjalizzati taħt l-isem “inbid aħmar tad-deżerta Kagor VK”. Dawn il-prodotti, li kienu joriġinaw mill-Moldova, ġew iddikjarati taħt l-intestatura 2204 tan-NM.

14      Fil-kuntest ta’ kontroll ta’ din id-dikjarazzjoni doganali, iċ-Celní úřad Olomouc ħa kampjun ta’ dawn il-prodotti sabiex jidentifika l-oriġini tal-alkoħol, taz-zokkor u tal-ilma preżenti fihom. Mill-analiżijiet li saru jirriżulta li dan il-kampjun kien fih għall-inqas 25 % zokkor li ma kienx joriġina mill-meraq tal-għeneb, probabbilment miksub minn taħlita ta’ meraq tal-għeneb, zokkor tal-pitravi u zokkor riżultanti minn idrolisi tad-dqiq tal-qamħ. Skont dawn l-istess analiżijiet, l-imsemmija prodotti ġew prodotti minn meraq tal-għeneb miżjud b’sustanza li tagħmlu iktar ħelu u b’alkoħol tal-qamħ, ħaġa li waqqfet il-proċess ta’ fermentazzjoni.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2006, iċ-Celní úřad Olomouc, fir-rigward ta’ dawn l-analiżijiet, ikkunsidra li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jmisshom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 2206 tan-NM, għar-raġuni li ma kinux jikkostitwixxu inbid tal-likur peress li, meta ġew prodotti, ma ġewx miżjuda bi prodott li origina mid-distillazzjoni tal-inbid, iżda minn alkoħol ta’ oriġini oħra.

16      Fil-5 ta’ April 2007, iċ-Celní ředitelství Olomouc ċaħad ir-rikors ippreżentat minn Skoma-Lux kontra din id-deċiżjoni taċ-Celní úřad Olomouc.

17      Fl-4 ta’ Diċembru 2007, wara r-rikors ippreżentat minn Skoma-Lux, il-Krajský soud v Ostravě (il-qorti reġjonali ta’ Ostrava) annullat l-imsemmija deċiżjoni taċ-Celní ředitelství Olomouc u rrinvijat il-kawża biex terġa’ tiġi eżaminata mill-ġdid. Il-Krajský soud v Ostravě kkunsidrat li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 2204 tan-NM billi rrilevat b’mod partikolari li ż-żieda taz-zokkor jew tal-alkoħol, ikun x’ikun l-oriġini tagħha, ma kinitx tinvolvi bidla fil-karatteristiċi essenzjali tal-imsemmija prodotti, jiġifieri li ġew prodotti minn għeneb frisk.

18      Peress li ċ-Celní ředitelství Olomouc appella fuq punt ta’ liġi mid-deċiżjoni tal-Krajský soud v Ostravě quddiem in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti amministrattiva suprema), din tqis li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 2206 tan-NM. Fil-fatt, peress li ġie stabbilit li dawn il-prodotti fihom alkoħol tal-qamħ, huma ma joriġinawx esklużivament mill-għeneb.

19      Madankollu, peress li kkunsidrat li l-eżitu ta’ din il-kawża miġjuba quddiemha jiddependi mill-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli, in-Nejvyšší správní soud iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-prodotti kkumerċjalizzati taħt l-isem “inbid aħmar tad-deżerta Kagor VK” fi fliexken ta’ 0.75 litru u li għandhom kontenut alkoliku ta’ 15.8 % sa 16.1 % il-volum, li fil-proċess tal-produzzjoni tagħhom ġie miżjud fihom iz-zokkor tal-pitravi u l-alkoħol tal-qamħ, jiġifieri sustanzi li mhumiex ġejjin minn għeneb frisk, għandhom ikunu kklassifikati taħt l-intestatura 2204 jew taħt l-intestatura 2206 tan-[NM]?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

20      Fl-osservazzjonijiet tagħha, Skoma-Lux tafferma, essenzjalment, li l-karatteristiċi tal-inbid aħmar tad-deżerta Kagor VK ma jikkorrispondux ma’ dawk tal-prodotti deskritti fid-domanda preliminari. Fil-fatt, skont Skoma-Lux, dan l-inbid jinkiseb permezz tal-fermentazzjoni ta’ għeneb magħsur qabel jeħmer, liema fermentazzjoni titwaqqaf billi jiżdied l-alkoħol tal-inbid jew id-distillat tal-inbid sabiex jinkiseb il-kontenut alkoħoliku meħtieġ.

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala regola, tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 38, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2010, Stoß et, C-316/07, C-358/07 sa C-360/07, C-409/07 u C-410/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 51).

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Imħallef nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li huwa jiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tiegħu, u li mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Barra minn hekk, meta l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha hu li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, iktar milli li tikklassifikhom hi stess, u dan peress li hija mhux neċessarjament tiddisponi mill-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. B’hekk, jidher li l-qorti nazzjonali fi kwalunkwe każ hija f’pożizzjoni aħjar biex tagħmel dan. Madankollu, sabiex din tal-aħħar tingħata risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li tqis li huma neċessarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Pärlitigu, C‑56/08, Ġabra p. I‑6719, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Konsegwentement, hekk kif issostni l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirriformula d-domanda li saritilha fis-sens li qed tistaqsi li tiġi deċiża l-kwistjoni jekk xarba ffermentata abbażi ta’ għeneb frisk, ikkummerċjalizzata fi fliexken ta’ 0.75 litru, u li għandha kontenut alkoħoliku bejn 15.8 % sa 16.1 % il-volum, li fil-proċess tal-produzzjoni tagħha ġie miżjud fiha z-zokkor tal-pitravi u l-alkoħol tal-qamħ (iktar ’il quddiem ix-“xarba inkwistjoni”), għandhiex tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2204 jew taħt l-intestatura 2206 tan-NM.

 Fuq l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 600/2006

25      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, in-Nejvyšší správní soud tirreferi għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 600/2006, tat-18 ta’ April 2006, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti merkanziji fin-Nomenklatura Maqgħuda (ĠU L 330M, 28.11.2006, p. 342). Dan ir-regolament, li ġie adottat abbazi tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87 u li jawtorizza lill-Kummissjoni tikkjarifika l-kontenut ta’ intestatura tariffarja, jikklassifika prodott li l-karatteristiċi tiegħu jikkorrispondu għal dawk tax-xarba inkwistjoni taħt l-intestatura 2206 tan-NM.

26      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika fl-osservazzjonijiet tagħha li l-imsemmi regolament ġie adottat wara li saru klassifikazzjonijiet tariffarji differenti minn awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-inbid aħmar tad-deżerta Kagor VK.

27      Madankollu, minn giurisprudenza stabbilita jirriżulta li regolament li jippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ klassifikazzjoni f’intestatura jew subintestatura tariffarja huwa ta’ natura leġiżlattiva u ma jistax ikollu effetti retroattivi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2001, CBA Computer, C‑479/99, Ġabra p. I‑4391, punt 31 u tas-27 ta’ Novembre 2008, Metherma, C-403/07, Ġabra p. I‑8921, punt 39).

28      Skont l-ewwel premessa tar-Regolament Nru 600/2006, dan ġie adottat sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-NM. Madankollu, huwa paċifiku li l-imsemmi regolament daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Mejju 2006, jiġifieri wara l-introduzzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ ċirkolazzjoni libera tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u li ma ngħata ebda effett retroattiv.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Regolament Nru 600/2006 ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali. Id-domanda preliminari b’hekk għandha tiġi eżaminata fid-dawl tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 1719/2005.

 Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

30      Skoma-Lux issostni li l-karatteristiċi organolettiċi partikolari u l-proprjetajiet oġġettivi tax-xarba inkwistjoni, kif ukoll l-użu tagħha jikkorrispondu għal dawk tal-prodotti kklassifikati fl-intestatura 2204 tan-NM. F’dan is-sens, l-uffiċċji doganali ta’ diversi Stati Membri taw informazzjoni tariffarja li torbot dwar il-klassifikazzjoni tal-inbid aħmar tad-deżerta Kagor VK fl-imsemmija intestatura.

31      Iċ-Celní ředitelství Olomouc jikkunsidra li, b’mod konformi man-NSSA, l-imsemmija xarba għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2206 tan-NM peress li fiha alkoħol miżjud li għandu oriġini differenti mid-distillazzjoni tal-inbid.

32      Il-Gvern Ċek jenfasizza li l-alkoħol inkluż f’xarbiet ikklassifikati taħt l-intestatura 2204 tan-NM għandu joriġina esklużivament mill-proċess ta’ fermentazzjoni tal-għeneb. Peress li x-xarba inkwistjoni fiha xi alkoħol li parti minnu ma hijiex provenjenti mill-inbid, hija taqa’ taħt l-intestatura 2206 tan-NM, li tinkludi x-xarbiet iffermentati kollha li ma jistgħux jiġu kklassifikati taħt intestaturi oħrajn tal-kapitolu 22 tan-NM.

33      Il-Gvern Grieg iqis li x-xarba inkwistjoni taqa’ taħt l-intestatura 2206 tan-NM. Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl tan-nota addizzjonali 5 tal-Kapitolu 22 tan-NM, hija ma tistax tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2204 sa fejn l-alkoħol etiliku użat għall-produzzjoni tagħha ma joriġinax mid-distillazzjoni tal-inbid. Min-naħa l-oħra, l-intestatura 2206 tan-NM tinkludi xarbiet li huwa awtorizzat li jiżdied magħhom alkoħol etiliku tal-qamħ, bil-kundizzjoni li n-natura essenzjali tal-prodott bażiku tiġi kkonservata, ħaġa li hija l-każ għall-imsemmija xarba.

34      Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li n-NSSA ma jipprojbixxux li jiżdied l-alkoħol li ma joriġinax mill-għeneb mal-inbid. B’hekk, ix-xarba inkwistjoni għandha, bħala regola, tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2204 tan-NM. Madankollu, jekk, meta jiżdied iz-zokkor tal-pitravi u l-alkoħol tal-qamħ fil-proċess tal-produzzjoni, in-natura ta’ xarba ffermentata abbażi ta’ għeneb frisk tant tkun inbidlet li l-proprjetajiet tal-prodott ikunu differenti ħafna mill-proprjetajiet organolettiċi u kimiċi ddefiniti mir-regoli internazzjonali jew nazzjonali għall-prodotti tipiċi tal-intestatura 2204 tan-NM, u b’mod partikolari meta għall-inqas nofs is-saħħa alkoħolika attwali tax-xarba ma toriġinax minn għeneb frisk, skont il-Kummissjoni, ix-xarba inkwistjoni għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2206 tan-NM. Huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jevalwaw kemm hija kbira din id-differenza.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

35      Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċisiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C‑142/06, Ġabra p. I‑6675, punt 16, u tal-20 ta’ Mejju 2010, Data I/O, C‑370/08, Ġabra p. I-4401, punt 29).

36      Għandu jitfakkar ukoll li kemm in-noti li jippreċedu l-kapitoli tat-Tariffa Doganali Komuni kif ukoll in-NSSA jikkostitwixxu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ din it-tariffa u fihom infushom jistgħu jkunu validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 1997, Wiener SI, C‑338/95, Ġabra p. I‑6495, punt 11, u tad-29 ta’ April 2010, Roeckl Sporthandschuhe, C-123/09, Ġabra p. I-4065, punt 29).

37      F’dan il-każ, l-intestatura 2204 tan-NM issemmi “nbid ta’ għeneb frisk, nklużi inbejjed imsaħħin”. In-NSSA dwar din l-intestatura jippreċiżaw li, għall-inbejjed ta’ għeneb frisk, l-inbid ikklassifikat taħt din l-intestatura huwa esklużivament il-prodott finali tal-fermentazzjoni alkoħolika tal-għeneb frisk magħsur qabel jeħmer.

38      Fost dawn l-inbejjeb ta’ għeneb frisk, l-intestatura 2204 tinkludi l-inbejjed tal-likur, li jissejħu wkoll inbejjed tad-deżerta, li ma huwiex ikkontestat li s-saħħa alkoħolika tagħhom, indikata fin-nota addizzjonali 5(c) tal-kapitolu 22 tan-NM, tikkorrispondi għal dik tax-xarba inkwistjoni. Lanqas ma huwa kkontestat li l-imsemmija xarba ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imposti min-noti addizzjonali 5(a) u (b), li jikkonċernaw l-għeneb magħsur bil-fermentazzjoni mwaqqfa biż-żieda ta’ alkoħol u inbid imsaħħaħ għad-distillazzjoni rispettivament.

39      Barra minn hekk, in-nota addizzjonali 5(c) tal-kapitolu 22 tan-NM tawtorizza, għall-inbid tal-likur, li jiżdied biss, waqt jew wara l-fermentazzjoni, jew prodott derivat mid-distillazzjoni ta’ inbid, jew għeneb magħsur qabel jeħmer konċentrat, jew taħlita ta’ dawn il-prodotti.

40      Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, min-NSSA dwar l-intestatura 2204, moqrija flimkien man-nota addizzjonali 5(c) tal-kapitolu 22 tan-NM, jirriżulta b’mod ċar u mingħajr ambigwità li l-alkoħol li jinsab f’inbid tal-likur, kemm jekk ikun ir-riżultat ta’ fermentazzjoni alkoħolika kif ukoll jekk dan jiżdied, għandu jiġi esklużivament mill-għeneb.

41      Minn dan jirriżulta li x-xarba inkwistjoni, li fil-porċess ta’ produzzjoni jkun ġie miżjud fiha l-alkoħol tal-qamħ, ma tistax tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2204 tan-NM, u dan mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk inbid tal-likur, fis-sens tal-imsemmija intestatura, jistax ikun fih zokkor tal-pitravi.

42      Peress li dan ġie ddeterminat, għandu issa jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħha, ix-xarba inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2206 tan-NM.

43      Fil-fatt, l-imsemmija intestatura tinkludi “Xorb ieħor iffermentat (bħala eżempju, sidru, perry, mead); taħlit ta’ xorb iffermentat u taħlit ta’ xorb iffermentat u xorb mhux alkoħoliku, li ma humiex speċifikati jew inklużi band’oħra”. In-NSSA jispeċifikaw li din l-intestatura tinkludi x-xarbiet iffermentati kollha, minbarra dawk imsemmija fin-Nri 2203 sa 2205.

44      Fl-ewwel lok, mis-suespost jirriżulta li x-xarba inkwistjoni ma tistax tiġi inkluża taħt l-intestatura 2204 tan-NM. Fid-dawl tal-kompożizzjoni tagħha, lanqas ma tista’ tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2203 00 tan-NM, dwar il-“Birra magħmula minn xgħir (malt)”, u lanqas taħt is-subintestatura 2205, dwar il-“Vermut u inbid ieħor ta’ għeneb frisk imħawwrin bi pjanti u sustanzi aromatiċi”.

45      Fit-tieni lok, fir-rigward taż-żieda tal-alkoħol u taz-zokkor fix-xarba inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li n-NSSA dwar l-intestatura 2206 jistipulaw li x-xarbiet jibqgħu kklasifikati taħt din l-intestatura anki jekk jiżdied l-alkoħol magħhom. Barra minn hekk, xarba li fil-proċess tal-produzzjoni tagħha jkun żdied fiha z-zokkor tista’ tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2206. F’dan is-sens, in-nota ta’ spjega 10 tas-SA dwar l-intestatura 2206 tistipula li l-birra tal-ġinġer u x-xarba tal-ħxejjex, ippreparati biz-zokkor, l-ilma u l-ġinġer jew ċerti ħxejjex, huma kklassifikati taħt din l-intestatura.

46      Fit-tielet lok, dejjem skont in-NSSA dwar l-intestatura 2206, iż-żieda tal-alkoħol max-xarbiet li jaqgħu taħt din l-intestatura ma tipprekludix li dawn ix-xarbiet jibqgħu kklassifikati hekk sakemm iżommu l-karatteristiċi tal-prodotti kklassifikati taħt din l-intestatura, jiġifieri dawk tax-xarbiet iffermentati. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li x-xarba inkwistjoni għandha t-togħma, il-kulur u r-riħa ta’ xarba magħmula mill-għeneb. Konsegwentement, hija ma tilfitx il-karatteristiċi organolettiċi partikolari ta’ xarba ffermentata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Siebrand, C‑150/08, Ġabra p. I‑3941, punt 37).

47      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument ta’ Skoma-Lux, li peress li l-inbid aħmar tad-deżerta Kagor VK huwa ntiż biex jinxtorob bħala nbid, għandu jiġi kkassifikat taħt l-intestatura 2204 tan-NM, għandu jitfakkar li, ċertament, l-użu li għalih huwa ntiż il-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan huwa inerenti għall-imsemmi prodott. Din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA, C‑183/06, Ġabra p. I‑1559, punt 36, u Roeckl Sporthandschuhe, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28). Madankollu, l-użu li għalih huwa ntiż il-prodott hu kriterju rilevanti biss jekk il-klassifikazzjoni tista’ ssir abbażi biss tal-karatteristiċi u l-proprjetajiet oiġġettivi tal-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1976, Industriemetall LUMA, 38/76, Ġabra p. 2027, punt 7). Mis-suespost jirriżulta li, fid-dawl tal-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħha, ix-xarba inkwistjoni taqa’ kjarament u esklużivament taħt l-intestatura 2206 tan-NM.

48      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hi li r-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 1719/2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li xarba ffermentata abbażi ta’ għeneb frisk, kkumerċjalizzata fi fliexken ta’ 0.75 litru u li għandha kontenut alkoħoliku bejn 15.8 % sa 16.1 % il-volum, li fil-proċess tal-produzzjoni tagħha ġie miżjud fiha z-zokkor tal-pitravi u l-alkoħol tal-qamħ, għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2206 tan-NM.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li xarba ffermentata abbażi ta’ għeneb frisk, kkumerċjalizzata fi fliexken ta’ 0.75 litru u li għandha kontenut alkoħoliku bejn’ 15.8 % sa 16.1 % il-volum, li fil-proċess tal-produzzjoni tagħha ġie miżjud fiha z-zokkor tal-pitravi u l-alkoħol tal-qamħ, għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2206 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tal-imsemmi regolament.

Firem


* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.